KIF TISTAʼ TWAQQAF IĊ-ĊIKLU TAL-MIBEGĦDA
2 | Tpattihiex Lura
X’Tgħallem il-Bibbja:
“Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. . . . Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha. . . . Tivvendikawx ruħkom, . . . għax hu miktub: ‘“Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’”—RUMANI 12:17-19.
Xi Jfisser:
Huwa normali li nħossuna rrabjati meta xi ħadd jagħmlilna xi ħaġa ħażina. Imma Alla ma jridniex inpattuha. Minflok hu jgħidilna biex inkunu paċenzjużi għax iwegħedna li dalwaqt se jneħħi kull inġustizzja.—Salm 37:7, 10.
X’Tistaʼ Tagħmel:
Aħna imperfetti u meta npattuha se jkun hemm iżjed mibegħda. Għalhekk, jekk xi ħadd offendiek jew weġġgħek, tpattihiex lura. Ipprova kkontrolla kif tħossok u wieġeb lura b’mod li żżomm il-paċi. Xi drabi jkun aħjar għalik stess li tinsa x’ġara. (Proverbji 19:11) Imma xi drabi oħra jkun aħjar li tagħmel xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni. Pereżempju, jekk int il-vittma, tistaʼ tagħżel li tirrapporta lill-pulizija jew lil awtoritajiet oħrajn.
Il-mibegħda se ġġib iżjed problemi
Xi ngħidu jekk ma tistax issolvi l-problema u fl-istess ħin iżżomm il-paċi? Jew jekk diġà għamilt dak kollu li stajt biex issolvi l-problema bil-paċi? Tpattihiex billi tieħu l-affarijiet f’idejk. Inkella, l-affarijiet jaf imorru għall-agħar. Meta ma tpattihiex, tkun qed twaqqaf il-mibegħda. Maż-żmien se tara li l-aħjar mod kif issolvi l-problemi huwa kif jgħid Alla. “Strieħ fuqu, u hu jaġixxi.”—Salm 37:3-5.