Ftakar Biex Tgħid Grazzi!
META kienet l-aħħar darba li rċivejt nota taʼ ringrazzjament? Meta kienet l-aħħar darba li bgħatt nota int?
F’din id-dinja taʼ komunikazzjoni bil-kompjuter saret xi ħaġa rari ħafna biex tara messaġġi taʼ gratitudni miktubin bl-idejn. Imma, li tgħid “grazzi” bil-miktub hu mod speċjali kif tgħid lil dak li jkun li tapprezza l-qalb tajba tiegħu. Dawn li ġejjin huma xi suġġerimenti dwar kif tistaʼ tagħmel dan.
1. In-nota iktibha b’idek biex tkun iktar persunali.
2. Uża l-isem personali tal-individwu li trid tirringrazzja.
3. Jekk irċivejt rigal, semmi r-rigal u għid kif biħsiebek tużah.
4. Erġaʼ rringrazzja lill-persuna fl-aħħar tan-nota.
Nota taʼ ringrazzjament tħalli impressjoni tajba fuq min jirċiviha.
Mela darb’oħra, meta xi ħadd jurik ospitalità, ikun ħanin miegħek, jew jagħtik rigal, uri li l-isforzi tiegħu huma apprezzati. Ftakar biex tgħid grazzi!
[Kaxxa/Stampa f’paġna 11]
Għażiża Zija Mary,
Grazzi ħafna tal-iżveljarin li tajtni! Diġà bdejt nużah, minħabba li spiss nibqaʼ rieqed. Ħadt pjaċir narak il-ġimgħa li għaddiet, u nittama li wasalt id-dar qawwija u sħiħa. Inħarsu ʼl quddiem li ma ndumux ma nerġgħu narawk.
Grazzi għal darb’oħra tar-rigal utli li tajtni!
In-neputi tiegħek,
John
[Stampa]
(1)
[Kaxxa f’paġna 11]
SUĠĠERIMENTI
● Tirreferix għal għotjiet taʼ flus direttament. Pereżempju, minflok ma tispeċifika l-ammont li rċivejt, tistaʼ tgħid: “Grazzi tal-għotja ġeneruża tiegħek. Qed nippjana biex nużaha għal . . . ”
● Inkludi biss informazzjoni li hi relatata mal-għotja u l-apprezzament tiegħek għaliha. Dan ma jkunx il-ħin biex toqgħod tirrakkonta fid-dettall dwar il-vaganza tas-sajf tiegħek jew biex tirrakkonta li reċentement kellek tidħol l-isptar.
● Tgergirx dwar xi problemi li kellek bir-rigal. Pereżempju, ma tkunx qalbek tajba jekk tikteb, “Grazzi tat-towster—imma ma toqgħodlix fuq il-bank tal-kċina!”
[Kaxxa f’paġna 11]
Il-Bibbja tinkuraġġina biex inkunu grati. (Luqa 17:11-19) Twissina biex ‘nitolbu bla waqfien’ lil Alla, u żżid tgħid: “Roddu ħajr f’kollox.”—1 Tessalonikin 5:17, 18.