Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

INTERVISTA | GUILLERMO PEREZ

Konsulent kirurgu jispjega t-twemmin tiegħu

Konsulent kirurgu jispjega t-twemmin tiegħu

Il-​kirurgu Guillermo Perez reċentement irtira minn kap tal-​kirurġija fi sptar taʼ 700 sodda fl-​Afrika t’Isfel. Għal bosta snin hu kien jemmen fl-​evoluzzjoni. Imma iktar tard hu sar konvint li l-​ġisem uman kien iddisinjat minn Alla. Stenbaħ! staqsieh dwar it-​twemmin tiegħu.

Għidilna jekk jogħġbok għala kien hemm żmien li kont temmen fl-​evoluzzjoni.

Għalkemm trabbejt bħala Kattoliku, kelli d-​dubji dwar Alla. Pereżempju, ma stajtx nemmen f’Alla li jaħraq lin-​nies fl-​infern. Għalhekk, meta l-​professuri li kelli l-​università għallmuni li l-​affarijiet ħajjin evolvew u ma kinux maħluqin minn Alla, jien aċċettajt dan il-​ħsieb għax ħsibt li kien appoġġat bl-​evidenza. Inċidentalment, ir-​reliġjon li kelli ma kinitx tirrifjuta l-​evoluzzjoni imma sostniet li kienet immexxija minn Alla.

X’qajjimlek l-​interess fil-​Bibbja?

Marti, Susana, bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, li wrewha mill-​Bibbja li Alla ma jittorturax lin-​nies fin-​nar tal-​infern. * Urewha wkoll il-​wegħda t’Alla li jagħmel il-​pjaneta tagħna ġenna tal-​art. * Fl-​aħħar sibna tagħlim li jagħmel sens! Fl-​1989, Xhud jismu Nick beda jżurni. Waqt diskussjoni dwar il-​ġisem uman u l-​oriġini tiegħu, bqajt impressjonat bil-​loġika sempliċi tal-​kliem misjub fil-​Bibbja f’​Ebrej 3:4, li jgħid li “kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.”

L-​istudju tiegħek tal-​ġisem uman għenek taċċetta l-​ħolqien?

Iva. Pereżempju, il-​mod kif il-​ġisem ifejjaq lilu nnifsu ġie ddisinjat bil-​ħsieb. Il-​fejqan taʼ ġerħa, pereżempju, jinvolvi erbaʼ fażijiet, waħda tkompli mal-​oħra. Dan fakkarni li bħala kirurgu, jien sempliċement kont qed naħdem bis-​sistema taʼ fejqan tal-​ġisem stess.

Għidilna, x’jiġri meta ġisimna jiġi ferut?

F’temp taʼ sekondi, tibda taħdem l-​ewwel fażi minn serje taʼ proċessi ddisinjati biex iwaqqfu d-​demm. Dawn il-​proċessi huma estremament kumplessi u effiċjenti. Inżid ngħid li s-​sistema ċirkulatorja tagħna, li fiha xi 100,000 kilometru taʼ vini, bilfors li jgħiru għaliha l-​plamers għax kapaċi ssodd fejn inixxi u ssewwi lilha nfisha.

X’inhu involut fit-​tieni fażi tal-​fejqan?

Id-​demm jieqaf fi ftit sigħat u tibda l-​infjammazzjoni. L-​infjammazzjoni tinvolvi sekwenza taʼ proċessi li ġġiblek għajnejk wara widnejk. L-​ewwel, il-​vini li qabel kienu djiequ biex inaqqsu t-​telf taʼ demm, issa jagħmlu l-​kontra. Jitwessgħu biex iżidu ċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm fejn hemm il-​ġerħa. Imbagħad, fluwidu li fih ħafna proteini jneffaħ il-​parti mweġġgħa. Dan il-​fluwidu hu vitali biex jiġġieled kontra l-​infezzjoni, inaqqas is-​saħħa tal-​veleni, u jneħħi ċ-​ċelluli ħżiena. Kull pass jirrikjedi l-​produzzjoni taʼ miljuni taʼ molekuli speċjalizzati u ċelluli f’serje taʼ passi. Inċidentalment, uħud minn dawn il-​passi jservu taʼ stimulanti għall-​fażi li jmiss, imbagħad jieqfu jaħdmu.

Il-​fejqan kif ikompli?

Fi ftit jiem, ġisimna jibda jiġġenera materjali għall-​fejqan, proċess li jimmarka l-​bidu tat-​tielet fażi u li jilħaq il-​quċċata tiegħu bejn wieħed u ieħor f’ġimagħtejn. Ċelluli li jifformaw bħal ħjut tal-​laħam għal fuq il-​ferita jimxu għall-​erja milquta u jimmultiplikaw. Ukoll, vini rqaq jinbtu u jikbru lejn l-​erja effettwata, fejn ineħħu l-​iskart u jwasslu iktar nutriment għall-​fejqan. F’serje kumplessa oħra taʼ passi, ċelluli speċjali jifformaw biex jiġbdu t-​truf tal-​ferita flimkien.

Attività ġmielha! Kemm jgħaddi żmien sa ma jkun lest il-​fejqan?

L-​aħħar stadju, imsejjaħ tiswir mill-​ġdid, jistaʼ jdum għaddej ix-​xhur. Għadam miksur jiġi rrestawrat għas-​saħħa li kellu qabel, u l-​fibri li għall-​ewwel kienu jaqsmu minn naħa għall-​oħra taʼ ferita b’ċelluli rotob jiġu mibdulin b’materjali iktar b’saħħithom. Kollox maʼ kollox, kif il-​ġisem ifejjaq lilu nnifsu hu eżempju li jgħaġġbek taʼ koordinazzjoni pprogrammata għall-​aħħar.

Tistaʼ tiftakar f’xi każ li veru impressjonak?

Meta nara kif il-​ġisem ifejjaq lilu nnifsu, nibqaʼ mbellah

Iva. Niftakarni nikkura tfajla taʼ 16-​il sena li kienet vittma t’inċident ikrah tal-​karozza. It-​tfajla kienet f’qagħda kritika b’milsa mċarrta u kellha telf taʼ demm internament. Snin ilu konna noperaw biex infejqu jew inneħħu l-​milsa. Illum, it-​tobba jistrieħu iktar fuq il-​kapaċità li għandu l-​ġisem biex ifejjaq lilu nnifsu. Jien sempliċement tajtha trattament għall-​infezzjoni, telf taʼ fluwidi, anemija, u wġigħ. Ftit ġimgħat wara, scan wera li l-​milsa tagħha kienet fieqet! Meta nara kif il-​ġisem ifejjaq lilu nnifsu, nibqaʼ mbellah. U jien konvint iktar li ġejna ddisinjati minn Alla.

X’ġibdek lejn ix-​Xhieda taʼ Ġeħova?

Huma minn tagħna, u dejjem weġbuli l-​mistoqsijiet mill-​Bibbja. Ammirajt ukoll kif jaqsmu t-​twemmin tagħhom bil-​kuraġġ u jgħinu lil oħrajn isiru jafu dwar Alla.

Li sirt Xhud taʼ Ġeħova għenek fix-​xogħol tiegħek?

Iva. Għenni nkampa bl-​għeja taʼ kumpassjoni (compassion fatigue), forma taʼ eżawriment emozzjonali li spiss jeffettwa lit-​tobba u lill-​infermiera li kontinwament ikollhom x’jaqsmu maʼ nies morda jew feruti. Ukoll, meta l-​pazjenti riedu jitkellmu, stajt nispjegalhom il-​wegħda tal-​Ħallieq tagħna li l-​mard u t-​tbatija se jintemmu * u li hu se jġib dinja li fiha ħadd mhu se jgħid, “Jien marid.” *