Il-Ġenituri Tiegħi Għala Ma Jifhmunix?
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
IMMAĠINA DIN IS-SITWAZZJONI.
Huwa l-Ġimgħa f’xi s-sitta taʼ filgħaxija u Jim, li għandu 17-il sena, sejjer jiġri lejn il-bieb taʼ barra. “Narakom iktar tard!” jgħid lill-ġenituri tiegħu bit-tama li jinsew jistaqsuh il-mistoqsija tas-soltu.
Imma missu kien jaf aħjar.
“Fi xħin ġej lura, Jimmy?” tistaqsi ommu.
Jim ma jagħmilx pass ieħor. “Em . . . ee . . . ,” jgħid bit-tlaqliq, “m’hemmx għalfejn toqogħdu tistennewni ta!” Jim jiftaħ il-bieb u xħin ikun kważi rnexxielu joħroġ, missieru jgħajjatlu u jgħidlu, “Fejn mingħalik li sejjer gustuż? Stenna naqra!”
Għal darb’oħra, Jim jiġġammja u mbagħad jismaʼ l-leħen sod taʼ missieru jgħid: “Inti taf x’inhuma r-regoli. Mat-tokki tal-għaxra trid tkun ġewwa u mhux iktar tard—u ma rridx nismaʼ skużi!”
“Uffa, Da,” jeqred Jim hekk kif idur lejn missieru, “taf kif ninkiser, noqgħod ngħid lil sħabi li jkolli nidħol id-dar daqshekk kmieni?”
Il-missier ma tiġihx ħniena. “Mat-tokki tal-għaxra u mhux iktar tard,” hu jirripeti, “u ma rridx nismaʼ skużi!”
FORSI int sibt ruħek f’sitwazzjoni simili. Sew jekk il-problema kienet dwar fi xħin għandek tidħol id-dar, il-mużika li tismaʼ, sħabek, u sew jekk il-ħwejjeġ li tilbes, il-ġenituri tiegħek għamlu regoli stretti u mhux se jirnexxilek iġġibha żewġ magħhom. Pereżempju:
“Wara li żżewweġ lil ommi, missieri tar-rispett sar strett ħafna dwar kull tip taʼ mużika li kont nieħu pjaċir nismaʼ. Spiċċajt kelli narmi s-CDs kollha li kelli!”—Brandon. a
“Ommi tikkritikani għax m’għandix ħbieb. Imma mbagħad, meta
nistaqsiha jekk nistax noħroġ maʼ xi ħabiba, tgħidli le għax ma tafx x’tip taʼ persuna hi. Vera taħraqni meta tagħmilli hekk!”—Carol.“Missieri u ommi tar-rispett ma jħallunix nilbes ħwejjeġ issikkati. U missieri jisħaq li biex xorts ikun deċenti jrid ikun taħt l-irkoppa!”—Serena.
X’tistaʼ tagħmel jekk int u l-ġenituri tiegħek ma taqblux fuq xi ħaġa? Tistaʼ tiddiskuti l-kwistjoni magħhom? Joanne, li għandha 17-il sena tgħid: “Ġeneralment, il-ġenituri tiegħi ma jkunux iridu jagħtuni widen.” Amy, li għandha 15-il sena tgħid: “Meta nħoss li l-ġenituri tiegħi mhumiex jifhmuni, naqbad u ngħalaq ħalqi u ma ngħid xejn.”
Imma taqtax qalbek daqshekk malajr! Għandu mnejn li l-ġenituri tiegħek huma lesti li jagħtuk widen iktar milli taħseb.
Ikkunsidra dan: Anki Alla jagħti widen meta bnedmin imperfetti jiftħu qalbhom miegħu biex jispjegaw is-sitwazzjoni tagħhom. Pereżempju, Ġeħova ta widen lil Mosè meta hu tkellem f’isem l-Iżraelin diżubbidjenti.—Eżodu 32:7-14; Dewteronomju 9:14, 19.
Għandek mnejn tħoss li l-ġenituri tiegħek mhumiex raġunevoli daqs Alla. Irridu nammettu li hemm differenza kbira bejn meta Mosè tkellem maʼ Ġeħova dwar x’kien se jiġri minn ġens sħiħ u bejn li titkellem m’ommok jew maʼ missierek dwar li tibqaʼ barra ftit iktar tard mis-soltu. Però, xorta waħda japplika l-istess prinċipju:
Jekk għandek raġuni valida, in-nies li għandhom l-awtorità—f’dan il-każ, il-ġenituri tiegħek—għandhom mnejn ikunu lesti li jisimgħu dak li għandek x’tgħid.
Is-sigriet biex ikollok suċċess hu kif tgħid il-kliem! Il-passi li ġejjin se jgħinuk tagħmel dan b’mod iktar effettiv:
1. Identifika x’inhi l-problema. Hawn taħt ikteb il-problema li int u l-ġenituri tiegħek tidhru li ma tistgħux taqblu dwarha.
․․․․․
2. Identifika xi tħoss. Hawn taħt ikteb kelma li tiddeskrivi kif tħossok dwar il-mod kif jaħsbuha l-ġenituri tiegħek—sew jekk tħossok imweġġaʼ, imdejjaq, imbarazzat, mhux fdat, jew xi sentiment ieħor. (Eżempju: Fl-eżempju li semmejna fil-bidu taʼ dan l-artiklu, Jim wera li l-ħin li fih il-ġenituri tiegħu jriduh jidħol lura d-dar iġiegħlu jinkiser quddiem sħabu.)
․․․․․
3. Aħseb bħal ġenitur. Immaġina li għandek tifel jew tifla adoloxxenti li qed tiffaċċja l-istess problema li semmejt int fl-1 Pass. Li kieku int kont il-ġenitur, kieku xi tkun l-iktar ħaġa li tinkwetak, u għala? (Eżempju: Fl-eżempju li semmejna fil-bidu, il-ġenituri taʼ Jim għandhom mnejn beżgħu għas-sigurtà tiegħu.)
․․․․․
4. Erġaʼ aħseb dwar is-sitwazzjoni. Wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:
Liema benefiċċji tistaʼ tara fil-mod kif jaħsbuha l-ġenituri tiegħek?
․․․․․
X’tistaʼ tagħmel biex isserrħilhom moħħhom?
․․․․․
5. Iddiskuti l-problema mal-ġenituri tiegħek u flimkien ipprovaw sibu soluzzjoni. Jekk tapplika l-passi msemmijin—u jekk tikkunsidra s-suġġerimenti fil-kaxxa “Suġġerimenti Biex Tikkomunika Aħjar”—għandek mnejn issib li int tistaʼ tikkomunika mal-ġenituri tiegħek b’mod iktar matur. Kellie tikkomunika b’dan il-mod mal-ġenituri tagħha. Hi tgħid: “Imbilli targumenta m’int se tasal imkien. B’daqshekk m’intix se tirbaħ l-argument. Il-mod li bih insolvi l-kwistjoni hu billi nitkellem dwarha mal-ġenituri tiegħi. Kważi dejjem jirnexxilna nsibu t-triq tan-nofs, u b’hekk kulħadd ikun kuntent.”
Iktar artikli mis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fil-Websajt www.watchtower.org/ype
[Nota ta’ taħt]
a Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
[Kaxxa f’paġna 18]
SUĠĠERIMENTI BIEX TIKKOMUNIKA AĦJAR
“Li tismaʼ hu bil-wisq aħjar milli tgħajjat. Jekk tismaʼ dak li għandhom x’jgħidu l-ġenituri tiegħek u tipprova tifhem kif jaħsbuha, hemm ċans kbir li huma se jagħmlu l-istess miegħek.”—Rianne.
Aqra Filippin 2:3, 4.
“Tirrispondix lura! Jien ripetutament hekk kont nagħmel sakemm fl-aħħar irrealizzajt li kemm l-argument u kemm il-kastig setgħu ġew evitati kieku kkontrollajt ilsieni!”—Danielle.
Aqra Proverbji 17:27; 21:23.
“Stenna sakemm kulħadd ikun rilassat, f’burdata tajba, u sakemm tkun taf li l-ġenituri tiegħek se jkunu lesti jagħtuk widen.”—Collette.
Aqra Proverbji 25:11.
“Il-ġenituri tiegħek għandhom bżonn ikunu jafu li int tirrispettahom u li int tassew qed tagħti widen għal dak li qed jgħidu. Għalhekk, qabel ma tgħidilhom kif tħossok, assigurahom li int smajt u fhimt dak li qalu.”—Emily.
Aqra Proverbji 23:22; Ġakbu 1:19.
[Kaxxa f’paġna 18]
FATT TAL-ĦAJJA
Mhux kull nuqqas taʼ qbil għandu jispiċċa f’diskussjoni. F’xi każi, int tistaʼ ‘titkellem f’qalbek u tibqaʼ sieket.’ (Salm 4:4) Tfajla żagħżugħa jisimha Beatrice tgħid: “Kultant noqgħod naħseb fuq kemm se tidher insinifikanti l-problema l-għada. Jekk dan ikun il-każ, inħalliha tgħaddi mal-oħrajn.”
[Kaxxa f’paġna 19]
GĦALA MA TISTAQSIX LILL-ĠENITURI?
Kif kontu ssolvu l-problemi li kellkom mal-ġenituri tagħkom? Kieku kellkom tmorru lura fiż-żmien, kontu tagħmlu xi ħaġa differenti? Jekk iva, x’inhi?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 19]
DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK
Wyndia—Nipprova naħseb qabel ma nitkellem. Nara x’inhi l-opinjoni tal-ġenituri tiegħi, u qabel ma ngħid xi ħaġa, nitlob. Jekk inkun naf li dak li nkun se ngħid se jqajjem ġlieda, ma ngħid xejn sakemm inkun nistaʼ nesprimi ruħi mingħajr ma nargumenta.
Ross—Meta nħoss li tkun se titlagħli t-tempra, nipprova nfakkar lili nnifsi li nistaʼ nirrovina l-kumplament tal-ġurnata fuq argument li setaʼ ġie evitat. Minħabba f’hekk, issa nħossni iktar kapaċi nikkontrolla r-rabja minn meta kont iżgħar.
Ramona—Sibt li jkun dejjem aħjar li nismaʼ x’għandhom x’jgħidu l-ġenituri tiegħi. Wara kollox, għandu mnejn li l-opinjoni tagħhom ma tkunx daqshekk differenti minn tiegħi u n-nuqqas taʼ qbil ma jkunx gravi daqskemm stennejt.