Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tistaʼ Tagħmel Paċi m’Oħrajn?

Kif Tistaʼ Tagħmel Paċi m’Oħrajn?

Il-​Ħarsa tal-​Bibbja

DWAR il-​bnedmin, il-​Bibbja tgħid: “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.” (Rumani 3:23) Minħabba li l-​iktar minn sebaʼ biljun ruħ fid-​dinja huma imperfetti, ma jistax ma jkunx hemm differenzi fil-​personalitajiet. Kif nistgħu nagħmlu paċi f’ċirkustanzi bħal dawn?

Il-​Bibbja toffri pariri tajbin. Tiddeskrivi lill-​Ħallieq bħala “l-​Alla tal-​paċi,” li ismu hu Ġeħova. (Ebrej 13:20; Salm 83:18) Alla jrid li wliedu fuq l-​art igawdu l-​paċi bejniethom. U f’dan ir-​rigward, hu jieħu t-​tmexxija. Meta l-​ewwel koppja umana dinbu kontra Alla, u b’hekk kisru l-​paċi taʼ bejniethom, hu mill-​ewwel ħa passi biex jerġaʼ jħabbeb lill-​ħlejjaq umani miegħu. (2 Korintin 5:19) Ikkunsidra tliet passi li tistaʼ tieħu biex tagħmel paċi m’oħrajn.

Aħfer mill-​Qalb

Il-​Bibbja x’tgħid? “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”—Kolossin 3:13.

X’inhi l-​isfida? Forsi jkollok ‘għalxiex tilmenta’ u tħoss li għandek raġun tiksirha minn maʼ dak li offendiek. Għandek mnejn tirraġuna wkoll li dak li offendiek għandu jiskuża ruħu hu l-​ewwel. Imma jekk l-​individwu ma jkunx konxju tal-​offiża tiegħu, jew jemmen li int il-​wieħed li żbaljajt, x’aktarx li n-​nuqqas taʼ qbil mhux se jitranġa.

X’tistaʼ tagħmel? Agħti kas il-​parir tal-​Bibbja billi taħfer lill-​individwu mill-​qalb, speċjalment jekk il-​problema tkun żgħira. Ftakar, jekk Alla jżomm kont tal-​iżbalji tagħna, qatt ma nkunu nistgħu nżommu weqfin quddiemu. (Salm 130:3) Il-​Bibbja tgħid li “Ġeħova ħanin u grazzjuż, bil-​mod biex jirrabja u għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba. Għax hu jaf tajjeb kif aħna msawrin, u jiftakar li aħna trab.”—Salm 103:8, 14.

Ikkunsidra wkoll il-​proverbju tal-​Bibbja: “Id-​dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-​naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.” (Proverbji 19:11) Id-​dehen jgħinna naraw lil hinn minn dak li jidher minn barra u jgħinna nifhmu għala n-​nies jitkellmu jew jaġixxu b’ċertu mod. Allura staqsi lilek innifsek, ‘Il-​persuna li weġġgħetni kienet għajjiena, marida, jew stressata?’ Il-​fatt li tifhem il-​motivi, is-​sentimenti, u ċ-​ċirkustanzi veri t’oħrajn, għandu mnejn jikkontrolla r-​rabja tiegħek u jgħinek tħalli n-​nuqqasijiet tagħhom jibqgħu għaddejjin.

Tkellimha

Il-​Bibbja x’tgħid? “Jekk ħuk jagħmel dnub, mur sibu waħdu u urih l-​iżball tiegħu. Jekk jismaʼ minnek, tkun ksibt lura lil ħuk.”—Mattew 18:15.

X’inhi l-​isfida? Emozzjonijiet negattivi bħall-​biżaʼ, ir-​rabja, u l-​mistħija jistgħu jżommuk milli tavviċina lill-​individwu biex tirranġaw il-​problema. Għandek mnejn ukoll titħajjar tfittex l-​appoġġ t’oħrajn billi tgħidilhom dwar il-​problema, u hemm ċans li n-​nuqqas taʼ qbil jikber jew jiggrava.

X’tistaʼ tagħmel? Meta problema tkun serja u tħoss li ma tistax tħalliha għaddejja, avviċina lill-​persuna u tkellmuha. Ipprova ttratta l-​kwistjoni b’dan il-​mod:

(1Fil-​pront: Titnikkirx. Jekk tagħmel hekk, il-​problema tistaʼ tiggrava. Ipprova applika l-​parir taʼ Ġesù meta qal: “Jekk waqt li tkun qed iġġib l-​għotja tiegħek lejn l-​artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-​għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-​artal, u mur l-​ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-​għotja tiegħek.”—Mattew 5:23, 24.

(2Fil-​privat: Irreżisti t-​tentazzjoni li sseksek m’oħrajn dwar il-​problema. “Iddefendi l-​kawża tiegħek m’għajrek, u tikxifx id-​diskors kunfidenzjali taʼ ħaddieħor.”—Proverbji 25:9.

(3Bil-​paċi: Irreżisti t-​tendenza li tanalizza min għandu raġun u min le. L-​għan tiegħek hu li tagħmel paċi, mhux li tirbaħ l-​argument. Ipprova uża l-​kelma “jien” minflok “int.” Jistaʼ jkun ħafna iktar effettiv jekk tgħid lill-​individwu “Nħossni mweġġaʼ għax . . . ” milli jekk tgħid: “Int weġġajtni!” Il-​Bibbja tpoġġiha b’dan il-​mod: “Ħa niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.”—Rumani 14:19.

Uri s-​Sabar fit-​Tul

Il-​Bibbja x’tgħid? “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. . . . Imma, ‘jekk l-​għadu tiegħek hu bil-​ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-​għatx, agħtih jixrob.’”—Rumani 12:17, 20.

X’inhi l-​isfida? Jekk l-​individwu għall-​ewwel jirrifjuta li jagħmel paċi, għandek mnejn tkun trid taqtaʼ qalbek.

X’tistaʼ tagħmel? Kun paċenzjuż. In-​nies għandhom karattri u livelli taʼ maturità differenti. Xi wħud idumu iktar biex jikkalmaw; oħrajn għadhom qed jitgħallmu kif juru kwalitajiet divini. Ibqaʼ urihom qalb tajba u mħabba. Il-​Bibbja tgħid: “Tħallix il-​ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb.”—Rumani 12:21.

Biex nagħmlu paċi m’oħrajn, irridu nistinkaw biex nuru l-​umiltà, id-​dehen, il-​paċenzja, u l-​imħabba. Imma hu taʼ min jagħmlu dan l-​isforz għall-​paċi!

QATT ĦSIBT DWAR DAN?

● X’jistaʼ jgħinek taħfer lil xi ħadd mill-​qalb?—Kolossin 3:13.

● X’jistaʼ jgħinek tavviċina lill-​persuna ħalli titkellmu dwar il-​problema?—Mattew 5:23, 24.

● X’tistaʼ tagħmel jekk l-​individwu għall-​ewwel jirrifjuta l-​isforzi tiegħek biex tagħmel paċi?—Rumani 12:17-​21.

[Kumment f’paġna 11]

“Id-​dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-​naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.”—PROVERBJI 19:11