1 | It-Talb—Itfaʼ l-Anzjetà Kollha Tiegħek Fuq Alla
IL-BIBBJA TGĦID: ‘Itfgħu l-ansjetà kollha tagħkom fuq Alla, għax hu jimpurtah minnkom.’ —1 PIETRU 5:7.
Dan Xi Jfisser?
Alla Ġeħova jixtieqna nkellmuh fuq kull ħaġa li tinkwetana. (Salm 55:22) M’hemmx problema li ma tistax titlob dwarha. Jekk hi importanti għalik, hi importanti għal Ġeħova, għax hu jimpurtah minnek u minn kif tħossok. It-talb huwa importanti biex nirċievu l-paċi t’Alla u nħossuna aħjar.—Filippin 4:6, 7.
Dan Kif Jistaʼ Jgħinna?
Meta nbatu b’saħħa mentali, jaf inħossuna weħidna. Oħrajn mhux dejjem jifhmu eżatt minn xiex għaddejjin. (Proverbji 14:10) Imma Alla bi mħabba dejjem jismagħna u jifhimna. Ġeħova jara minn xiex għaddejjin, iħoss l-uġigħ u t-tbatija tagħna, u jridna ngħidulu dak kollu li jinkwetana.—2 Kronaki 6:29, 30.
Iktar ma nkellmu lil Ġeħova fit-talb, iktar se nkunu ċerti li hu jimpurtah minna. Aħna se nħossuna kif ħassu s-salmista meta talab: “Int rajt it-tbatija tiegħi; int konxju tad-dwejjaq kbar li għandi.” (Salm 31:7) Il-fatt li Ġeħova jinnota minn xiex għaddejjin, jagħtina s-saħħa biex ma naqtgħux qalbna fi żmien diffiċli. Hu ma jinnotax biss id-dwejjaq tagħna. Imma hu l-aktar wieħed li jifhem minn xiex għaddejjin u permezz tal-Bibbja jgħinna u jinkuraġġina.