Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 SUĠĠETT PRINĊIPALI | META TGĦADDI MINN TRAĠEDJAKIF TISTA’ TKAMPA?

Meta titlef kulma għandek

Meta titlef kulma għandek

Kien il-Ġimgħa, 11 taʼ Marzu 2011, meta terremot ta’ skala 9.0 laqat il-Ġappun. Dan id-diżastru ħa l-ħajja ta’ 15,000 ruħ u kkaġuna iktar minn 140 biljun ewro fi ħsara. Meta sema’ t-twissija li kien ġej tsunami, Kei li kellu 32 sena, sab il-kenn fuq post iktar għoli. Hu qal: “L-għada fil-għodu mort lura d-dar biex niġbor dak li stajt, imma l-baħar kien kines kollox, inkluż l-appartament tiegħi. Kulma kien fadal kien biss il-pedament.

“Għall-ewwel, ma stajtx inniżżilha li mhux talli kont tlift ftit mill-affarijiet li kelli imma talli tlift kollox, kulma kelli—il-karozza; il-kompjuters li kont nuża għax-xogħol; l-imwejjed, is-siġġijiet, u s-sufan li kont nuża għall-mistidnin; id-diversi strumenti tal-mużika li kelli bħall-kitarra, il-keyboard, u l-flawt; l-affarijiet kollha li kont nuża biex inpinġi; u t-tpinġijiet u l-pitturi kollha li kelli.”

KIF TISTA’ TKAMPA

Ipprova ffoka fuq dak li għad għandek minflok fuq dak li tlift. Il-Bibbja tgħid: “Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Lq. 12:15) Kei jiftakar fis-sitwazzjoni tiegħu, u jgħid: “Għall-ewwel, għamilt lista ta’ dak li ridt, imma din fakkritni f’dak kollu li kont tlift. Għalhekk, iddeċidejt li nagħmel lista ta’ dawk l-affarijiet biss li veru kelli bżonn u aġġornajtha hekk kif akkwistajt dawn l-affarijiet. Din il-lista għenitni biex nerġa’ niġi fuq saqajja.”

Minflok ma tiffoka żżejjed fuqek innifsek, uża l-esperjenza tiegħek biex tfarraġ lil ħaddieħor. “Irċivejt ħafna għajnuna mill-ħbieb, mill-gvern, kif ukoll minn aġenziji oħra, imma hekk kif bdejt nidra naqla’, ħassejt li kien hemm xi ħaġa nieqsa,” jgħid Kei. “Imbagħad, ftakart fl-istqarrija tal-Bibbja f’Atti 20:35, li ‘hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.’ Imma peress li ma tantx kelli minn fejn nagħti materjalment, iddeċidejt li nagħti kliem ta’ inkuraġġiment lill-vittmi oħra ta’ dan id-diżastru. Kien t’għajnuna kbira għalija li nuri l-ġenerożità b’dan il-mod.”

Itlob lil Alla għall-għerf prattiku biex tkampa maċ-ċirkustanzi tiegħek. Kei fada fl-assiguranza tal-Bibbja li Alla “se jdur lejn it-talba ta’ dawk imneżżgħin minn kollox.” (Salm 102:17) Int tista’ tagħmel l-istess.

Kont taf? Il-Bibbja tbassar żmien meta ħadd ma se jinkwieta li se jitlef kollox minħabba xi diżastru naturali. *Isaija 65:21-23.

^ par. 9 Biex issir taf x’inhu l-iskop t’Alla għall-art, ara kapitlu 3 tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?, ippubblikat mix-Xhieda ta’ Ġeħova.