Sibt Imħabba u Paċi Veri
Kif Rakkontata Minn Egidio Nahakbria
Jien trabbejt inħossni abbandunat u mhux maħbub. Madankollu, issa nħossni maħbub u għandi paċi ġewwinija ġenwina. Din il-bidla kif seħħet? Ħa nispjega.
JIEN twilidt fl-1976 ġo għarix bl-art tal-ħamrija fuq il-muntanji taʼ Timor tal-Lvant, li dak iż-żmien kien jagħmel parti mill-Indoneżja. Kont it-tmien wieħed minn għaxart itfal u l-ġenituri tagħna kienu fqar ħafna. Peress li l-ġenituri tiegħi ma setgħux jitimgħuna lkoll, huma żammew lil ħija t-tewmi u talbu lill-kuġin tiegħi biex irabbini hu.
F’Diċembru tal-1975, ftit qabel ma twilidt, l-Indoneżja invadiet lil Timor tal-Lvant, u dan ta bidu għal gwerra tal-gwerilli li damet sejra iktar minn għoxrin sena. B’hekk, l-ewwel memorji tiegħi huma taʼ vjolenza u sofferenza. Għadni nara ċar quddiem għajnejja s-suldati jattakkaw lir-raħal tagħna u minħabba f’hekk kulħadd kellu jaħrab biex jibqaʼ ħaj. Jien u l-kuġin tiegħi tlaqna bil-mixi lejn ġenb imwarrab taʼ muntanja fejn eluf taʼ nies minn Timor kienu fittxew il-kenn.
Madankollu, is-suldati skoprew fejn konna mistoħbijin, u malajr bombi tal-għadu niżlu bħal xita fuqna. Għandi memorji orribbli tat-terrur, il-mewt, u l-qerda li segwew. Meta fl-aħħar morna lura fir-raħal tagħna, għext imwerwer il-ħin kollu. Ħafna mill-ġirien tagħna għabu jew inqatlu, u bdejt nibżaʼ li kien imiss lili.
Meta kelli għaxar snin, il-kuġin tiegħi marad u miet, u għalhekk il-ġenituri tiegħi bagħtuni ngħix maʼ nannti. Din kienet armla, li l-esperjenza tal-ħajja ħallitilha togħma qarsa u kienet tqisni bħala piż. Kienet tittrattani bħala lsir. Darba minnhom, meta kont marid wisq biex naħdem, sawtitni u ħallietni għal mejjet. Fortunatament, wieħed miz-zijiet tiegħi ħadni biex ngħix mal-familja tiegħu.
Fl-aħħar, meta kelli 12-il sena, bdejt immur l-iskola. Ftit wara, il-mara taz-ziju mardet u zijuwi qabditu dipressjoni qawwija. Billi ma ridtx inkun taʼ piż iktar għalihom, ħrabt u ngħaqadt maʼ grupp taʼ suldati Indoneżjani li kellhom il-bażi fil-ġungla. Sirt l-ajjutant tagħhom—naħslilhom il-ħwejjeġ, insajrilhom l-ikel, u nnaddfilhom il-kamp. Huma ttrattawni tajjeb, u jien ħassejtni utli. Imma wara diversi xhur, qrabati sabuni u għamlu pressjoni fuq is-suldati biex jibagħtuni lura fir-raħal tiegħi.
Attivist Politiku
Wara li spiċċajt l-iskola sekondarja, mort ngħix Dili, il-belt kapitali taʼ Timor tal-Lvant, u dħalt l-università. Hemmhekk iltqajt maʼ ħafna żgħażagħ li kellhom sfond simili għal tiegħi. Ikkonkludejna li l-uniku mod kif niksbu indipendenza nazzjonali u bidla soċjali kien permezz taʼ azzjoni politika. Il-grupp tagħna, ifformat mill-istudenti, organizza ħafna dimostrazzjonijiet politiċi li l-biċċa l-kbira minnhom spiċċaw f’rewwixti. Ħafna mill-ħbieb tiegħi weġġgħu. Xi wħud saħansitra nqatlu.
Meta, fl-2002, Timor tal-Lvant kiseb l-indipendenza, il-pajjiż kien f’rovina, għaxriet taʼ eluf taʼ nies kienu mietu, u mijiet taʼ eluf tilfu djarhom. Jien ittamajt li l-kundizzjonijiet se jitjiebu. Imma l-qgħad, il-faqar, u t-taqlib politiku kontinwu komplew jinfirxu maʼ kullimkien.
Direzzjoni Ġdida
Dak iż-żmien kont qed ngħix maʼ xi qraba, inkluż qarib iżgħar minni, Andre, li kien jiġi minni mill-bogħod u kien qed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Bħala Kattoliku Ruman devot, jien ma ħadtx pjaċir li qarib tiegħi kien involut f’reliġjon oħra. Xorta waħda, kont kurjuż dwar il-Bibbja u kultant kont naqra l-kopja li Andre kien iżomm fil-kamra tas-sodda tiegħu. Dak li kont naqra, iktar qajjimli interess.
Meta, fl-2004, Andre tani invit stampat għat-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù, iddeċidejt li nattendi. Peress li qrajt l-invit ħażin, wasalt fil-post tal-laqgħa sagħtejn qabel. Meta waslu x-Xhieda, kemm dawk lokali kif ukoll dawk barranin, ħaduli b’idi u ġegħluni nħossni milqugħ. Kont impressjonat. Matul it-taħdita tat-Tifkira ktibt f’pitazz kull skrittura ċitata u iktar tard iċċekkjajthom fil-Bibbja Kattolika tiegħi biex nara jekk dak li qal il-kelliemi kienx veru. Kien veru!
Il-ġimgħa taʼ wara attendejt għall-quddiesa fil-knisja tiegħi. Peress li jien u xi oħrajn wasalna tard, il-qassis qabad biċċa injama u bir-rabja keċċiena ’l barra mill-knisja. Hekk kif konna barra, il-qassis spiċċa l-quddiesa billi qal lill-kongregazzjoni, “Jalla l-paċi taʼ Ġesù tkun magħkom.” Waħda mara qalbenija għajtet, “Kif tistaʼ titkellem dwar il-paċi meta int għadek kif keċċejt lil dawn in-nies ’il barra mill-knisja?” Il-qassis injoraha. Jien tlaqt mill-knisja u qatt ma rġajt mort lura.
Ftit wara bdejt nistudja l-Bibbja u nattendi għal-laqgħat tax-Xhieda flimkien maʼ Andre. Qrabatna allarmaw ruħhom u bdew jopponuna. In-nanna taʼ Andre wissietna: “Se nħaffer ħofra u nidfinkom it-tnejn jekk tkomplu tistudjaw maʼ dik ir-reliġjon ġdida.” Madankollu, it-theddid tagħha ma beżżagħniex. Konna determinati li nagħmlu progress spiritwali.
Nagħmel Xi Bidliet
Hekk kif studjajt il-Bibbja bdejt inħoss li qatt ma kont naf tassew x’inhi l-imħabba. Ma kontx inċedi u kont difensiv u kont insibha iebsa biex nafda lin-nies. Iżda, ix-Xhieda ħadu interess ġenwin fija. Meta mradt ħafna u qrabati injorawni, ix-Xhieda żaruni u għenuni. Imħabbithom ma kinitx ‘bil-kliem u bl-ilsien, imma bl-għemil u l-verità.’—1 Ġwanni 3:18.
Minkejja li kelli apparenza u karattru li jintimidaw, ix-Xhieda ttrattawni billi ‘ħassew għalija u wrewni affezzjoni’ daqslikieku kont ħuhom. (1 Pietru 3:8) Għall-ewwel darba f’ħajti, bdejt inħossni maħbub. Il-personalità tiegħi rtabet, u bdejt niżviluppa mħabba għal Alla u għall-proxxmu tiegħi. Għaldaqstant, f’Diċembru tal-2004, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova permezz tal-magħmudija fl-ilma. Andre tgħammed ftit wara.
Barkiet Fost l-Inkwiet
Wara l-magħmudija tiegħi kelli xewqa qawwija li ngħin lil nies oħrajn li qatt ma kienu jafu x’inhi l-imħabba vera jew il-ġustizzja. Għalhekk, bdejt naqdi bħala ministru Kristjan full-time, jew fix-xogħol taʼ pijunier, kif isejħulu x-Xhieda taʼ Ġeħova. Li naqsam maʼ ħaddieħor il-messaġġ edifikanti tal-Bibbja kien ferm iktar rifreskanti milli nieħu sehem f’dimostrazzjonijiet u rewwixti politiċi. Sa fl-aħħar, kont verament qed ngħin lin-nies!
Fl-2006, reġgħu feġġew it-tensjonijiet politiċi u reġjonali f’Timor tal-Lvant. Gruppi partiġjani ġġieldu minħabba lmenti li kien ilhom
għaddejjin żmien twil. Il-belt taʼ Dili ġiet assedjata, u ħafna nies mil-Lvant tal-pajjiż ħarbu biex jibqgħu ħajjin. Flimkien maʼ Xhieda oħrajn, jien ħrabt lejn Baucau, belt kbira ħafna madwar 120 kilometru lejn il-Lvant taʼ Dili. Hemmhekk, il-prova iebsa tagħna nbidlet f’barka, ladarba stajna nistabbilixxu kongregazzjoni ġdida—l-ewwel waħda ’l barra minn Dili.Tliet snin wara, fl-2009, irċivejt invit biex nattendi skola speċjali għal ministri Kristjani full-time f’Ġakarta, l-Indoneżja. Ix-Xhieda f’Ġakarta daħħluni fi djarhom u fi qlubhom. L-imħabba ġenwina tagħhom impressjonatni profondament. Ħassejt li kont parti minn “fratellanza” globali, “familja” internazzjonali, li verament kien jimpurtaha minni.—1 Pietru 2:17.
Paċi sa fl-Aħħar!
Wara l-iskola mort lura Baucau, fejn għadni ngħix sal-ġurnata tal-lum. Hawnhekk nitgħaxxaq ngħin spiritwalment lin-nies, sewwasew bħalma oħrajn darba għenu lili. Pereżempju, f’raħal iżolat ’il barra minn Baucau, jien u oħrajn ngħallmu l-Bibbja lil xi 20 ruħ, inkluż ħafna xjuħ li ma jafux jaqraw jew jiktbu. Il-grupp kollu kemm hu jattendi għal-laqgħat taʼ kull ġimgħa, u tliet individwi ngħaqdu mal-“familja” spiritwali tagħna bħala membri mgħammdin tal-kongregazzjoni Kristjana.
Diversi snin ilu ltqajt maʼ Felizarda, tfajla qalbha tajba li aċċettat il-verità Biblika u malajr għamlet progress biex titgħammed. Iżżewwiġna fl-2011. Nifraħ ukoll li Andre, il-qarib tiegħi, qed jaqdi fl-uffiċċju tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Timor tal-Lvant. Anki l-biċċa l-kbira minn qrabati, inkluż in-nanna taʼ Andre, li darba riedet tidfinna, issa jirrispettaw il-fidi tiegħi.
Fl-imgħoddi, ħassejtni rrabjat, mhux maħbub, u li kien impossibbli li xi ħadd iħobbni, imma grazzi għal Ġeħova, sa fl-aħħar sibt imħabba u paċi veri!
[Stampa f’paġna 20]
Egidio bħala attivist politiku
[Stampa f’paġna 22]
Egidio u Felizarda flimkien maʼ membri tal-Kongregazzjoni taʼ Baucau, f’Timor tal-Lvant