Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Onestà Hija Prattika

L-Onestà Hija Prattika

“Wieħed jieħu gost bil-​ħobż li jinkiseb bil-​qerq, imma mbagħad ħalqu jimtela biż-​żrar.”—Proverbji 20:17.

HUWA neċessarju li tirrikorri għall-​prattiki diżonesti biex tirnexxi fin-​negozju? It-​tweġiba hija le. Fil-​fatt, id-​diżonestà spiss aktar toħloq problemi milli tiswa ġid. Għala? Għax l-​integrità tqanqal il-​fiduċja, aspett essenzjali għal suċċess fuq tul taʼ żmien.

Il-​Valur tal-​Fiduċja

Ir-​reputazzjoni tiegħek għall-​onestà teffettwa s-​suċċess tiegħek—kemm jekk int konxju taʼ dan u kemm jekk le. L-​esperjenza taʼ Franz, li ġie kwotat fl-​artiklu taʼ qabel, turi kemm dan hu minnu. “Għall-​ewwel li bdejt naħdem għall-​imgħallmin tiegħi,” jgħid hu, “mingħajr ma kont naf, huma għaddew l-​onestà u l-​integrità tiegħi minn serje taʼ provi. Bħalma sirt naf iktar tard, jien għaddejt mill-​provi. Minħabba f’hekk, ġejt fdat b’iktar responsabbiltà u libertà u s-​sidien ippremjawni għall-​onestà tiegħi. Naf li hemm nies oħrajn li jistgħu jagħmlu xogħli aħjar minni u li ċertament huma iktar intelliġenti minni. Madankollu, naħseb li xogħli hu fiż-​żgur minħabba l-​fiduċja li għandhom fija l-​imgħallmin tiegħi.”

Evita Riskji Mhux Għaqlin

David, negozjant ikkwotat fl-​artiklu taʼ qabel, josserva: “Hekk kif rajt lil xi individwi jgħawġu r-​regoli biex jiksbu vantaġġ għal żmien qasir, għedt bejni u bejn ruħi, ‘Kultant l-​invojs jittardja, imma dejjem jasal.’ Fi kliem ieħor, attività diżonestà eventwalment, b’mod jew ieħor, se ġġib il-​problemi. Irrifjutajna bosta opportunitajiet biex nieħdu sehem f’negozju dubjuż. Ħafna mill-​kumpaniji li ħadu sehem f’dawn l-​attivitajiet iktar tard sfaw fix-​xejn, u xi individwi ttellgħu l-​qorti. Il-​kumpanija tagħna skansat traġedji bħal dawn.”

Waqt li kien qed jistabbilixxi razzett kbir tal-​baqar fix-​Xlokk tal-​Afrika, Ken setaʼ ġie mħajjar biex ixaħħam lill-​uffiċjali ħalli jimportaw l-​affarijiet li kellu bżonn iktar malajr u biex jgħinuh jevita li jħallas it-​taxxa. Hu jgħid: “Ħafna sidien taʼ rziezet oħrajn ċedew għal din il-​prattika komuni. Peress li għamilna l-​affarijiet bl-​onestà, domna għaxar snin biex niksbu kulma kellna bżonn għar-​razzett tagħna. Ibbenefikajna mill-​onestà tagħna? Iva! Dawk li offrew it-​tixħim, wara baqgħu jiġu ffittati minn uffiċjali korrotti li riedu iktar flus.”

Kif Tkampa maʼ Sfidi Ekonomiċi

Meta negozji li qed ibatu jkunu kważi se jfallu, il-​pressjoni biex jirrikorru għad-​diżonestà hi kbira. Madankollu, ċirkustanzi bħal dawn jistgħu jikxfu wkoll il-​valur taʼ reputazzjoni onesta.

Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Bill, li n-​negozju tiegħu tal-​kostruzzjoni falla matul ir-​reċessjoni fl-​industrija tal-​bini tad-​djar fl-​Istati Uniti. Hu jirrakkonta: “Għadd mill-​konsumaturi kbar tagħna fallew u kellhom jagħtuna mijiet t’eluf taʼ dollari. Meta bdejna naraw li m’għandniex tama, avviċinajt kompetitur biex nara jekk setgħux iħaddmu lil xi wħud minna. Fi żmien 48 siegħa wara l-​laqgħa, offrew biex iħaddmu lili u l-​biċċa l-​kbira mill-​impjegati tiegħi. Qaluli li r-​reputazzjoni tiegħi taʼ servizz tajjeb u t’onestà kienet magħrufa sew.”

In-​nies kollha li l-​esperjenzi tagħhom huma rakkontati hawn fuq huma Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​livelli tan-​negozju tagħhom, bħall-​aspetti l-​oħrajn kollha taʼ ħajjithom, huma bbażati fuq il-​Bibbja. Bħalma tistaʼ tara, minflok ma fixklet is-​suċċess tagħhom fin-​negozju, l-​onestà tagħhom ġabitilhom benefiċċji prattiċi.

Madankollu, dejjem se jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom id-​diżonestà tidher li fiha l-​vantaġġi. Huwa l-​gwadann finanzjarju l-​uniku mezz kif tkejjel is-​suċċess?

[Kumment f’paġna 6]

Ir-​reputazzjoni tiegħek għall-​onestà teffettwa s-​suċċess tiegħek —kemm jekk int konxju taʼ dan u kemm jekk le

[Stampa f’paġna 7]

“Qaluli li r-​reputazzjoni tiegħi taʼ servizz tajjeb u t’onestà kienet magħrufa sew.” —Bill, l-​Istati Uniti