Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Kif turi manjieri tajbin meta tibgħat jew tirċievi messaġġi

Kif turi manjieri tajbin meta tibgħat jew tirċievi messaġġi

L-ISFIDA

Waqt li qed titkellem wiċċ imb wiċċ ma’ ħabib, tirċievi messaġġ. X’għandek tagħmel?

  1. Taqra l-messaġġ waqt li tkompli titkellem ma’ ħabibek.

  2. Tiskuża ruħek ma’ ħabibek u taqra l-messaġġ.

  3. Tinjora l-messaġġ u tkompli titkellem ma’ ħabibek.

Tagħmel differenza x’tagħżel? Iva, tagħmel differenza!

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Meta tibgħat messaġġ lil ħabib waqt li titkellem ma’ ħabib ieħor, huwa bħal meta tilgħab il-logħba favorita tiegħek mingħajr ma toqgħod għar-regoli tal-logħba. Forsi tgħid: ‘Imma dawn il-ħbieb tiegħi.’ Allura iktar u iktar għandek turi manjieri tajbin. Ma jfissirx li għandek tkun skrupluż jew strett iżżejjed. Imma kkunsidra dan il-fatt tal-ħajja: Jekk ma tużax manjieri tajbin ma’ ħbiebek, mhux se ddum ma tispiċċa bla ħbieb!

Għala ngħidu dan? Għax in-nies ma jħobbux min jittrattahom b’mod pastaż. Mara żagħżugħa li jisimha Beth * tgħid, “Nittika ruħi meta nkun qed nitkellem ma’ ħabiba li toqgħod il-ħin kollu tiċċekkja l-mowbajl bħallikieku qed tistenna xi ħaġa aħjar milli nkunu qed ngħidu!” Kemm taħseb li Beth se ddum tissaporti ħabiba bħal din?

Erġa’ kkunsidra s-sitwazzjoni taħt “L-isfida.” Liema għażla taħseb li hi l-aħjar? Probabbilment, tirrealizza li jekk tagħżel il-A ma tkunx qed tuża manjieri tajbin. Imma xi ngħidu dwar l-Għażliet B u Ċ? Tkun maledukat jekk twaqqaf konversazzjoni biex sempliċement tara messaġġ? Jew tkun qed turi nuqqas ta’ rispett jekk tinjora l-messaġġ biex sempliċement tkompli bil-konversazzjoni?

Kif tista’ tinnota, kultant tiġi bejn ħaltejn dwar kif turi manjieri tajbin. Imma l-Bibbja tista’ tgħin. Tgħid: “Bħalma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-istess lilhom.” (Luqa 6:31) Int tista’ tapplika dan il-parir meta tibgħat jew tirċievi l-messaġġi. Kif?

 DAK LI TISTA’ TAGĦMEL

Ibgħat messaġġ f’ħinijiet addattati biss. “Ġieli nirċievi messaġġ tard billejl,” jgħid żagħżugħ jismu Richard. “Apparti li ma jkunx importanti, itellifli raqda!” Saqsi lilek innifsek, ‘Nibgħat messaġġi lin-nies meta forsi jkunu qed jistrieħu?’—Prinċipju Bibliku: Ekkleżjasti 3:1.

Kun edukat. Aħna nikkomunikaw permezz ta’ kliem, ton tal-leħen, espressjoni tal-wiċċ, u mossi. Sfortunatament, ħafna minn dawn l-elementi jintilfu meta niktbu messaġġ. Allura kif nistgħu npattu għal dawn? “Uża manjieri tajbin,” tissuġġerixxi żagħżugħa jisimha Jasmine. “Saqsi, ‘Kif int?’ u uża kliem bħal ‘jekk jogħġbok’ u ‘grazzi.’”—Prinċipju Bibliku: Kolossin 4:6.

Uża l-għaqal. Erġa’ kkunsidra s-sitwazzjoni taħt “L-isfida.” Jekk qed tistenna xi messaġġ importanti, forsi jkun neċessarju li tiskuża ruħek ħalli tara l-messaġġ. Imma spiss, mhix se taqa’ d-dinja mbilli taqra l-messaġġ iktar tard. “Il-mowbajl tiegħek se jibqa’ hemm meta ħabibek ikun spiċċa milli jkun qed jgħid,” tgħid Amy li għandha 17-il sena, “imma l-ħabib tiegħek jista’ jkun li ma jibqax jistenniek sakemm tilħaq tibgħat il-messaġġ.” Tista’ tuża l-għaqal ukoll waqt xi get-together. “Toqgħodx tibgħat messaġġi l-ħin kollu,” tgħid Jane li għandha 18-il sena. “Meta tagħmel hekk tkun qisek qed tgħid, ‘Ma jimpurtaniex mill-kumpanija tiegħek; nippreferi nkun xi mkien ieħor.’”

Aħsibha sew qabel tibgħat messaġġ. Żgur li se jinftiehem sew il-messaġġ tiegħek? Biex tagħti s-sens li trid, tista’ forsi tagħmel xi smiley? “Jekk qed tiċċajta, agħmel smiley,” tgħid Amber li għandha 21 sena. “In-nies jistgħu jieħdu għalihom—u saħansitra jistgħu jaqilgħu ġlieda—għax jieħdu ċajta bis-serjetà.”—Prinċipju Bibliku: Proverbji 12:18.

Bla dubju ta’ xejn, il-manjieri tiegħek ta’ meta tibgħat jew tirċievi messaġġ jagħmlu differenza!

Aħseb dwar dan: Manjieri tajbin huma bbażati fuq l-imħabba. Din il-kwalità kif tintwera? Il-Bibbja tgħid: “L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx, ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tiġix provokata.” (1 Korintin 13:4, 5) Int liema aspett tal-imħabba trid taħdem fuqu?

^ par. 11 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.