Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

INTERVISTA | DR. GENE HWANG

Matematiku jispjega għala għandu fidi f’Alla

Matematiku jispjega għala għandu fidi f’Alla

Dr. Gene Hwang, li twieled fl-1950, f’Tainan, it-Tajwan, hu professur irtirat tal-matematika fin-National Chung Cheng University tat-Tajwan. Hu wkoll professur emeritu f’Cornell University, l-Istati Uniti tal-Amerika, fejn għallem u għamel riċerka dwar l-istatistika u l-probabbiltà. Għal ħafna snin, kien wieħed mill-iktar awtoritajiet tal-istatistika li x-xogħlijiet tiegħu ġew ippubblikati. Dan il-qasam għadu involut fih. Bħala raġel żagħżugħ, hu kien jemmen li l-ħajja bdiet permezz taʼ proċessi evoluzzjonarji. Imma iżjed tard biddel il-fehmtu. Stenbaħ! staqsieh dwar ix-xogħol u t-twemmin reliġjuż tiegħu.

X’tgħallimt bħala żagħżugħ?

L-iskola li kont nattendi kienet tgħallem it-teorija tal-evoluzzjoni, imma ħadd m’għallem kif bdiet il-ħajja nfisha. Meta l-ġenituri tiegħi saru Taoisti, kont noqgħod nismaʼ l-għalliema reliġjużi tagħhom u nistaqsihom ħafna mistoqsijiet. Imma ftit irċivejt tweġibiet li ssodisfawni.

Għala sirt matematiku?

Meta kont l-iskola primarja, affaxxinajt ruħi bil-matematika. Dan l-affaxxinar kompla meta mort l-università fejn kont nieħu pjaċir speċjalment b’korsijiet tal-matematika u l-probabbiltà. Għalija, prova matematika konċiża tistaʼ tkun kemm sabiħa u kemm eleganti.

Kif sirt interessat fil-Bibbja?

Fl-1978, marti, Jinghuei, bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova u kultant kont nieħu sehem fid-diskussjonijiet. Sa dak iż-żmien, konna ngħixu l-Istati Uniti. Jinghuei kienet għadha kif iggradwat fil-fiżika, u jien kont qed nistudja l-istatistika f’Purdue University, Indiana.

X’deherlek mill-Bibbja?

Bqajt impressjonat bir-rakkont tagħha taʼ kif l-art ġiet ippreparata għall-ħajja umana. Għalkemm huma f’lingwaġġ sempliċi, is-sitt perijodi tal-ħolqien deskritti fil-Ġenesi deher li kienu jaqblu mal-fatti—għall-kuntrarju tal-mitoloġiji antiki. * Minkejja dan, għal bosta snin, ma sirtx nemmen f’Ħallieq.

Għala kienet problema għalik?

Li nemmen f’Ħallieq kien ifisser li niċħad ir-reliġjon taʼ tfuliti

Is-sentimenti tiegħi kienu involuti. Li nemmen f’Ħallieq kien ifisser li niċħad ir-reliġjon taʼ tfuliti, għaliex it-Taoiżmu tradizzjonali ma jgħallimx li hemm Alla, jew Ħallieq.

Imma, iktar tard, il-ħarsa tiegħek inbidlet. Għala?

Iżjed ma ħsibt dwar l-oriġini tal-ħajja, iżjed sirt konvint li l-ewwel ħaġa ħajja bilfors li kellha tkun komplessa ħafna. Pereżempju, kellha tkun kapaċi tirriproduċi, u dan jirrikjedi informazzjoni ġenetika u mekkaniżmu biex din l-informazzjoni tiġi kkopjata bl-eżatt. Ukoll, anki l-iżjed ċellula ħajja sempliċi jkollha bżonn makkinarju molekulari biex tibni l-partijiet kollha taʼ ċellula ġdida, kif ukoll il-mezz biex tikkontrolla u tidderieġi l-enerġija. Kif jistgħu mekkaniżmi komplessi bħal dawn jingħaqdu b’kumbinazzjoni minn materja bla ħajja? Bħala matematiku, ma stajtx naċċetta dan ir-raġunar. Kif jistgħu proċessi li jiġu b’kumbinazzjoni jagħmlu dan?

X’kien li qanqlek teżamina iżjed mill-qrib it-tagħlim tax-Xhieda taʼ Ġeħova?

Kont bdejt nistudja max-Xhieda kemm-il darba. Imbagħad, fl-1995, waqt żjara fit-Tajwan, ħassejtni ma niflaħx u kelli bżonn l-għajnuna. Mill-Istati Uniti, marti kkuntattjat lix-Xhieda taʼ Ġeħova fit-Tajwan. Sabuni eżawrit ħdejn sptar fejn ma kienx hemm sodod disponibbli. Wieħed mix-Xhieda ħadni f’lukanda biex nistrieħ. Baqaʼ jiġi jittawwalli u mbagħad ħadni fi klinika għall-kura.

Il-fatt li ġenwinament interessa ruħu fija messli qalbi, u ħsibt fit-tul fuq kemm-il darba x-Xhieda taʼ Ġeħova wrew qalb tajba mal-familja tiegħi drabi oħra. It-twemmin tax-Xhieda għamilhom differenti. Għalhekk erġajt bdejt l-istudju tiegħi tal-Bibbja magħhom. Is-sena taʼ wara tgħammidt.

Il-fidi tiegħek tikkontradixxi l-istudji tiegħek?

Lanqas xejn! F’dawn l-aħħar snin ipprovdejt appoġġ matematiku lil xjentisti li jistudjaw il-funzjoni tal-ġenetika. L-istudju tal-ġenetika jipprovdi dehen fil-mekkaniżmi tal-ħajja—dehen li jimlieni bi stagħġib għall-għerf tal-Ħallieq.

Agħtina eżempju taʼ dan l-għerf.

Ikkunsidra r-riproduzzjoni. Xi organiżmi, bħall-ameba, m’għandhomx maskil u femminil. Dawn il-mikrobi taʼ ċellula waħda sempliċement jagħmlu kopja tal-informazzjoni ġenetika tagħhom u jinqasmu—proċess imsejjaħ riproduzzjoni mingħajr attività sesswali. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-annimali u l-pjanti jirriproduċu b’attività sesswali u b’hekk tingħaqad informazzjoni ġenetika tar-raġel maʼ dik tal-mara. Ir-riproduzzjoni b’attività sesswali għala hi rimarkevoli?

istema taʼ riproduzzjoni li fiha organiżmu wieħed sempliċement jinqasam u jsir tnejn—u dan sar b’riżultati eċċellenti għal ħafna żmien—għala għandha tiżviluppa f’sistema li fiha żewġ affarijiet jingħaqdu biex isiru ħaġa waħda? Il-mekkaniżmi bżonjużi biex tittieħed nofs l-informazzjoni ġenetika mir-raġel u n-nofs l-ieħor mill-mara u jingħaqdu huma immensament komplikati, u dan jippreżenta problema enormi lill-bijologi evoluzzjonarji. Fil-fehma tiegħi, ir-riproduzzjoni bbażata fuq il-maskil u l-femminil tipponta bla dubju taʼ xejn lejn moħħ Alla.

^ par. 11 Għal iżjed informazzjoni dwar il-perijodi tal-ħolqien, ara l-browxer Was Life Created? ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu disponibbli onlajn fuq www.pr418.com.