Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mhuwiex Tard Wisq Biex Issir il-Ħabib t’Alla

Mhuwiex Tard Wisq Biex Issir il-Ħabib t’Alla

Kif rakkontata minn Olavi J. Mattila

“Qatt ħsibt li tistaʼ tikseb għarfien eżatt dwar il-​Ħallieq?” Xhud taʼ Ġeħova staqsieni din il-​mistoqsija li ġegħlitni naħseb. Dak iż-​żmien kelli ’l fuq minn 80 sena u kont sirt naf ħafna nies prominenti, saħansitra mexxejja politikanti. Imma, f’dak il-​perijodu taʼ ħajti, verament stajt insir naf lil Alla u nsir ħabib tiegħu?

TWILIDT f’Ottubru tal-​1918 f’Hyvinkää, il-​Finlandja. Minn età żgħira bdejt ngħin fir-​razzett. Il-​familja tiegħi kienu jrabbu l-​baqar, iż-​żwiemel, it-​tiġieġ, u l-​wiżż. Tgħallimt naħdem iebes u kif insib sodisfazzjon f’xogħli.

Hekk kif kbirt, il-​ġenituri inkuraġġewni biex nirsisti fl-​edukazzjoni. Għaldaqstant, meta kbirt biżżejjed, tlaqt mid-​dar biex immur il-​kulleġġ. Kont involut ukoll f’attivitajiet atletiċi u sirt naf liċ-​chairman tal-​Assoċjazzjoni Atletika tal-​Finlandja, Urho Kekkonen. Qajla kont naf li s-​Sur Kekkonen kien se jkun il-​prim ministru tal-​Finlandja u li iktar tard il-​president tal-​pajjiż, pożizzjonijiet li dam fihom xi 30 sena. Iktar minn hekk, ma stajtx nimmaġina kemm kien se jinfluwenzali ħajti.

Ħajja taʼ Prominenza u Poter

Fl-​1939, qamet gwerra bejn il-​Finlandja u l-​Unjoni Sovjetika. F’Novembru taʼ dik is-​sena, ġejt ordnat naqdi fil-​forzi armati. Għall-​ewwel qdejt bħala trejner fir-​riserva tal-​armata u iktar tard bħala kmandant taʼ suldati li kienu jużaw il-​maxinganns. Il-​front tal-​battalja kien il-​Karelia, reġjun fuq il-​fruntiera taʼ bejn il-​Finlandja u l-​Unjoni Sovjetika. Fis-​sajf tal-​1941, waqt ġlieda qrib il-​belt taʼ Vyborg, ġejt ferut serjament bix-​xrapnel u ttiħidt fi sptar militari. Minħabba l-​feriti li kelli ma stajtx nerġaʼ mmur niġġieled.

F’Settembru tal-​1944, ngħatajt is-​sensja mill-​armata, u rġajt bdejt immur il-​kulleġġ. Komplejt nirsisti għall-​attivitajiet atletiċi tiegħi wkoll. Għal tliet darbiet irbaħt il-​kampjonat tal-​pajjiż, darbtejn bħala ġerrej tar-​rilej u darba bħala ġerrej tal-​hurdles. Barra minn hekk, ksibt lawrja mill-​università fit-​teknoloġija u fl-​ekonomija.

Sadanittant, Urho Kekkonen kien laħaq sar persunaġġ taʼ poter fil-​politika. Fl-​1952, matul iż-​żmien li qeda bħala prim ministru, hu talabni naħdem bħala diplomatiku fiċ-​Ċina. Waqt li kont hemm, iltqajt maʼ diversi uffiċjali tal-​gvern, fosthom kien hemm Mao Tse-​tung, li dak iż-​żmien kien il-​mexxej taċ-​Ċina. Imma l-​iktar persuna importanti li ltqajt magħha fiċ-​Ċina kienet żagħżugħa l-​ġmiel tagħha, Annikki, li kienet taħdem fil-​Ministeru tal-​Affarijiet Barranin tal-​Finlandja. Hi saret marti f’Novembru tal-​1956.

Is-​sena taʼ wara, ġejt trasferit fl-​ambaxxata Finlandiża fl-​Arġentina. Meta konna f’dan il-​pajjiż, kellna l-​ewwel żewġt itfal tagħna, żewġ subien. F’Jannar tal-​1960, morna lura l-​Finlandja. Ftit wara, kellna t-​tielet tarbija, tifla.

Imlaħħaq Sew fil-​Gvern

Għalkemm qatt ma kont membru taʼ partit politiku, f’Novembru tal-​1963, il-​President Kekkonen stidinni biex inkun il-​ministru tal-​kummerċ maʼ pajjiżi barranin. Matul it-​12-​il sena taʼ wara, sitt darbiet kelli inkarigu fil-​Kabinett u darbtejn minnhom bħala ministru tal-​affarijiet barranin. Dak iż-​żmien kont nemmen bis-​sħiħ li l-​problemi tad-​dinja setgħu jiġu solvuti permezz tal-​intelliġenza tal-​bniedem. Imma ma domtx ma indunajt bil-​kilba tal-​bniedem għall-​poter. Rajt b’għajnejja stess l-​effetti ħżiena li jiġu min-​nuqqas taʼ fiduċja u l-​għira.—Ekkleżjasti 8:9.

M’għandniex xi ngħidu, irrealizzajt ukoll li hemm ħafna nies li b’sinċerità jipprovaw itejbu l-​affarijiet. Madankollu, fl-​aħħar mill-​aħħar anki l-​mexxejja li jridu jagħmlu l-​ġid jonqsu milli jilħqu l-​miri tagħhom.

Fis-​sajf tal-​1975, kien hemm 35 kap taʼ stat li ġew Ħelsinki biex jattendu l-​Konferenza tas-​Sigurtà u l-​Kooperazzjoni fl-​Ewropa. Dak iż-​żmien, kont il-​ministru tal-​affarijiet barranin u kont konsulent fdat tal-​President Kekkonen. Ngħatajt ir-​responsabbiltà biex norganizza l-​okkażjoni, u ltqajt mal-​mexxejja nazzjonali kollha li attendew il-​konferenza.

Matul dawk il-​ftit jiem, l-​abbiltajiet diplomatiċi tiegħi ġew provati bis-​sħiħ. Biex sempliċement ikun hemm qbil fejn il-​membri jitpoġġew bilqiegħda kien taʼ sfida! Minkejja dan, ħassejt li l-​konferenza, flimkien maʼ diversi laqgħat li saru wara, ikkontribwiet biex ittejjeb id-​drittijiet tal-​bniedem u biex ir-​relazzjoni bejn is-​superpotenzi tkun iktar tolleranti.

Konxju tal-​Bżonn Spiritwali Tiegħi

Fl-​1983 irtirajt u morna noqogħdu Franza, fejn kienet toqgħod binti. Imbagħad inqalgħet problema serja. F’Novembru tal-​1994, Annikki saret taf li kellha kanċer tas-​sider. Dik l-​istess sena, jien inqbadt fi pjan t’investiment li rriżulta fi frodi. Ħdimt ħajti kollha biex ikolli isem tajjeb, imma dan l-​iżball wieħed tebbagħli r-​reputazzjoni tiegħi.

Matul ħajti ġieli ltqajt max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm kont napprezza li kienu jżuruni u kont naċċetta r-​rivisti tagħhom, kien ikolli ħafna x’nagħmel u ma kellix ċans għal affarijiet spiritwali. Imma, sas-​sena 2000 kont qed nieħu ħsieb lil Annikki, li kienet għadha qed tiġġieled mal-​kanċer. Ġurnata minnhom, f’Settembru tal-​2002, Xhud taʼ Ġeħova ġie jħabbatli l-​bieb. Hu staqsieni l-​mistoqsija msemmija fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu. Jien ħsibt: ‘Huwa verament possibbli li nitgħallem il-​verità dwar Alla? Huwa possibbli li nsir il-​ħabib tiegħu?’ Qlajt il-​Bibbja tiegħi, li kien inġabar ftit tat-​trab fuqha, u beda jkolli diskussjonijiet regulari fuq il-​Bibbja max-​Xhieda.

F’Ġunju tal-​2004, marti l-​għażiża raqdet fil-​mewt, u jien spiċċajt waħdi. M’għandniex xi ngħidu, it-​tfal tiegħi kienu taʼ faraġ għalija. Imma xorta kien għad għandi mistoqsijiet dwar x’jiġrilna meta mmutu. Dwar dan staqsejt lil żewġ qassisin Luterani. It-​tweġiba tagħhom kienet sempliċement: “Ħeqq, dawn huma mistoqsijiet diffiċli.” Ma kontx sodisfatt bit-​tweġiba tagħhom. Sirt iktar u iktar konxju tal-​bżonnijiet spiritwali tiegħi.

Hekk kif komplejt nistudja l-​Bibbja max-​Xhieda, żdidt fl-​għarfien eżatt li kont ilni biex insir naf. Pereżempju, il-​Bibbja tispjega li l-​mewt hija stat taʼ inattività, bħall-​irqad, u li l-​mejtin għandhom il-​prospett li jerġgħu jgħixu bħala bnedmin fuq l-​art. (Ġwanni 11:25) Dan tani tama u kien taʼ faraġ kbir għalija.

Ma domtx ma qrajt il-​Bibbja minn qoxra sa qoxra. Skrittura li impressjonatni kienet Mikea 6:8, li tgħid: “X’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-​qalb tajba u li tkun modest fil-​mixi tiegħek m’Alla?” L-​għerf u s-​sempliċità taʼ dan il-​ħsieb għoġbuni. Barra minn hekk, dan il-​vers urieni kemm Alla Ġeħova huwa Alla taʼ mħabba u ġustizzja.

Tama għall-​Futur

Hekk kif tgħallimt il-​verità dwar Alla, il-​fidi u l-​fiduċja tiegħi fih kibru. Bdejt niżviluppa ħbiberija vera mal-​Ħallieq tiegħi! Kont impressjonat bil-​kliem tiegħu miktub f’​Isaija 55:11: “Hekk ukoll tkun kelmti li toħroġ minn fommi. Ma terġax lura lejja mingħajr riżultati, imma żgur tagħmel dak li jogħġobni, u żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.” Tabilħaqq, s’issa Alla żamm kelmtu, u hu se jagħmel l-​istess fil-​futur. Hu se jwettaq l-​iskop li l-​gvernijiet umani u l-​ħafna konferenzi politiċi tagħhom fallew fih. Pereżempju, Salm 46:9 jgħid: “Qed iwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art.”

Ibbenefikajt bil-​kbir meta bdejt nattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hemmhekk rajt b’għajnejja stess l-​imħabba ġenwina tal-​Kristjani li hija l-​marka li tidentifikahom bħala s-​segwaċi veri taʼ Ġesù. (Ġwanni 13:35) Din l-​imħabba hija aqwa min-​nazzjonaliżmu u n-​nies fid-​dinja tal-​politika u l-​kummerċ m’għandhomx idea tagħha.

L-​Iktar Privileġġ Prezzjuż

Issa għandi ’l fuq minn 90 sena, u nqis li l-​ikbar privileġġ li qatt kelli huwa li nkun wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​vojt spiritwali tiegħi mtela. Kelli l-​privileġġ li nitgħallem x’inhu l-​iskop tal-​ħajja u l-​verità dwar Alla.

Ninsab kuntent ukoll li saħansitra taʼ din l-​età, jistaʼ jkolli sehem attiv mhux ħażin fl-​attivitajiet Kristjani. Għalkemm iltqajt maʼ ħafna nies fil-​poter u kelli responsabbiltajiet kbar matul ħajti, xejn ma jitqabbel mal-​privileġġ li nkun naf lill-​Ħallieq, Alla Ġeħova, u li nkun il-​ħabib tiegħu. Ninsab grat ferm lejh, u nixtieq infaħħru għal din l-​opportunità li tani biex insir wieħed mill-​“ħaddiema sħab” tiegħu. (1 Korintin 3:9) Mhuwiex tard wisq biex issir ħabib tal-​Ħallieq, Alla Ġeħova!

[Stampa f’paġna 27]

Mal-​President Kekkonen u l-​President Ford tal-​Istati Uniti matul il-​konferenza taʼ Ħelsinki fl-​1975

[Stampa f’paġna 27]

Mal-​President Kekkonen u Brezhnev, il-​mexxej Sovjetiku

[Stampa f’paġna 28]

Għandi sehem attiv fl-​attivitajiet Kristjani

[Sorsi tal-Istampa f’paġna 27]

Isfel fuq ix-​xellug: Ensio Ilmonen/Lehtikuva; isfel fuq il-​lemin: Esa Pyysalo/Lehtikuva