Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 INTERVISTA | PAOLA CHIOZZI

Bijokimika Tispjega t-Twemmin Tagħha

Bijokimika Tispjega t-Twemmin Tagħha

Id-dottoressa Paola Chiozzi ilha taħdem bħala bijologa molekulari fl-Università taʼ Ferrara fl-Italja għal iktar minn 20 sena. Stenbaħ! staqsieha dwar ix-xjenza u t-twemmin tagħha.

Għidilna dwar l-isfond tiegħek.

Missieri kien skarpan, u ommi kienet taħdem fir-rabaʼ. Imma jien ridt inkun xjenzata. Il-fjuri, l-għasafar, u l-insetti mill-isbaħ li kont nara viċin id-dar tiegħi kienu jaffaxxinawni. Kont inħoss li kienu l-frott taʼ għerf sovruman.

Allura minn dejjem kont temmen li jeżisti Ħallieq?

Le. Fil-fatt, id-dubji tiegħi dwar Alla nibtu meta kont għadni tifla. Missieri miet ħabta u sabta b’attakk tal-qalb, u bejni u bejn ruħi kont ngħid, ‘Ħallieq li għamel affarijiet tant sbieħ, għala jippermetti t-tbatija u l-mewt?’

L-istudju tiegħek fix-xjenza għenek issib tweġiba?

Għall-ewwel le. Meta sirt bijologa molekulari, bdejt nistudja dwar il-mewt—il-mewt normali u programmata taċ-ċelluli li minnhom hu magħmul ġisimna. Din hi differenti ferm mill-mewt taċ-ċelluli li ma tistax tiġi kontrollata u li tikkaġuna infjammazzjoni u kankrena. Sa ftit snin ilu, ix-xjenzati ftit li xejn taw kas dan il-proċess, avolja huwa vitali għal saħħitna.

Il-mewt programmata taċ-ċelluli b’liema mod hi vitali?

Ġisimna hu magħmul minn triljuni taʼ ċelluli mikroskopiċi. Tistaʼ tgħid li kollha kemm huma jridu jmutu u jiġu sostitwiti. Kull tip taʼ ċellula għandha tul taʼ ħajja differenti; xi ċelluli jiġu sostitwiti kull ftit ġimgħat, u oħrajn kull ftit snin. Is-sistema taʼ ġisimna tal-mewt programmata taċ-ċelluli trid tiġi kontrollata bir-reqqa biex jinżamm il-bilanċ delikat bejn il-mewt taċ-ċelluli u t-tiswir taċ-ċelluli.

 X’jistaʼ jmur ħażin?

Xi studji jindikaw li meta ċ-ċelluli ma jmutux kif suppost, ir-riżultat jistaʼ jkun artrite rewmatika jew kanċer. Mill-banda l-oħra, meta ċ-ċelluli jmutu qabel il-waqt, ir-riżultat jistaʼ jkun il-marda taʼ Parkinson jew il-marda tal-Alzheimer. Ir-riċerka tiegħi hi marbuta mas-sejba taʼ modi kif jiġi trattat dan il-mard.

L-istudju tiegħek dwar il-mewt taċ-ċelluli kif effettwak?

Biex ngħid il-verità ħawwadni. Dan il-proċess meraviljuż bla dubju ġie disinjat minn xi ħadd li jridna nkunu f’saħħitna. Għalhekk, baqgħet tberren ġo moħħi l-mistoqsija, In-nies għala jbatu u jmutu? Ma stajtx insib tweġiba.

Iżda int kont konvinta li s-sistema tal-mewt programmata taċ-ċelluli kienet disinjata.

Iva. Il-komplessità tal-proċess kollu hija taʼ taħbil il-moħħ, iżda r-raffinatezza tagħha turi għerf eċċezzjonali. Nemmen li huwa l-għerf t’Alla. Jien nuża mikroskopji sofistikati biex nistudja l-bosta mekkaniżmi komplikati li jikkontrollaw il-proċess. Xi mekkaniżmi jistgħu jattivaw il-proċess tal-qerda fi ftit sekondi, jekk ikun hemm bżonn. Iċ-ċelluli jikkontribwixxu għall-qerda tagħhom infushom. Il-proċess tant hu disinjat tajjeb li hu assolutament tal-għaġeb.

Peress li kważi ċ-ċelluli kollha tagħna jiġu sostitwiti regolarment, il-ħajja taʼ dejjem ċertament li hi possibbli

Int kellek mistoqsijiet dwar Alla u dwar it-tbatija. Kif sibt it-tweġibiet?

Tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova ġew iħabbtuli l-bieb fl-1991, u staqsejthom għala mmutu. Huma wrewni t-tweġiba tal-Bibbja: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt.” (Rumani 5:12) Kieku l-ewwel bniedem obda minn Alla, kien jgħix għal dejjem. Minnufih intbaħt li dan kien fi qbil maʼ dak li kont tgħallimt mir-riċerka tiegħi. Fil-fatt, huwa ċar daqs il-kristall li Alla ma kellux l-intenzjoni li n-nies imutu. Peress li kważi ċ-ċelluli kollha tagħna jiġu sostitwiti regolarment, il-ħajja taʼ dejjem ċertament li hi possibbli.

Xi kkonvinċiek li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla?

Jien tgħallimt x’tgħid il-Bibbja dwar Alla f’Salm 139:16: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi.” Bħala bijokimika, nistudja l-informazzjoni ġenetika li qiegħda miktuba fiċ-ċelluli tagħna. Is-salmista kif kien jaf dwar din il-kitba? Iktar ma tgħallimt mill-Bibbja, iktar ikkonvinċejt ruħi li hi ispirata minn Alla.

Kif ġejt megħjuna tifhem dak li tgħallem il-Bibbja?

Wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova offra li jistudja l-Bibbja miegħi. Finalment, tgħallimt għala Alla jippermetti t-tbatija. Tgħallimt ukoll li, bħalma tgħid il-Bibbja, Alla għandu l-iskop li “jiblaʼ l-mewt għal dejjem.” (Isaija 25:8) Ikun faċli għall-Ħallieq tagħna li jagħmel is-sistemi meraviljużi taʼ ġisimna jaħdmu perfettament sabiex inkunu nistgħu ngawdu l-ħajja bla tmiem.

Kif użajt l-għarfien tiegħek mill-Bibbja biex tgħin lil oħrajn?

Sirt waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-1995, u minn dak iż-żmien ’l hawn minn qalbi qsamt m’oħrajn l-affarijiet li tgħallimt mill-Bibbja. Pereżempju, waħda mill-kollegi tiegħi ħaditha bi kbira meta ħuha kkommetta suwiċidju. Ir-reliġjon tagħha tgħallem li Alla qatt ma jaħfer lill-persuna li tikkommetti suwiċidju. Iżda jien urejtha kif il-Bibbja tagħti tama taʼ rxoxt. (Ġwanni 5:28, 29) Tassew ħassitha mfarrġa meta tgħallmet li l-Ħallieq jimpurtah minna. F’mumenti bħal dawn, inħoss li meta naqsam veritajiet Bibliċi m’oħrajn nikseb iktar sodisfazzjon milli nikseb mix-xjenza nfisha!