Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Għajnejn—Kif Għandna Nużawhom?

L-Għajnejn—Kif Għandna Nużawhom?

● L-​għajn tal-​bniedem hi sabiħa wisq. Imma hija iktar milli sabiħa. Hija wkoll qawwija. Ktieb bl-​Ingliż (Visual Impact, Visual Teaching) jgħid li “erbgħin fil-​mija tal-​fibri tan-​nervituri kollha mqabbdin mal-​moħħ huma marbutin mar-​retina,” nisġa taʼ ċelluli kumplessa u rqiqa li tiksi n-​naħa taʼ ġewwa tal-​għajn.

Bix-​xieraq, Ġesù Kristu qal li l-​għajn hi “l-​musbieħ tal-​ġisem.” Biex jispjega dak li ried ifisser, hu kompla: “Jekk . . . għajnek tkun sempliċi [sinċiera, iffokata fuq it-​tajjeb], ġismek kollu jkun jiddi; imma jekk għajnek tkun mill-​agħar, ġismek kollu jkun mudlam.” (Mattew 6:22, 23) B’dan il-​kliem, Ġesù kien qed ifakkarna kif l-​għajn, jew dak li naraw, tistaʼ teffettwa l-​ħsibijiet, is-​sentimenti, u l-​azzjonijiet tagħna. Ħsibijiet tajbin idawlu l-​ħajja taʼ bniedem; ħsibijiet ħżiena jdallmuha.

Pereżempju, ikkunsidra l-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 5:28, 29: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu. Issa, jekk għajnek il-​leminija qed tfixklek, aqlagħha [b’mod figurattiv].” X’ried jgħid? Għajn li dejjem tħuf tistaʼ tqajjem xewqat ħżiena sal-​punt li, jekk wieħed jingħata ċ-​ċans, għandu mnejn iwettaq atti immorali u jitlef l-​approvazzjoni t’Alla.—Ġakbu 1:14, 15.

Kemm ikun aħjar li nitrażżnu, anke jekk dan ikun diffiċli daqs li naqilgħu l-​għajn ’il barra. Wara kollox, ma jaqbilx li nitilfu l-​ħajja taʼ dejjem għal sempliċi ftit mumenti taʼ pjaċiri senswali.

Dak li nħallu lilna nfusna naraw jistaʼ wkoll iqanqal ir-​regħba. Għalhekk, il-​Bibbja twissina li ‘x-​xewqa [egoistika] taʼ l-​għajnejn ma toriġinax mill-​Missier, imma mid-​dinja. Iktar minn hekk, id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.’—1 Ġwanni 2:16, 17.

Qed tkun restrittiva żżejjed il-​Bibbja? Lanqas xejn! Meta ninjoraw il-​prinċipji li fiha, se jkollna l-​problemi u d-​dwejjaq. (Galatin 6:7, 8) Meta nagħtu widen għall-​Kelma t’Alla, inkluż id-​direzzjoni għaqlija tagħha għal dak li nħarsu lejh, inkunu qed niżirgħu l-​ferħ. Ġesù qal: “Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:28) Iktar minn hekk, dawn għandhom il-​prospett li jibqgħu fuq l-​art għal dejjem, filwaqt li dawk li jrawmu għajn immorali jew rgħiba la se jkollhom il-​ferħ u lanqas il-​ħajja.