Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa Lejn id-Dinja

Ħarsa Lejn id-Dinja

Fir-​Repubblika tal-​Ġeorġja fix-​Xlokk tal-​Ewropa, “in-​numru tad-​divorzji kważi rdoppja fl-​aħħar għaxar snin.” Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk li qed jiddivorzjaw huma taħt l-​20 sena.—FINANCIAL, IL-​ĠEORĠJA.

Fl-​Irlanda, 17 fil-​mija taʼ dawk bejn il-​11 u s-​16-​il sena “taw l-​isem sħiħ tagħhom lil xi ħadd fuq l-​Internet li qatt ma kienu ltaqgħu miegħu.” Għaxra fil-​mija taw ukoll “l-​e-​mail, in-​numru tal-​mowbajl jew ir-​ritratt” tagħhom.—THE IRISH SOCIETY FOR THE PREVENTION OF CRUELTY TO CHILDREN.

Hemm biss xi 4 fil-​mija taʼ nirien fil-​foresti madwar id-​dinja li jaqbdu waħedhom. Fil-​każi l-​oħrajn kollha, in-​nirien jitqabbdu min-​nies—jew bi traskuraġni jew apposta.—PRESSEPORTAL, IL-​ĠERMANJA.

“Kważi wieħed minn kull 10 Amerikani [taʼ 12-​il sena jew iktar] jistqarr li regolarment juża drogi illegali, inkluż marijuana, kokaina, eroina, alluċinoġeni, xammiema jew mediċini li jintużaw għall-​gost.”—USA TODAY, L-​ISTATI UNITI TAL-​AMERIKA.

It-​Trażżin Hu Importanti għall-​Istabbiltà

Ir-​rivista Time tgħid: “Ir-​riċerka turi li nuqqas taʼ trażżin fiż-​żgħożija jistaʼ jindika li persuna se jkollha problemi taʼ saħħa, inqas stabbiltà finanzjarja, u rekord kriminali sakemm issir adulta.” Iktar minn 1,000 persuna ġew studjati mindu twieldu sa meta kellhom 32 sena. Sakemm saru adulti, “dawk li [bħala tfal] kellhom tendenza akbar li jaġixxu bla ma jaħsbuha u li malajr kienu jinnervjaw u li sabuha l-​iktar diffiċli jistennew biex jaqtgħu xewqithom jew biex imisshom huma” kellhom probabbiltà taʼ tliet darbiet iktar li jirrapportaw li kellhom saħħa batuta, li kellhom paga baxxa, li kienu ġenituri li jrabbu t-​tfal waħedhom, jew li kienu wettqu xi att kriminali. Madankollu, ir-​rivista tgħid: “wieħed jistaʼ jitgħallem jitrażżan,” u tkompli: “L-​iskola u l-​familja jistgħu jgħinu biex jgħallmu t-​tfal jikkontrollaw ruħhom minn kmieni fil-​ħajja ħalli jkunu adulti iktar f’saħħithom u stabbli.”

Sewwieqa Ħżiena Jieħdu Lezzjoni

L-​awtoritajiet fl-​Indja qed jipprovaw metodi ġodda biex jittrattaw maʼ dawk li b’mod sfaċċat jiksru r-​regoli tat-​traffiku billi jġegħluhom jaħdmu bħala pulizija tat-​traffiku. Il-​mira hi biex jgħinu lis-​sewwieqa jifhmu xi jfisser li timmaniġġa t-​tip taʼ kaos li huma jikkaġunaw. Issa, minflok ma sempliċement iwaqqfuhom u jwaħħluhom multa, il-​pulizija f’Gurgaon, fil-​Majjistral tal-​Indja, qed iġiegħlu lis-​sewwieqa jmorru għal nofs siegħa jew iktar mal-​pulizija biex jidderieġu t-​traffiku. Xi sewwieqa jammettu li l-​lezzjoni biddlet l-​attitudni tagħhom. “Noħorġu elf multa kuljum għar-​reati tat-​traffiku f’Gurgaon,” jgħid Bharti Arora, il-​viċi kummissarju tal-​pulizija tal-​lokal. “Jistaʼ jkollna sa 1,000 ‘pulizija’ iktar kuljum.”