Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 TITWILA LEJN IL-PASSAT

Spanja tkeċċi lill-Mori

Spanja tkeċċi lill-Mori

Jingħad li kważi kull pass li ttieħed mill-Ispanjoli f’din l-istorja taʼ niket kien influwenzat mill-knisja. Hija storja taʼ min jaqraha.

IR-RE u r-reġina Spanjola riedu li l-pajjiż kollu jkun Kristjan taħt liġi waħda. Il-Mori kienu kkunsidrati pagani, u għaldaqstant il-preżenza tagħhom kienet meqjusa bħala offiża kbira f’għajnejn Alla. Wara ħafna snin, ittieħdet deċiżjoni. X’kienet? Li jitkeċċew! *

SFORZATI BIEX JIKKONVERTU

Għal mijiet taʼ snin, il-Musulmani fi Spanja għexu xi ftit jew wisq fil-paċi fi nħawi li kienu f’idejn il-Kattoliċi. Għal xi żmien, f’xi postijiet gawdew id-dritt legali li jżommu mal-liġijiet u d-drawwiet tagħhom, u kif ukoll li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom stess.

Imma fl-1492, ir-Re Ferdinand II u r-Reġina Isabella li kienu Kattoliċi rebħu lil Granada, l-aħħar parti minn Spanja li kienet għadha f’idejn il-Musulmani. Il-Musulmani t’hemm ċedew bil-kundizzjoni li jkollhom drittijiet simili għal dawk taʼ Musulmani oħrajn fi Spanja. Madankollu, il-mexxejja Kattoliċi ma damux ma bdew jippersegwitaw iktar lill-Musulmani f’pajjiżhom u bdew jagħmlulhom iktar pressjoni biex jikkonvertu. Peress li l-Ispanjoli ma żammewx kelmithom, il-Musulmani fl-1499 qajmu rewwixta.  Truppi tal-gvern waqqfu r-rewwixta, imma mbagħad il-Musulmani f’akkwata wara oħra kellhom jikkonvertu jew jemigraw.

“LA KIENU KRISTJANI TAJBIN U LANQAS ĊITTADINI LEALI”

Sal-1526, l-Iżlam kien ipprojbit ġo Spanja kollha, imma ħafna Mori komplew jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bil-moħbi. Il-maġġoranza tagħhom baqgħu bil-kultura tagħhom.

Għall-ewwel, l-Ispanjoli għalqu għajn waħda għall-fatt li l-Mori kienu saru Kattoliċi tal-isem biss. Wara kollox, kienu jħallsu t-taxxa u kienu jagħmlu xogħol bżonjuż. Xi wħud kienu artiġjani u rġiel tas-sengħa. Xorta waħda, minħabba l-fatt li l-Mori baqgħu bil-kultura tagħhom, kellhom isofru diskriminazzjoni kemm mill-gvern u kemm mill-poplu. Il-preġudizzju forsi żdied minħabba li l-knisja ħasbet li ma kinux Kattoliċi ġenwini.

It-tolleranza malajr inbidlet f’persekuzzjoni. Fl-1567, ir-Re Filippu II ppubblika d-deċiżjoni tiegħu li ma kinitx tippermetti l-lingwa, l-ilbies, id-drawwiet, u t-tradizzjonijiet tal-Mori. Din l-azzjoni qanqlet ribelljoni ġdida u qtil.

Huwa kkalkulat li madwar 300,000 Moru kienu sforzati jitilqu minn Spanja, u b’hekk batew ħafna

Il-ħakkiema Spanjoli, skont uħud li studjaw l-istorja, saru konvinti li l-“Mori la kienu Kristjani tajbin u lanqas ċittadini leali.” Għal din ir-raġuni kienu akkużati li qed jaħdmu minn taħt mal-għedewwa taʼ Spanja (il-pirati tal-kosta tal-Afrika taʼ fuq, il-Protestanti Franċiżi, u t-Torok) biex jinvadu lil Spanja. Kien hemm preġudizzju kontra l-Mori u biżaʼ li eventwalment kienu se jittradixxu lil Spanja. Dan wassal biex Filippu III jiddeċiedi li jkeċċihom fl-1609. * Fis-snin taʼ wara, dawk suspettati li kienu Mori kienu jiġu ppersegwitati. Il-mod kif Spanja saret kollha Kattolika hu tal-mistħija.

^ par. 4 F’dan l-artiklu, meta nirreferu għall-Mori, inkunu qegħdin nitkellmu dwar nies li kienu Musulmani u li saru Kattoliċi fi Spanja u l-Portugall wara l-waqgħa tal-aħħar renju Musulman t’hemmhekk fl-1492.

^ par. 12 Xi studjużi tal-istorja jaħsbu wkoll li minn tal-inqas wieħed mill-ħakkiema Spanjoli sar iktar sinjur billi ħataf taħt idejh l-artijiet tal-Mori.