Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Agħżel li Tappoġġja s-Saltna t’Alla Issa!

Agħżel li Tappoġġja s-Saltna t’Alla Issa!

Immaġina li riesaq uragan lejn il-​post fejn toqgħod int. Il-​gvern qed iwissi b’mod urġenti: “SIBU POST TAʼ REFUĠJU ISSA!” Xi jkun għaqli li tagħmel? Żgur li tmur tfittex post fejn tistkenn.

B’mod simili, ilkoll kemm aħna dalwaqt se niffaċċjaw “maltempata kbira,” li Ġesù sejħilha “tribulazzjoni kbira.” (Mattew 24:21) Ma nistgħu mmorru mkien biex nevitaw din it-​tribulazzjoni. Imma hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu biex nipproteġu lilna infusna. X’inhi?

Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù Kristu qal: “Ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna [t’Alla] u s-​sewwa tiegħu.” (Mattew 6:33) Kif nistgħu nagħmlu dan?

Fittex l-​ewwel is-​Saltna t’Alla. Dan ifisser li s-​Saltna t’Alla għandha tkun iktar importanti għalina minn kwalunkwe ħaġa oħra. (Mattew 6:25, 32, 33) Għala? Għax il-​bnedmin ma jistgħu jagħmlu xejn biex isolvu l-​problemi tan-​nies. Is-​Saltna t’Alla biss tistaʼ tagħmel din il-​biċċa xogħol diffiċli.

Fittex is-​sewwa tiegħu. Għandna nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħixu skont il-​liġijiet u l-​prinċipji ġusti t’Alla. Għala? Għax jekk niddeċiedu għalina nfusna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, se nieħdu deċiżjonijiet ħżiena u mbagħad ikollna riżultati ħżiena. (Proverbji 16:25) Mill-​banda l-​oħra, jekk ngħixu skont il-​livelli t’Alla, mhux biss nogħġbu lil Alla, imma jkollna ħajja aħjar.—Isaija 48:17, 18.

Ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​Saltna t’Alla u s-​sewwa tiegħu. Ġesù wissa li xi wħud jistgħu jiġu aljenati għax jaħsbu li biex jgħixu fis-​sigurtà għandhom jaqilgħu ħafna flus. Oħrajn tant jużaw ħin u enerġija biex isolvu l-​problemi taʼ kuljum, li ma jkollhomx ċans ifittxu s-​Saltna t’Alla.—Mattew 6:19-​21, 25-​32.

Madankollu, Ġesù wiegħed li dawk li jappoġġjaw is-​Saltna t’Alla se jkollhom dak li għandhom bżonn issa, u se jgawdu ħafna barkiet fil-​futur.—Mattew 6:33.

Għalkemm id-​dixxipli taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu kienu jfittxu l-​ewwel is-​Saltna t’Alla u s-​sewwa tiegħu, fi żmienhom ma rawx l-​uġigħ jew it-​tbatija jispiċċaw. Imma xorta kienu protetti. Kif?

Huma għexu skont il-​livelli ġusti t’Alla, u dan ipproteġiehom minn diffikultajiet li għaddew minnhom dawk li ma tawx kas x’qal Alla. Peress li kellhom fidi b’saħħitha li kienet se tiġi s-​Saltna t’Alla, huma setgħu jissaportu anki l-​iktar problemi diffiċli. U Alla tahom “qawwa iktar min-​normal” biex ikunu jistgħu jkampaw.—2 Korintin 4:7-​9.

INT SE TFITTEX L-​EWWEL IS-​SALTNA T’ALLA?

Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu obdew il-​kmand li tahom Ġesù biex ifittxu s-​Saltna l-​ewwel. Huma ppritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna fil-​parti tad-​dinja fejn kienu jgħixu huma. (Kolossin 1:23) Illum, hemm xi ħadd li qed jagħmel dan?

Iva! Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrealizzaw li din is-​sistema dalwaqt se tispiċċa. Allura, huma jużaw l-​enerġija tagħhom biex jagħmlu x-​xogħol li ddeskriva Ġesù: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mattew 24:14.

Kif se tirreaġixxi għall-​aħbar tajba? Aħna nħeġġuk timita lil dawk tal-​ewwel seklu li kienu joqogħdu fil-​belt taʼ Berea, il-​Maċedonja. Meta semgħu l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna mingħand l-​appostlu Pawlu, huma aċċettaw il-​messaġġ tiegħu “bl-​akbar ħeġġa.” Imbagħad, biex ikunu ċerti li dak li semgħu kien veru, ‘eżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura’ u aġixxew fuq dak li tgħallmu.—Atti 17:11, 12.

Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Jekk tfittex l-​ewwel is-​Saltna t’Alla u s-​sewwa tiegħu, se jkollok protezzjoni issa, u fil-​futur se tgawdi paċi u sigurtà għal dejjem.