Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Il-​popolazzjoni tad-​dinja qabżet is-​7 biljuni fl-​aħħar tal-​2011, biljun iktar “mis-​6 biljuni fl-​1999.”​—L-​ISKOLA TAʼ HARVARD DWAR IS-​SAĦĦA PUBBLIKA, L-​ISTATI UNITI TAL-​AMERIKA.

“Kollox maʼ kollox, 58.8 fil-​mija min-​nies fir-​[Renju Unit] qalu li ħassew li l-​familja tagħhom kienet tibbenefika milli jkollha ħin ħieles mit-​teknoloġija li fih jitfu l-​mowbajls u l-​apparat elettroniku. . . . Wieħed minn kull tlieta min-​nies ħassu mifni sal-​punt li kien jeħtieġ li jaħrab mit-​teknoloġiji tal-​komunikazzjonijiet.”​—L-​UNIVERSITÀ TAʼ CAMBRIDGE, IL-​BRITANNJA.

“Mill-​1976 ’l hawn il-​konferenza tal-​isqfijiet Kattoliċi tal-​Amerika ħarġet stqarrijiet . . . qabel kull sena taʼ elezzjoni presidenzjali biex tgħin lill-​Kattoliċi japplikaw il-​fidi tagħhom għall-​għażliet politiċi tagħhom.”​—L-​UNIVERSITÀ TAʼ FORDHAM, L-​ISTATI UNITI TAL-​AMERIKA.

“Jekk ikun hemm numru suffiċjenti taʼ kriminali li jkunu jridu joħolqu straġi fit-​toroq, jistgħu. . . . Nuqqas taʼ moralità ħataf lil minoranza taʼ żgħażagħ Britanniċi, grupp sekondarju li madankollu hu kbir biżżejjed biex jitterrorizza u jumilja lill-​pajjiż.”​—THE ECONOMIST, IL-​BRITANNJA.

Kemm Hawn Speċi fuq l-​Art?

“Għadna tassew inċerti dwar kemm jeżistu speċi, u dan jenfasizza vojt sinifikanti fl-​għarfien bażiku tagħna dwar il-​ħajja fuq l-​Art,” jgħidu x-​xjenzati li r-​riċerka tagħhom tidher fil-​ġurnal PLoS Biology. Għalkemm huma jistmaw li hemm bejn wieħed u ieħor xi 8.7 miljuni speċi taʼ affarijiet ħajjin, esperti oħrajn jgħidu li hemm bejn 3 miljuni u 100 miljun. S’issa, huma biss xi 1.2 miljun minn dawn l-​ispeċi li ġew identifikati u ngħataw isem xjentifiku, u huwa emmnut li bir-​rata preżenti jistgħu jieħdu iktar minn 1,000 sena biex jidentifikaw il-​bqija. “Dan l-​avanz bil-​mod il-​mod fid-​deskrizzjoni tal-​ispeċi se jwassal biex xi wħud minnhom ma jibqgħux jeżistu qabel ma nkunu nafu li xi darba eżistew,” jgħidu r-​riċerkaturi.

Arkeoloġija bis-​Satellita

L-​arkeoloġi qed jużaw metodu ġdid biex isibu postijiet li jinteressawhom. Qed jużaw softwer tal-​kompjuter biex jgħinhom isibu fdalijiet permezz taʼ ritratti meħudin bis-​satellita b’fotografija high-​resolution u infrared. Pereżempju, ritratti meħudin minn 700 kilometru ’l fuq mill-​Eġittu huma rapportati li rrivelaw il-​postijiet taʼ 17-​il piramida li qabel ma kinux jafu bihom, 1,000 qabar antik, u xi 3,000 raħal mitluf. Peress li l-​fotografija infrared kapaċi tikxef x’hemm taħt l-​art, it-​teknoloġija qed tirrivela strutturi midfunin li ilhom li ntesew u li ma jidhrux fuq l-​art.