Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dak li Jikkaġuna l-Inġustizzja

Dak li Jikkaġuna l-Inġustizzja

KWAŻI elfejn sena ilu, il-​Bibbja tat deskrizzjoni tassew eżatta tan-​nies fi żmienna. Qalet: “Fl-​aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-​nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, . . . ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, . . . mingħajr imħabba għat-​tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.”—2 Timotju 3:1-​4.

Ftit huma n-​nies li ma jaqblux li dawn il-​karatteristiki negattivi saru iktar komuni fi żmienna. Dawn il-​karatteristiki jidhru b’diversi modi, inkluż ir-​regħba, il-​preġudizzju, l-​attitudnijiet antisoċjali, il-​korruzzjoni, u l-​faqar jew l-​għana estrem. Ikkunsidrahom waħda waħda.

IR-​REGĦBA. Ġieli ntqal li “Ir-​regħba ġġib is-​saħħa” u “Ir-​regħba tajba.” Imma dawn l-​istqarrijiet huma gideb. Ir-​regħba tikkaġuna wġigħ! Pereżempju, ir-​regħba spiss tkun il-​motivazzjoni għal frodi, skemi qarriqin t’investiment, u self taʼ flus bl-​addoċċ. Ir-​riżultati taʼ dawn, bħal pereżempju l-​kollass ekonomiku, weġġgħu lil ħafna nies. Hu minnu li xi wħud mill-​vittmi huma rgħiba huma stess, imma fosthom kien hemm nies ħabrieka li ftit minnhom tilfu djarhom u l-​pensjonijiet tagħhom.

IL-​PREĠUDIZZJU. Nies preġudikati jiġġudikaw lil oħrajn b’mod inġust u saħansitra jiddiskriminaw kontrihom fuq il-​bażi tal-​etniċità, il-​kulur tal-​ġilda, is-​sess, l-​istat soċjali, jew ir-​reliġjon. Pereżempju, kumitat tal-​Ġnus Magħquda sab li f’pajjiż tal-​Amerika t’Isfel, mara tqila mietet fi sptar għax f’faċilità oħra n-​nies kienu preġudikati kontriha minħabba li kienet fqira u għax kienet meqjusa bħala li hi taʼ klassi baxxa. Fl-​estrem tiegħu, il-​preġudizzju saħansitra wassal għal inġustizzji kbar taʼ tindif etniku u taʼ ġenoċidju.

L-​ATTITUDNIJIET ANTISOĊJALI. Sommarju taʼ ktieb dwar l-​imġiba antisoċjali (Handbook of Antisocial Behavior) qal: “Kull sena, għaxriet t’eluf taʼ familji qed jitkissru, mijiet t’eluf taʼ ħajjiet qed jiġu rovinati, u proprjetà bil-​valur taʼ miljuni taʼ dollari qed tinqered minħabba mġiba antisoċjali. Il-​vjolenza u r-​rabja huma tant komuni fis-​soċjetà tagħna li hu faċli timmaġina li l-​istorjografi tal-​futur se jirreferu għall-​aħħar snin tas-​seklu għoxrin bħala ‘l-​Era Antisoċjali’—iż-​żmien meta s-​soċjetà ggwerrat kontriha nfisha—u mhux bħala ‘l-​Era tal-​Ispazju’ jew ‘l-​Era tal-​Informazzjoni.’” Minn meta ġie pubblikat dan il-​ktieb fl-​1997, ma kien hemm l-​ebda titjib fl-​attitudnijiet u fl-​imġiba tan-​nies.

IL-​KORRUZZJONI. Rapport dwar il-​korruzzjoni fl-​Afrika t’Isfel semma li f’perijodu taʼ sebaʼ snin, iktar minn 81 fil-​mija mill-​25.2 biljun rand (ekwivalenti għal xi 3 biljun ewro) li ngħataw lil dipartiment tas-​saħħa f’ċerta provinċja ntużaw b’mod ħażin. Ġurnal qal li l-​flus “li suppost kellhom jintużaw fil-​manutenzjoni taʼ sptarijiet, kliniki, u ċentri tas-​saħħa fil-​provinċja” ma ntefqux.—The Public Manager.

IL-​FAQAR U L-​GĦANA ESTREM. Fl-​2005, kważi 30 fil-​mija mid-​dħul annwali tal-​Britannja “mar għand dawk il-​ħamsa fil-​mija li l-​iktar daħħlu flus,” skont rapport f’rivista. (Time) Sadattant, fl-​Amerika, l-​istess rivista qalet li “iktar minn 33 fil-​mija mid-​dħul Amerikan imur għand dawk il-​ħamsa fil-​mija li l-​iktar daħħlu flus.” Madwar id-​dinja, xi 1.4 biljun persuna jgħixu fuq $1.25 (95 ċenteżmu tal-​ewro) jew inqas kuljum, u 25,000 tifel u tifla jmutu kuljum minħabba l-​faqar.

Hemm Xi Soluzzjoni għall-​Inġustizzja?

Fl-​1987, il-​prim ministru li kien jaqdi f’dak iż-​żmien fl-​Awstralja għamel mira li sal-​1990 ma jkunx hemm tfal Awstraljani li jgħixu fil-​faqar. Din il-​mira qatt ma ntlaħqet. Fil-​fatt, il-​prim ministru iktar tard qal li ddispjaċieh li kien għamel din il-​mira.

Iva, individwu, ikollu kemm ikollu poter, għana, jew influwenza, xorta waħda hu uman u ma jistax jelimina l-​inġustizzja. Tabilħaqq, anke dawk fil-​poter isofru inġustizzji, jixjieħu, u jmutu. Dawn ir-​realtajiet ifakkruna fiż-​żewġ versi mill-​Bibbja li ġejjin:

“Triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.”Ġeremija 10:23.

‘Tpoġġux il-​fiduċja tagħkom fin-​nobbli, li ma jistgħu jsalvaw lil ħadd.’Salm 146:3.

Jekk naċċettaw kemm hu minnu dan il-​kliem, m’aħniex se nkunu diżappuntati meta l-​isforzi tal-​bnedmin ma jirnexxux. Allura, għandna naqbdu u naqtgħu qalbna? Le! Bħalma se naraw fl-​aħħar artiklu f’din is-​sensiela, dalwaqt se tiġi dinja tassew ġusta. Imma sadattant nistgħu nagħmlu xi ħaġa. Nistgħu neżaminaw il-​ħsibijiet u l-​għemejjel tagħna stess. Staqsi lilek innifsek: ‘Nistaʼ jien inkun iktar ġust fil-​mod kif nittratta lil oħrajn? Hemm ċerti oqsma f’ħajti li fihom nistaʼ nitjieb?’ Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss.

[Stampi f’paġni 4, 5]

A. Il-​pulizija fiċ-​Ċina qed jarrestaw raġel għax ħa sehem fil-​vjolenza etnika

B. Is-​serq minn proprjetà u t-​tkissir tagħha f’Londra, l-​Ingilterra

Ċ. Faqar ibikkik f’kamp tar-​refuġjati fl-​Irwanda

[Sorsi]

Xellug fuq: © Adam Dean/Panos Pictures; ċentru fuq: © Matthew Aslett/Demotix/CORBIS; lemin fuq: © David Turnley/CORBIS