Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa lejn id-dinja

Ħarsa lejn id-dinja

L-Ekwador

Fl-2007, l-Ekwador ħabbar pjanijiet biex jinġabru l-flejjes għall-protezzjoni taʼ kważi 10,000 kilometru kwadru taʼ foresta tropikali mhix imniġġsa fl-Amażonja minflok ma jsir tħaffir għaż-żejt fiha. Dawn il-pjanijiet ġew abbandunati għax ma kienx hemm appoġġ finanzjarju internazzjonali għall-pjan taʼ ħarsien mill-ħsara. Din il-parti tal-foresta tropikali tal-Amażonja hi wieħed mill-iktar reġjuni fid-dinja li fih diversità bijoloġika.

Il-Ġappun

Huwa diffiċli ferm biex jinstab demm imniġġes fil-kampjuni kollha taʼ demm li jiġi testjat, jgħid The Japan News. Ir-rapport sar wara aħbar li fl-2013, raġel li kellu fuq 60 sena ħa l-HIV minn trasfużjoni tad-demm. Meta demm mogħti jkun infettat bl-HIV, hemm perijodu taʼ żmien li matulu l-virus ma jistax jinstab fih.

Iż-Żimbabwe

Għalkemm il-ġlied bejn gruppi politiċi u l-gvern fiż-Żimbabwe tul il-fruntiera mal-Możambik waqaf fuq 30 sena ilu, bombi li jinħbew taħt l-art disinjati għal kontra s-suldati jkomplu joqtlu u jimmankaw. “Mill-1980 ’l hawn, iżjed minn 1,500 ruħ u 120,000 bhima nqatlu u 2,000 ruħ sfaw immankati b’bombi li jinħbew taħt l-art fuq in-naħa tal-fruntiera taż-Żimbabwe,” tirrapporta l-International Committee of the Red Cross.

L-Awstralja

Skont stħarriġ li sar, iżjed u iżjed koppji li qed jisseparaw jiġġieldu fuq min se jieħu l-pets. Fost l-affarijiet li jiġġieldu fuqhom biex jaqsmu bejniethom koppji li jisseparaw, il-pets jiġu wara l-proprjetà, il-flus, u ċerti oġġetti personali.