Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Lumija—Frotta Versatili

Il-Lumija—Frotta Versatili

IMMAĠINA xi ħaġa li tistaʼ tintuża bħala mediċina, għat-​tindif, bħala diżinfettant, u bħala trattament għas-​sbuħija. Tistaʼ tikolha, tixrob il-​meraq tagħha, u tieħu ż-​żejt minnha. Tidher sabiħa, hi disponibbli mad-​dinja kollha, u ma tqumx ħafna flus. Forsi saħansitra għandek waħda fil-​kċina tiegħek issa. X’inhi? Il-​lumija!

Hu maħsub li l-​lumi oriġina fix-​Xlokk tal-​Asja. Minn hemmhekk ittieħed bil-​mod il-​mod fil-​Punent, lejn il-​Mediterran. Is-​siġar tal-​lumi jiffjorixxu fi klimi moderati, u għalhekk jikbru tajjeb ħafna f’postijiet bħall-​Arġentina, l-​Italja, il-​Messiku, Spanja, u saħansitra f’partijiet tal-​Afrika u tal-​Asja. Siġra matura, skont il-​varjetà u l-​post fejn tkun, tistaʼ tipproduċi bejn 200 u 1,500 lumija fis-​sena—numru tal-​għaġeb! Il-​varjetajiet kultivati jagħmlu ż-​żahar fi staġuni differenti, u b’hekk jagħmluha possibbli li jkollna l-​lumi s-​sena kollha.

Il-​Lumi Jikber fl-​Italja

Jekk ir-​Rumani tal-​qedem kabbrux il-​lumi jew le hu suġġett jaħraq. Hemm evidenza bil-​miktub li r-​Rumani kienu jafu dwar it-​tronġ, membru ieħor tal-​familja taċ-​ċitru, li jixbah ħafna lumija kbira. Fil-​ktieb tiegħu Natural History, l-​istorjografu Ruman Plinju l-​Kbir isemmi speċifikament is-​siġra tat-​tronġ u l-​frott tagħha. Madankollu, xi esperti ewlenin jemmnu li r-​Rumani kienu jafu bil-​lumi wkoll. Għala? Għax milli jidher din il-​frotta tidher f’diversi affreski u mużajċi u mhux it-​tronġ. Eżempju taʼ dan hu minn villa li nstabet taħt l-​art f’Pompej u li bix-​xieraq kien jisimha Id-​Dar tas-​Siġar tal-​Frott, għax hi mżejna b’affreski li fuqhom hemm diversi pjanti, inkluż siġra tal-​lumi. Irridu nammettu li dak iż-​żmien x’aktarx li kienet meqjusa bħala siġra eżotika u għandha mnejn kienet tintuża biss bħala pjanta għall-​mediċina. Impossibbli ngħidu kemm kien faċli li jitkabbar il-​lumi u kemm kien mifrux.

Il-​gżira taʼ Sqallija, b’sajf twil u sħun u xitwa moderata, saret l-​iktar post li jipproduċi l-​frott taċ-​ċitru, inkluż il-​lumi. Imma hemm postijiet oħrajn, l-​aktar mal-​kosta, fejn jiġi kultivat lumi taʼ kwalità tajba.

Il-​belt sabiħa taʼ Sorrento tinsab ftit ’l isfel minn Napli, u lejn in-​Nofsinhar tagħha hemm il-​kosta tʼAmalfi—xatt spettakolari taʼ ftit iktar minn 40 kilometru. F’daħliet remoti mal-​kosta hemm il-​bliet pittoreski t’Amalfi, Positano, u Vietri sul Mare, biex insemmu biss ftit. Sorrento u l-​kosta tʼAmalfi jipproduċu lumi li għandu ċ-​ċertifikat mill-​Awtorità għall-​Protezzjoni, garanzija li fil-​fatt ġie kultivat hemmhekk. In-​nies tal-​lokal bir-​raġun huma protettivi ħafna tas-​siġar tal-​lumi tagħhom, għax dawn is-​siġar inżergħu b’għaqal mal-​ġenb tal-​muntanja, fejn għandhom ħafna xemx u jipproduċu lumi jfuħ u mimli meraq.

M’għandekx bżonn ħafna spazju biex tkabbar siġra tal-​lumi. Anki gallarija li jkollha ħafna xemx hi biżżejjed, għax is-​siġar tal-​lumi baxxi jistgħu jitkabbru fi qsari u huma sbieħ biex iżżejjen. Iħobbu postijiet xemxin u kennijin ħalli jkunu jistgħu jassorbu s-​sħana, preferibbilment taħt xi ħajt. Madankollu, jekk it-​temperatura titbaxxa ħafna matul ix-​xitwa, ikollhom bżonn jitgħattew jew jiddaħħlu ġewwa.

Mhux Biss għat-​Togħma

Kemm tużah spiss il-​lumi? Xi wħud jitfgħu biċċa f’belgħa te; oħrajn jużaw il-​qoxra maħkuka jew ftit qtar tal-​meraq f’riċetti tal-​kejkijiet. Forsi tagħsru biex tuża l-​meraq għal-​luminata. Kokijiet madwar id-​dinja dejjem ikollhom ftit lumi għax jistaʼ jintuża b’diversi modi fit-​tisjir. Imma qatt użajt il-​meraq tal-​lumi bħala diżinfettant jew biex jgħinek tneħħi xi tebgħa?

Fil-​fatt, xi wħud inaddfu u jiddiżinfettaw iċ-​chopping boards tagħhom billi jogħrkuhom b’nofs lumija. Minflok ma jużaw il-​bliċ għat-​tbajjaʼ jew biex inaddfu s-​sink, xi wħud jużaw taħlita taʼ meraq tal-​lumi u bikarbonat. U jingħad li nofs lumija fil-​friġġ jew fid-​dixxwoxer telimina l-​irwejjaħ ħżiena u tgħin biex jibqgħu jinxtammu nodfa.

Il-​lumi fih l-​aċidu ċitriku, li jintuża bħala preservattiv naturali u biex jagħti togħma qarsa lill-​ikel jew lix-​xorb. L-​ilbieba u l-​qoxra tal-​lumi fihom il-​pektin, li jintuża fl-​industrija tal-​ikel biex jgħaqqad, biex iħallat flimkien likwidi taʼ ħxuna differenti, u bħala ġelatina. Barra minn hekk, mill-​qoxra tiegħu jittieħed żejt li jintuża fl-​industriji tal-​ikel, tal-​mediċina, u tal-​kosmetika. Nistgħu ma niqfux insemmu kemm għandu użu l-​lumi. Il-​lumi tassew hu frotta versatili b’kulur sabiħ u b’togħma tajba.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 15]

Vitamina Ċ

Il-​vitamina Ċ hi vitali biex il-​ġisem jikber u jibqaʼ f’saħħtu. Fortunatament, tinsab f’ħafna ikel, bħall-​ħaxix b’weraq aħdar, it-​tadam, il-​bżar tal-​kulur, il-​passolina sewda, u l-​frawli. Il-​vitamina Ċ tinsab ħafna fil-​frott taċ-​ċitru, u dan, naturalment, jinkludi l-​lumi. L-​ammont taʼ vitamina Ċ f’lumija jiddependi minn bosta fatturi, bħall-​kundizzjonijiet tal-​klima li fihom tkun kibret il-​frotta, kemm tkun misjura, u saħansitra l-​pożizzjoni tal-​frotta fis-​siġra.

F’xi pajjiżi hu rikkmandat li adulti f’saħħithom jieħdu madwar 100 milligramma vitamina Ċ kuljum. Lumija mdaqqsa tipprovdi madwar nofs l-​ammont taʼ vitamina Ċ rikkmandat lil adult kuljum.