Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Għala Ma Jismax it-Talb Kollu?

Alla Għala Ma Jismax it-Talb Kollu?

Missierna tas-​sema, Alla Ġeħova, irid u jieħu pjaċir jismaʼ t-​talb sinċier tagħna. Imma hemm affarijiet li jżommuh milli jwieġeb it-​talb tagħna. X’inhuma dawn l-​affarijiet u xi rridu nżommu f’moħħna meta nitolbu? Dawn li ġejjin huma xi prinċipji mill-​Bibbja.

“Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-​istess ħaġa.”—Mattew 6:7.

Ġeħova ma jridniex nirrepetu talb bl-​amment jew naqrawh minn xi ktieb tat-​talb. Minflok, iridna nitkellmu mill-​qalb. Immaġina kemm ikun taʼ dwejjaq kieku ħabib dejjem jgħidlek l-​istess ħaġa darba wara l-​oħra. Ħbieb veri jitkellmu mill-​qalb u b’mod sinċier. Meta nitolbu fi kliemna, inkunu qed ngħidu xi ħaġa personali lil Missierna tas-​sema.

“Titolbu, iżda ma taqilgħux, għax qegħdin titolbu għal skop ħażin.”—Ġakbu 4:3.

Aħna żgur li ma nistennewx li Alla jwieġeb it-​talb tagħna kieku kellna nitolbuh għal affarijiet li hu ma jridx li nagħmlu jew ikollna. Pereżempju, jekk xi ħadd jilgħab għall-​flus u jitlob lil Alla biex jgħinu jirbaħ, Ġeħova se jwieġeb dik it-​talba? Hu qalilna b’mod ċar biex ma nkunux egoisti u biex ma nemmnux fis-​superstizzjoni, bħax-​xorti. (Isaija 65:11; Luqa 12:15) Aħna żgur li ma nistennewx li Ġeħova jwieġeb talb bħal dan. Biex Alla jwieġeb it-​talb tagħna, irridu nkunu ċerti li t-​talb jaqbel maʼ dak li jgħidilna fil-​Bibbja.

“Min idawwar widintu biex ma jismax il-​liġi—anki t-​talba tiegħu hi xi ħaġa mistkerrha.”—Proverbji 28:9.

Fiż-​żminijiet Bibliċi, Alla ma weġibx lil dawk li ma obdewx il-​liġijiet ġusti tiegħu. (Isaija 1:15, 16) Alla ma nbidilx. (Malakija 3:6) Jekk irridu li Alla jwieġeb it-​talb tagħna, għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nobdu l-​liġijiet tiegħu. Imma xi ngħidu jekk għamilna xi affarijiet ħżiena fil-​passat? Ifisser dan li Ġeħova qatt mhu se jismagħna? Dażgur li le! Alla bi mħabba se jaħfrilna jekk nuruh li jiddispjaċina għall-​ħażin li għamilna u jekk nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nogħġbuh.—Atti 3:19.