IL-ĦARSA TAL-BIBBJA
Ir-Reliġjon
Għala jeżistu daqstant reliġjonijiet?
“Intom titilqu l-kmandament t’Alla u żżommu sod mat-tradizzjoni tal-bnedmin.”—Marku 7:8.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
B’mod naturali, in-nies għandhom “bżonn spiritwali” li jistgħu jissodisfawh billi jqimu ’l Alla. (Mattew 5:3) Sabiex jipprovaw jissodisfaw dan il-bżonn, in-nies ħalqu ħafna reliġjonijiet li huma bbażati fuq l-ideat tal-bniedem minflok fuq l-ideat t’Alla.
Pereżempju, dwar membri ta’ grupp reliġjuż tal-ewwel seklu, il-Bibbja tgħid: “Għandhom żelu għal Alla, imma mhux skond l-għarfien eżatt; għax, minħabba li ma kinux jafu l-ġustizzja t’Alla imma pprovaw jistabbilixxu l-ġustizzja tagħhom stess, huma ma ssottomettewx ruħhom lejn il-ġustizzja t’Alla.” (Rumani 10:2, 3) Bl-istess mod illum, jeżistu għadd kbir ta’ reliġjonijiet li “jgħallmu bħala duttrini l-kmandi tal-bnedmin.”—Marku 7:7.
Huwa neċessarju li tkun parti minn reliġjon?
“Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien.”—Ebrej 10:24, 25.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
Ebrej 10:25 juża l-frażi biex “ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien.” Dan il-kliem juri li Alla jrid li ninġabru bħala grupp organizzat biex nagħtu qima. Imma kellu kull min iqim ikollu l-interpretazzjoni tiegħu stess dwar min hu Alla u x’jirrikjedi minnu? Le. Il-Bibbja tgħid li dawk li jqimu ’l Alla b’tali mod li japprova, għandhom ‘ilkoll jitkellmu fi qbil’ u jkunu “magħqudin kif jixraq b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed.” (1 Korintin 1:10) Għandhom ikunu organizzati f’kongregazzjonijiet u “jħobbu l-fratellanza kollha” madwar id-dinja. (1 Pietru 2:17; 1 Korintin 11:16) Qima organizzata u magħquda bħal din hija neċessarja biex togħġob ’l Alla.
Ir-reliġjon vera tista’ tingħaraf?
“B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:35.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
Permezz ta’ tixbiha, il-Bibbja turina kif nagħrfu min jipprattika r-reliġjon vera, billi tgħid: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. In-nies ma jiġbrux l-għeneb mix-xewk jew it-tin mill-għollieq, hux tassew?” (Mattew 7:16) M’għandekx għalfejn tkun xi espert biex tara d-differenza bejn l-għollieq u s-siġra tat-tin; bl-istess mod, m’hemmx għalfejn tkun xi espert fir-reliġjon biex tagħraf dik vera minn dik falza. X’inhu xi ftit mill-frott, jew fatturi, li jgħinek tagħraf ir-reliġjon vera?
Ir-reliġjon vera tgħallem il-verità mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja. (Ġwanni 4:24; 17:17) Mhix ibbażata fuq il-filosofija tal-bniedem.
Ir-reliġjon vera tgħin lin-nies isiru jafu ’l Alla, inkluż ismu, Ġeħova.—Ġwanni 17:3, 6.
Ir-reliġjon vera tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq is-Saltna t’Alla, u mhux fuq il-gvernijiet umani, bħala l-unika tama għall-umanità.—Mattew 10:7; 24:14.
Ir-reliġjon vera tippromwovi mħabba mhix egoistika. (Ġwanni 13:35) Tgħallem lin-nies biex jirrispettaw lil kull xorta ta’ bniedem, biex jużaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom ħalli jgħinu ’l ħaddieħor, u biex ma jiħdux sehem fil-gwerer.—Mikea 4:1-4.
Ir-reliġjon vera hi stil ta’ ħajja, mhix sempliċement ritwal. Il-membri tagħha jipprattikaw dak li jgħallmu.—Rumani 2:21; 1 Ġwanni 3:18.
Ix-Xhieda ta’ Ġeħova, il-pubblikaturi ta’ din ir-rivista, jagħmlu ħilithom biex jonoraw ’l Alla bil-kliem u l-kondotta tagħhom. Aħna nħeġġuk tattendi laqgħa f’Sala tas-Saltna u tara dan b’għajnejk stess.