Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Onestà Ġġib Suċċess Veru

L-Onestà Ġġib Suċċess Veru

“Anki meta wieħed ikollu bl-​abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.”—Luqa 12:15.

HUWA parti neċessarja tal-​ħajja li taqlaʼ l-​għajxien. Għandna responsabbiltà quddiem Alla biex nipprovdu għalina nfusna u għall-​familji tagħna.—1 Timotju 5:8.

Imma xi ngħidu jekk li tikseb il-​flus u l-​affarijiet li tistaʼ tixtri bihom isir iktar minn sempliċi mezz biex tgħix? Xi ngħidu jekk isir l-​iskop tiegħek fil-​ħajja? Dawk li l-​mira primarja tagħhom hi li jiksbu l-​għana jsibuha iktar faċli li jirrikorru għad-​diżonestà biex jiksbuh. Forsi jkun tard wisq meta jindunaw li d-​diżonestà qed tisirqilhom is-​suċċess veru. Barra minn hekk, bħalma tgħid il-​Bibbja, l-​imħabba għall-​flus tikkaġuna ħafna weġgħat.—1 Timotju 6:9, 10.

Ikkunsidra l-​erbaʼ eżempji li ġejjin taʼ individwi li għalihom is-​suċċess ifisser iktar milli jaħżnu l-​għana.

Irrispetta Lilek Innifsek

“Xi snin ilu intervistajt klijent prospettiv li ried jixtri polza tal-​assikurazzjoni fuq ħajtu li kienet tiswa miljun dollaru. Il-​persentaġġ li kont naqlaʼ fuq dan kien jammonta għal eluf taʼ dollari. Hu qalli li kien ikolli nagħtih nofs il-​persentaġġ li naqlaʼ biex jagħmel il-​polza tal-​assikurazzjoni miegħi. Dak li kien qed jitlob mhux biss kien bla etika imma wkoll illegali, u jien hekk għedtlu.

“Ipprovajt nirraġuna miegħu billi staqsejtu jekk verament riedx jagħti l-​informazzjoni kunfidenzjali tiegħu, kemm persunali u kemm finanzjarja, lil xi ħadd li kien diżonest. Erġajt għedtlu x’kienet il-​pożizzjoni tiegħi u għedtlu biex jikkuntattjani jekk ikun iridni bħala l-​aġent tiegħu. Qatt ma rġajt smajt mingħandu.

“Li kieku aċċettajt l-​offerta tiegħu, l-​integrità persunali tiegħi kienet tiddgħajjef u r-​rispett lejja nnifsi bħala Kristjan kien jisfa fix-​xejn. Kont insir l-​ilsir taʼ raġel li użani biex nieħu sehem fi skema diżonesta.”—Don, l-​Istati Uniti tal-​Amerika.

Paċi tal-​Moħħ

Bħalma ġie rakkontat fl-​ewwel artiklu f’din is-​serje, Danny ġie offrut tixħim kbir biex jigdeb dwar l-​abbiltà taʼ fabbrika li kienet qed tiġi kunsidrata biex tagħmel xi xogħol għall-​kumpanija li kien jaħdem għaliha. Kif irreaġixxa?

“Irringrazzjajt lill-​maniġer talli wera l-​ospitalità billi stidinni għall-​ikel u mbagħad tajtu l-​envelop lura li kien fih il-​flus. Hu baqaʼ jinsisti u qal li jekk ngħid li l-​fabbrika tiegħu kienet kapaċi tilħaq il-​livelli li xtaqna, kien se jagħtini saħansitra iktar flus. Jien irrifjutajt.

“Li kieku aċċettajt il-​flus, kont inkun dejjem beżgħan li ninqabad. Iktar tard, l-​imgħallem tiegħi b’xi mod sar jaf dwar x’kien ġara. Kont ferħan ħafna u moħħi mistrieħ li ma kont għamilt xejn diżonest. Ġie f’moħħi l-​kliem taʼ Proverbji 15:27: ‘Min qed jagħmel qligħ inġust qed iġiegħel lil daru tiġi mwarrba, imma min jobgħod ir-​rigali [jew it-​tixħim] jibqaʼ jgħix.’”—Danny, Ħong Kong.

Hena fil-​Familja

“Jien naħdem għal rasi fl-​industrija tal-​kostruzzjoni. Ikolli ħafna opportunitajiet biex inqarraq bil-​konsumaturi jew biex nevita li nħallas it-​taxxa. Imma jien u familti bbenefikajna minħabba li jien determinat li nibqaʼ onest.

“L-​onestà tinvolvi l-​ħajja taʼ dak li jkun kollha kemm hi, mhux biss il-​ħin li jqattaʼ x-​xogħol jew fin-​negozju. Il-​fatt li tkun taf li żewġek jew martek mhix se tmur kontra l-​livelli t’Alla dwar l-​onestà joħloq iktar fiduċja fil-​familja. Is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tħossha iktar kunfidenti għax tkun taf li l-​integrità mhijiex xi ħaġa li tilbisha u tneħħiha meta jkun konvenjenti għalik.

“Tistaʼ tkun is-​sid tal-​akbar kumpanija fid-​dinja imma ma tkunx kapaċi tixtri s-​soluzzjoni għall-​problemi tal-​familja. Bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova nsib li meta nsegwi l-​prinċipji Bibliċi l-​ħajja tkun bilanċjata sew. Ikolli l-​ħin biex ingawdi lil familti mingħajr ma ninġarr mal-​kurrent taʼ din id-​dinja li hi kontrollata mill-​flus u r-​regħba.”—Durwin, l-​Istati Uniti tal-​Amerika.

Relazzjoni Tajba m’Alla

“Xogħli jinkludi li nixtri provvisti għall-​kumpanija li naħdem għaliha. Xi aġenti kultant jissuġġerixxu li minflok ma jagħtu lill-​kumpanija l-​iskont kollu li jkun disponibbli, lili jagħtuni persentaġġ mill-​ammont li tonfoq il-​kumpanija li naħdem għaliha. Imma kieku nagħmel hekk inkun qed nisraq mill-​kumpanija fejn naħdem.

“Jien ma naqlax ħafna flus, u kieku nsib x’nagħmel bihom il-​flus żejda. Imma xejn ma jistaʼ jitqabbel maʼ li jkolli kuxjenza nadifa u waqfa approvata quddiem Alla Ġeħova. Allura, f’kull transazzjoni, insegwi l-​prinċipju Bibliku li jinsab f’​Ebrej 13:18: ‘Nixtiequ nġibu ruħna bl-​onestà f’kollox.’”—Raquel, il-​Filippini.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 9]

Prinċipji taʼ Negozju Onest

Livelli tal-​etika tan-​negozju aċċettati jvarjaw minn post għal ieħor. Madankollu, il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu u għandhom ikunu l-​livelli li dak li jkun juża għax jistgħu jgħinuh biex jieħu deċiżjonijiet fi qbil mal-​etika. Prattiki onesti fin-​negozju jkollhom is-​sitt karatteristiki li ġejjin:

Veri

Prinċipju: “Tigdbux lil xulxin.”—Kolossin 3:9.

Taʼ Min Joqgħod Fuqhom

Prinċipju: “Il-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le.”—Mattew 5:37.

Taʼ Min Jafdahom

Prinċipju: “Tikxifx id-​diskors kunfidenzjali taʼ ħaddieħor.”—Proverbji 25:9.

Onesti

Prinċipju: “Taċċettax tixħim, għax it-​tixħim jagħmi lil min jiġġudika bl-​għerf.”—Eżodu 23:8.

Ġusti

Prinċipju: “Għalhekk, kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”—Mattew 7:12.

Legali

Prinċipju: “Agħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu, lil min jitlob it-​taxxa, it-​taxxa.”—Rumani 13:7.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 9]

Kif Iżżomm l-​Integrità fin-​Negozju

Iddetermina l-​Prijoritajiet Tiegħek. Pereżempju, kemm hu importanti għalik li tikseb l-​għana meta mqabbel maʼ li żżomm waqfa tajba quddiem Alla?

Iddeċiedi Minn Qabel. Aħseb minn qabel x’sitwazzjonijiet jistgħu jqumu li se jagħmluhielek diffiċli biex tkun onest, u ppjana kif se twieġeb.

Stqarr il-​Pożizzjoni Tiegħek. Malli tidħol f’negozju maʼ nies ġodda, bit-​tattika għidilhom x’inhuma l-​livelli tiegħek.

Fittex l-​Appoġġ Minn Oħrajn. Meta tiffaċċja xi tentazzjoni jew xi dilemma etika, itlob parir mingħand xi ħadd li għandu l-​istess valuri tiegħek.

[Stampa f’paġna 8]

Jekk tkun onest, ikollok il-​paċi tal-​moħħ