Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IT-TROBBIJA TAT-TFAL

Meta ibnek jigdeb

Meta ibnek jigdeb

L-ISFIDA

Ibnek taʼ ħames snin qed jilgħab f’kamra oħra. * Fid-daqqa u l-ħin tismaʼ xi ħaġa tinkiser. Tiġri lejn ibnek u ssibu wieqaf maġenb vażun tal-porċellana mfarrak. Il-ħarsa taʼ ħtija fuq wiċċu tikxfu.

“Kissirt il-vażun?” tistaqsi lil ibnek kemxejn bl-aħrax.

“Le, ma, mhux jien kissirtu!” iwieġeb fil-pront.

Din mhix l-ewwel darba li qbadt lil ibnek taʼ ħames snin f’gidba ovvja. Għandek għalfejn tinkwieta?

X’GĦANDEK TKUN TAF

Il-gideb kollu ħażin. Il-Bibbja tgħid li Alla Ġeħova ma japprovax “ilsien falz.” (Proverbji 6:16, 17) Il-Liġi li ngħatat lil Iżrael imponiet kastigi stretti fuq kull min qarraq b’ħaddieħor.—Levitiku 19:11, 12.

Imma, mhux il-gideb kollu hu l-istess. Xi gideb hu malizzjuż; jintqal biex jagħmel il-ħsara lil ħaddieħor. Gideb ieħor jintqal meta f’daqqa wieħed isib ruħu dahru mal-ħajt, forsi biex jevita l-mistħija jew il-kastig. (Ġenesi 18:12-15) Filwaqt li l-gideb kollu hu ħażin, xi gideb hu iktar serju minn ieħor. Jekk ibnek gideb, qis l-età tiegħu u r-raġuni għala ma qalx il-verità.

Għandek tieħu ħsieb il-problema meta ibnek ikun għadu żgħir. “Li tgħid il-verità, speċjalment meta dan ikun diffiċli, hu lezzjoni importanti għat-tfal,” jikteb Dr. David Walsh. “Ir-relazzjonijiet huma bbażati fuq il-fiduċja, u l-gideb ikisser dik il-fiduċja.” *

Però, tippanikjax. Il-fatt li ibnek gideb ma jfissirx li qed isir tifel ħażin. Ftakar, il-Bibbja tgħid: “Il-bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel.” (Proverbji 22:15) Xi tfal juru bluha bħaldin meta jigdbu, forsi jaħsbu li hu mod faċli biex jiġi evitat kastig. Mela, hu importanti kif int tirreaġixxi.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Ipprova agħraf għala ibnek qed jigdeb. Qed jibżaʼ minn xi kastig? Forsi ma jridx jiddiżappuntak? Jistaʼ ibnek jivvinta l-istejjer biex jimpressjona lil sħabu għax mhux matur biżżejjed biex jifhem id-differenza bejn ir-realtà u l-fantasija? Jekk tkun taf għala ibnek qed jigdeb, se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tikkoreġih.—Prinċipju Bibliku: 1 Korintin 13:11.

Kultant, uża stqarrijiet minflok mistoqsijiet. Fl-eżempju tal-introduzzjoni, l-omm, li diġà kienet taf il-fatti, kemxejn bl-aħrax staqsiet lil binha: “Kissirt il-vażun?” It-tifel gideb, forsi għax beżaʼ li ommu tirrabja miegħu. Imma, nagħmlu mod li l-omm minflok ma staqsiet mistoqsija li takkużah, sempliċement qalet: “Kissirt il-vażun!” Billi tuża stqarrija minflok mistoqsija, hi ma tħajjarx lit-tifel jigdeb—u tgħinu jidra jkun onest.—Prinċipju Bibliku: Kolossin 3:9.

Faħħar l-onestà. Min-natura tagħhom it-tfal jixtiequ jogħġbu lill-ġenituri, għalhekk ħu vantaġġ minn din l-inklinazzjoni. Uri lil ibnek li l-onestà hi importanti ħafna għall-familja tiegħek, u li għalhekk int tistenna li hu jgħid il-verità.—Prinċipju Bibliku: Ebrej 13:18.

Lil ibnek agħmilhielu ċara li l-gideb ikisser il-fiduċja u jistaʼ jieħu ż-żmien biex il-fiduċja terġaʼ tinbena ladarba tkun inkisret. Inkuraġġixxi mġiba tajba billi tfaħħru meta jgħid il-verità. Pereżempju, tistaʼ tgħid, “Nieħu pjaċir meta tkun onest.”

Agħti l-eżempju. Ovvjament, ma tistax tippretendi li ibnek jgħid il-verità jekk jismaʼ lilek tgħid affarijiet bħal “Għidlu li m’iniex id-dar” meta ma tridx tkellem lil xi ħadd fuq it-telefown jew “Se noqgħod id-dar illum għax ma niflaħx” meta fir-realtà tkun trid tirrilassa.—Prinċipju Bibliku: Ġakbu 3:17.

Uża l-Bibbja. Il-prinċipji tagħha u r-rakkonti li vera ġraw jippromwovu l-onestà. Il-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir, ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova, jistaʼ jgħinek iddaħħal prinċipji Bibliċi f’qalb ibnek. Kapitlu 22 hu intitolat “Għala M’Għandniex Nigdbu.” (Ara silta minnu fil-kaxxa “ Ktieb biex jgħin lil ibnek.”)

^ par. 4 Biex nissimplifikaw, f’dan l-artiklu qed insemmu tifel. Madankollu l-prinċipji diskussi japplikaw kemm għas-subien kif ukoll għall-bniet.

^ par. 11 Mill-ktieb No: Why Kids—of All Ages—Need to Hear It and Ways Parents Can Say It.