Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | X’SAR MINNHA D-DIXXIPLINA?

Dixxiplina li taħdem

Dixxiplina li taħdem

MA TISTAX tiċħad li t-trobbija tat-tfal hi xogħol iebes. Imma li żżomm lura d-dixxiplina meta jkun meħtieġ jagħmel il-biċċa tax-xogħol jerġaʼ iktar diffiċli. Għala? Għax mingħajr id-dixxiplina (1) it-tfal ikomplu jġibu ruħhom ħażin, u dan jgħejji lill-ġenituri, u (2) il-ġenituri jagħtu direzzjoni inkonsistenti, u dan iħawwad lit-tfal.

Mill-banda l-oħra, dixxiplina bilanċjata u li tingħata bl-imħabba tistaʼ tħarreġ il-ħsibijiet tat-tfal u ssawrilhom il-karattru morali tagħhom. Tgħin ukoll biex iħossuhom siguri huma u jikbru biex isiru adulti responsabbli. Imma minn fejn tistaʼ ssib gwida li tistaʼ toqgħod fuqha biex tiddixxiplina lil uliedek?

Il-valur taʼ prinċipji Bibliċi

Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista, ix-Xhieda taʼ Ġeħova, jemmnu li l-Bibbja “tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina,” bħalma tgħid hi stess. (2 Timotju 3:16) Il-Bibbja hi ħafna iżjed minn sempliċi ktieb fuq it-trobbija tat-tfal; il-prinċipji li fiha jipprovdu gwida realistika għall-familji. Ikkunsidra xi eżempji.

IL-BIBBJA TGĦID: “Il-bluha hi marbuta maʼ qalb taʼ tifel.”—Proverbji 22:15.

Għalkemm it-tfal jistgħu juru konsiderazzjoni u qalb tajba lejn ħaddieħor, huma inklinati li jagħmlu affarijiet banali wkoll. Għalhekk, it-tfal għandhom bżonn id-dixxiplina. (Proverbji 13:24) Li tagħraf dan il-fatt se jgħinek twettaq ir-responsabbiltà tiegħek bħala ġenitur.

IL-BIBBJA TGĦID: “Iżżommx lura d-dixxiplina minn tifel.”—Proverbji 23:13.

M’għandekx għalfejn tibżaʼ li dixxiplina bilanċjata se tagħmel ħsara lil uliedek jew iġġegħelhom jistmerruk iżjed tard fil-ħajja. Meta tingħata bl-imħabba, id-dixxiplina se tgħin lil uliedek jitgħallmu jaċċettaw il-korrezzjoni bl-umiltà—sengħa li se jkollhom bżonn anki bħala adulti.—Ebrej 12:11.

IL-BIBBJA TGĦID: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Galatin 6:7.

Il-ġenituri naturalment iridu jipproteġu lil uliedhom, u sew jagħmlu. Madankollu, għal darb’oħra hemm bżonn il-bilanċ. Ma tagħmlilhom l-ebda favur lil uliedek meta “ssalvahom” mill-konsegwenzi tal-iżbalji tagħhom jew billi tiddefendihom meta għalliem jew adult ieħor jiġbidlek l-attenzjoni lejn il-kondotta ħażina tagħhom. Minflok, qis lil dawn in-nies bħala ħbiebek. Meta tagħmel dan, tkun qed tgħallem lil ibnek jirrispetta l-awtorità—inkluż tiegħek.Kolossin 3:20.

IL-BIBBJA TGĦID: “Tifel mitluq għal riħu jkun taʼ mistħija għal ommu.”—Proverbji 29:15.

Uri mħabba, kun konsistenti, u kun raġunevoli

Filwaqt li l-ġenituri qatt m’għandhom ikunu abbużivi, għandhom jevitaw l-estrem l-ieħor—dak li jkunu permissivi. “Tfal taʼ ġenituri permissivi ma jagħrfux li l-adulti fid-dar huma dawk li jmexxu,” jgħid il-ktieb The Price of Privilege. Jekk ma turix li għandek l-awtorità int, ibnek għandu mnejn jassumi li qed jidderieġi hu. Mingħajr ma jrid, se jagħmel għażliet mhux għaqlin li se jikkaġunaw niket lilu —u lilek.—Proverbji 17:25; 29:21.

IL-BIBBJA TGĦID: “Raġel . . . jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed.”—Mattew 19:5.

Skont il-Bibbja, raġel u mara għandhom ikunu miżżewġin qabel ma l-omm tkun ħarġet tqila u għandhom ikunu għadhom flimkien wara li t-tfal ikunu kibru u telqu. (Mattew 19:5, 6) F’dan is-sens, int raġel (jew mara) miżżewweġ l-ewwel—u ġenitur it-tieni. Però, jekk dawn il-prijoritajiet jinqalbu, ibnek jistaʼ ‘jaħseb li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.’ (Rumani 12:3) Ukoll, familja “ffokata fuq it-tfal” iddgħajjef ir-relazzjoni taż-żwieġ.

Għajnuna għall-ġenituri

Sabiex twettaq il-mira tiegħek bħala ġenitur, id-dixxiplina tiegħek għandha żżomm maʼ dawn il-prinċipji.

Uri mħabba. “Iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.”—Kolossin 3:21.

Kun konsistenti. “Il-kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-Le, Le.”—Mattew 5:37.

Kun raġunevoli. “Nikkoreġik kemm ikun jistħoqqlok.”—Ġeremija 30:11. *

^ par. 21 Għal iżjed informazzjoni, żur jw.org/mt. Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-BIBBJA > KOPPJI U ĠENITURI.