Ġustizzja Vera Taħt il-Gvern t’Alla
IL-PROFEZIJA tal-Bibbja turi li d-dinja preżenti dalwaqt se titneħħa u minflokha se jkun hawn dinja ġdida li se jistabbilixxi Alla. Iktar minn hekk, id-dinja l-ġdida se jkollha gvern wieħed biss—is-Saltna t’Alla b’Ġesù Kristu bħala Sultan. (Rivelazzjoni 11:15) Is-Saltna t’Alla kif se telimina l-inġustizzja? Se tagħmel dan b’żewġ modi.
1. Is-Saltna t’Alla se telimina l-ħakma tal-bniedem li hi inġusta u li mhix kapaċi tmexxi. Danjel 2:44 jgħid: “Fi żmien dawn is-slaten [gvernijiet], l-Alla tas-sema jwaqqaf saltna . . . Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha [tal-bnedmin], u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”
2. Is-Saltna t’Alla se teqred lin-nies mill-agħar u se ssalva lin-nies ġusti. Salm 37:10 jgħid: “Ftit ieħor biss, u l-ħażin ma jkunx iktar.” Vers 28 jgħid: “Ġeħova jħobb il-ġustizzja, u lil-leali tiegħu ma jitlaqhomx. Għal dejjem se jkunu mħarsin.”
Dawn il-“leali” se jesperjenzaw it-twettiq taʼ stqarrija li għamel Ġesù fit-talba mudell tiegħu. Hemmhekk qal: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) X’inhi r-rieda t’Alla għall-art?
Meta s-Saltna t’Alla Taħkem l-Art . . .
Il-korruzzjoni u l-moħqrija se jispiċċaw. Dwar Ġesù Kristu, Ebrej 1:9 jgħid: “Int ħabbejt il-ġustizzja, u bgħadt il-ksur tal-liġi.” Bħala Ħakkiem verament ġust, Ġesù “se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna, u lill-magħkus u lil kulmin m’għandux min jgħinu. . . . Mill-moħqrija u mill-vjolenza se jifdilhom ruħhom, u demmhom ikun prezzjuż f’għajnejh.”—Salm 72:12-14.
Kulħadd se jkollu bl-abbundanza. “L-art infisha se tagħti l-prodott tagħha; Alla, Alla tagħna, se jberikna.” (Salm 67:6) “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-art; fuq il-qċaċet tal-muntanji jkun hemm iżżejjed.” (Salm 72:16) Ġesù b’miraklu temaʼ lil eluf taʼ nies f’daqqa—ħarsa bil-quddiem taʼ dak li se jwettaq permezz tas-Saltna t’Alla.—Mattew 14:15-21; 15:32-38.
Il-ġustizzja mhix se tiġi mfixkla mil-limitazzjonijiet tal-bnedmin. ‘M’hemm l-ebda ħolqien li hu moħbi quddiem Alla, imma kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.’ (Ebrej 4:13) Dwar Ġesù naqraw: “Mhux se jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bis-sewwa jiġġudika lill-batuti, u b’mod rett jagħti twiddib għan-nom tal-ġwejdin taʼ l-art.”—Isaija 11:3, 4.
Il-Ħakma tas-Saltna Qorbot!
Il-kundizzjoni tad-dinja li dejjem sejra għall-agħar turi li qorob it-tmiem tagħha. Salm 92:7 jgħid: “Meta n-nies mill-agħar jinbtu bħall-ħaxix u dawk kollha li jipprattikaw il-ħsara jiffjorixxu, dan ikun biex jinqerdu għal dejjem.” Kif tistaʼ tevita li jkun ħaqqek id-diżapprovazzjoni t’Alla u tkun fost dawk li hu se jsalva? Ġesù Kristu qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.
Tixtieq tikseb dan l-għarfien prezzjuż? Jekk iva, bħal Heide, Dorothy, u Firuddin, li ssemmew qabel, għala ma tiddiskutix dan max-Xhieda taʼ Ġeħova? Huma se jieħdu pjaċir iwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek mingħajr ħlas u bl-ebda obbligu.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]
META L-ĦAJJA NFISHA TIDHER LI HI INĠUSTA
Meta Emily, li tgħix fl-Istati Uniti, kellha sebaʼ snin, it-tobba sabu li kellha l-lewkimja. Waqt li ħbiebha kellhom jittrattaw maʼ riħ jew influwenza li qabdithom darba kultant, Emily ilha tissaporti snin sħaħ taʼ kura medika intensa, inkluż il-kimoterapija. Hi tgħid, “Il-lewkimja hi tal-biżaʼ!”
Għalkemm il-ħajja tagħha żgur li mhijiex kollha ward u żahar, Emily ma qatgħetx qalbha mill-ħajja. Minflok, hi tħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta, taħt is-Saltna t’Alla, “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Emily tgħid: “L-iskrittura favorita tiegħi hi Marku 12:30 li tgħid: ‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’ Meta nitlob lil Ġeħova, hu jsaħħaħni. Jien nirringrazzja lil Ġeħova talli tani lill-familja tiegħi, il-kongregazzjoni tiegħi, u t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’Ġenna tal-art fid-dinja l-ġdida. Din it-tama tgħidx kemm għenitni!”
[Stampi f’paġni 8, 9]
Taħt is-Saltna t’Alla, l-umanità kollha se tgawdi abbundanza taʼ ikel, kif ukoll ġustizzja vera u ħajja bla preġudizzju