Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Talb

Talb

Hemm xi ħadd li jismaʼ t-talb tagħna?

“O Semmiegħ it-talb, għandek jiġu n-nies taʼ kull xorta.”—Salm 65:2.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Ħafna nies jiddubitaw jekk xi ħadd jismax it-talb tagħhom, speċjalment meta jkunu għaddejjin minn xi tbatija.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

“Għajnejn [Alla] Ġeħova huma fuq in-nies sewwa, u widnejh miftuħin għat-talb bil-ħerqa tagħhom; imma Ġeħova jdawwar wiċċu lil hinn minn dawk li qed jagħmlu l-ħażen,” tgħid il-Bibbja. (1 Pietru 3:12) Bla dubju, Alla tassew jismaʼ t-talb. Madankollu, hu b’mod speċjali inklinat li jismaʼ lil dawk li jimxu fi qbil mal-prinċipji tiegħu. Rigward il-fatt li Alla lest li jismagħna meta nitolbu, skrittura oħra tgħid: “Din hi l-fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.” (1 Ġwanni 5:14) Għalhekk, dawk li jitolbu b’mod sinċier għandhom bżonn jifhmu liema tip taʼ talb ikun fi qbil mar-rieda t’Alla.

 Kif għandna nitolbu?

“Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-istess ħaġa.”—Mattew 6:7.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Aduraturi taʼ diversi reliġjonijiet—bħalma huma l-Buddiżmu, il-Kattoliċiżmu, il-Ħinduiżmu, u l-Iżlam—ġew mgħallmin biex jużaw affarijiet bħall-kuruna tar-rużarju sabiex jirripetu u jgħoddu t-talb tagħhom.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

It-talb għandu jiġi mqanqal mill-qalb u jintqal bis-sinċerità; m’għandux jiġi mgħallem bl-amment u ripetut b’mod mekkaniku. L-Iskrittura tħeġġiġna: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-istess ħaġa, bħalma jagħmlu n-nies tal-ġnus, għax dawn jimmaġinaw li se jinstemgħu għax jużaw ħafna kliem. Għalhekk, tagħmlux bħalhom, għax Alla Missierkom jaf x’teħtieġu saħansitra qabel ma titolbuh.”—Mattew 6:7, 8.

GĦALA HU IMPORTANTI

Meta t-talb jiġi offrut b’mod li ma jkunx aċċettabbli għal Alla, l-aduratur jaf ikun qiegħed jaħli l-ħin jew possibbilment joffendi lil Alla. Il-Bibbja twissi li talb offrut minn uħud li jirrifjutaw li jimxu fi qbil mar-rieda t’Alla hu ‘mistkerrah’ f’għajnejh.—Proverbji 28:9.

Lil min għandna nitolbu?

“Fittxu lil [Alla] Ġeħova waqt li għadu jistaʼ jinstab. Sejħulu waqt li qiegħed fil-qrib.”—Isaija 55:6.

DAK LI JGĦIDU N-NIES

Xi aduraturi jitolbu lil Marija jew lil xi ħlejjaq oħra, bħal anġli u individwi, li huma meqjusin bħala “qaddisin.” Fost dawn il-qaddisin insibu lil “Sant’Antnin” li jsib il-ħwejjeġ mitlufin u lil “Santa Barbara” li jduru lejha biex tbegħedhom minn kull deni u ħsara. Ħafna aduraturi jduru bit-talb lejn dawn il-“qaddisin” u anġli bit-tama li dawn il-ħlejjaq se jidħlu għalihom quddiem Alla.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Aduraturi veri għandhom jitolbu lil “Missierna fis-smewwiet.” (Mattew 6:9) Il-Bibbja tħeġġiġna: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.”Filippin 4:6.