SUĠĠETT PRINĊIPALI | META TGĦADDI MINN TRAĠEDJA—KIF TISTA’ TKAMPA?
Meta tgħaddi minn traġedja
XI DARBA jew oħra, kważi kulħadd jgħaddi minn xi traġedja. Dan jinkludi lil nies li donnhom ma jonqoshom xejn.
IL-BIBBJA TGĦID:
“Il-ħfief mhux dejjem jirbħu t-tiġrija, u lanqas is-setgħanin ma jirbħu dejjem il-battalja; l-għorrief ukoll ma jkollhomx ikel, u dawk li għandhom l-abbiltà li jifhmu wkoll ma jkollhomx rikkezzi, u lanqas dawk li għandhom l-għarfien ma jkollhom l-approvazzjoni; għax iż-żmien u l-ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.”—Ekkleżjasti 9:11.
Għalhekk, il-mistoqsija mhix jekk hux se tgħaddi minn xi traġedja, imma kif se tirreaġixxi meta tgħaddi minnha. Pereżempju, x’se tagħmel jekk:
titlef kulma għandek f’xi diżastru naturali?
issir taf li għandek marda fatali?
titlef lil xi maħbub fil-mewt?
Ix-Xhieda ta’ Ġeħova, il-pubblikaturi ta’ din ir-rivista, jemmnu li l-Bibbja tista’ mhux biss tgħinek meta tgħaddi minn xi traġedja imma wkoll tagħtik tama ta’ min joqgħod fuqha. (Rumani 15:4) Ikkunsidra tliet esperjenzi li juru kif dan jista’ jsir.