Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Ħobbu . . . bl-għemil u l-verità’

‘Ħobbu . . . bl-għemil u l-verità’

“Ħa ma nħobbu la bil-​kliem u lanqas bl-​ilsien, imma bl-​għemil u l-​verità.”—1 ĠWANNI 3:18.

GĦANJIET: 72, 124

1. X’inhi l-​ogħla forma taʼ mħabba, u kif tiddeskriviha? (Ara l-​ewwel stampa.)

ĠEĦOVA hu s-​Sors tal-​imħabba. (1 Ġwanni 4:7) L-​ogħla forma taʼ mħabba hi bbażata fuq prinċipji tajbin. Fil-​Bibbja, din it-​tip taʼ mħabba hi deskritta bil-​kelma Griega agape. Din l-​imħabba tistaʼ tinkludi affezzjoni u sentimenti teneri għal xi ħadd, imma tinvolvi iktar minn sempliċi sentimenti. Din tintwera b’azzjonijiet mhux egoistiċi għall-​benefiċċju t’oħrajn. Hija mħabba li timmotivana nagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor. Din it-​tip taʼ mħabba tagħtina ferħ u skop fil-​ħajja.

2, 3. Ġeħova kif wera mħabba bla egoiżmu għall-​bnedmin?

2 Ġeħova wera li jħobb lill-​bniedem saħansitra qabel ħalaq lil Adam u Eva. Hu għamel l-​art b’tali mod li jkollha dak kollu li l-​bniedem kien se jkollu bżonn biex jgħix. Iżjed minn hekk, hu għamilha bħal dar fejn verament inkunu nistgħu ngawdu l-​ħajja. Ġeħova m’għamilx dan għalih innifsu. Hu għamel kollox għalina. Ladarba d-​dar tagħna kienet lesta, hu ħalaq il-​bnedmin u tahom it-​tama li jgħixu għal dejjem f’art magħmula ġenna.

3 Iktar tard, Ġeħova esprima l-​imħabba bla egoiżmu tiegħu għall-​bnedmin bl-​aqwa mod possibbli. Għalkemm Adam u Eva kienu rribellaw, Ġeħova tant kien ċert li wħud mid-​dixxendenti tagħhom kienu se jħobbuh li għamel arranġament għas-​sagrifiċċju taʼ fidwa t’Ibnu biex isalvahom. (Ġenesi 3:15; 1 Ġwanni 4:10) Minn dak il-​waqt li Ġeħova wiegħed il-​fidwa, kien bħallikieku dak is-​sagrifiċċju kien diġà sar. Imbagħad, 4,000 sena wara, Ġeħova ta lill-​Iben uniġenitu tiegħu għall-​bnedmin. (Ġwanni 3:16) Kemm aħna grati għall-​imħabba taʼ Ġeħova!

Uri mħabba, saħansitra meta ma jkunx faċli li tagħmel dan

4. Kif nafu li bnedmin imperfetti jistgħu juru mħabba bla egoiżmu?

4 Nistgħu aħna nuru mħabba bla egoiżmu għalkemm imperfetti? Iva, nistgħu. Ġeħova ħalaqna fix-​xbieha tiegħu, jiġifieri, bl-​abbiltà li nimitawh. Mhux dejjem faċli nuru mħabba bla egoiżmu, iżda hu possibbli. Abel wera mħabba għal Alla meta mingħajr egoiżmu offra l-​aħjar taʼ dak li kellu. (Ġenesi 4:3, 4) Noè wera mħabba bla egoiżmu meta kompla jipprietka l-​messaġġ t’Alla għal ħafna snin avolja n-​nies ma semgħux. (2 Pietru 2:5) U Abraham wera li mħabbtu għal Alla kienet b’saħħitha iżjed minn kull ħaġa oħra billi kien lest li jissagrifika lill-​iben maħbub tiegħu Iżakk. (Ġakbu 2:21) L-​istess bħal dawn l-​irġiel leali, aħna wkoll irridu nuru mħabba, saħansitra meta ma jkunx faċli li nagħmlu dan.

IMĦABBA ĠENWINA—X’INHI?

5. B’liema modi nistgħu nuru mħabba ġenwina?

5 Il-​Bibbja tgħidilna li aħna nuru mħabba ġenwina “la bil-​kliem u lanqas bl-​ilsien, imma bl-​għemil u l-​verità.” (1 Ġwanni 3:18) Ifisser dan li ma nistgħux nesprimu l-​imħabba b’dak li ngħidu? Le. (1 Tessalonikin 4:18) Ifisser li mhux dejjem ikun biżżejjed li sempliċement ngħidu “nħobbok.” Għandna bżonn nuru dan bil-​fatti. Pereżempju, jekk ħutna ma jkollhomx biżżejjed ikel jew ilbies, ikollhom bżonn iżjed minn sempliċement kliem ħelu. (Ġakbu 2:15, 16) B’mod simili, peress li nħobbu lil Ġeħova u l-​proxxmu tagħna, aħna mhux biss nitolbu biex iktar nies jippritkaw magħna imma wkoll naħdmu iebes fix-​xogħol tal-​ippritkar aħna stess.—Mattew 9:38.

6, 7. (a) X’inhi “l-​imħabba ħielsa mill-​ipokrisija”? (b) Semmi xi eżempji taʼ mħabba li mhix ġenwina.

6 L-​appostlu Ġwanni qal li għandna nħobbu “bl-​għemil u l-​verità.” Allura mħabbitna għandha tkun “mingħajr ipokrisija,” jew “ħielsa mill-​ipokrisija.” (Rumani 12:9; 2 Korintin 6:6) Kultant xi ħadd għandu mnejn jagħmel tabirruħu li juri mħabba. Imma hija vera u sinċiera mħabbtu? X’inhuma l-​mottivi tiegħu? L-​imħabba u l-​ipokresija ma joqogħdux flimkien. Imħabba li ma tkunx ġenwina ma tiswa xejn.

7 Ejja nikkunsidraw xi eżempji taʼ mħabba mhix ġenwina. Meta Satana kellem lil Eva fil-​ġnien tal-​Għeden, dak li qal instemaʼ bħallikieku hu xtaqilha l-​ġid. Iżda l-​azzjonijiet tiegħu wrew li dan ma kienx minnu. (Ġenesi 3:4, 5) Meta David kien sultan, kellu ħabib jismu Aħitofel. Imma Aħitofel ittradixxa lil David biex jibbenefika hu stess. L-​azzjonijiet tiegħu wrew li ma kienx ħabib veru. (2 Samwel 15:31) Illum, apostati u oħrajn li joħolqu firdiet fil-​kongregazzjoni jużaw “kliem melliesi u diskors kumplimentuż.” (Rumani 16:17, 18) Huma jistgħu jagħmlu tabirruħhom li jimpurtahom minn oħrajn, imma fir-​realtà jkunu egoisti.

8. X’mistoqsija għandna nistaqsu lilna nfusna?

8 Imħabba mhix ġenwina hi speċjalment taʼ mistħija għax tintuża biex tqarraq bin-​nies. Aħna forsi jirnexxilna nidħqu bin-​nies, imma ma nistgħux nidħqu b’Ġeħova. Ġesù qal li dawk li jaġixxu bħall-​ipokriti se jiġu kkastigati “bl-​akbar ħruxija.” (Mattew 24:51) Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, qatt ma rridu nuru wiċċ b’ieħor. Allura għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Hi l-​imħabba tiegħi ġenwina jew jien egoist u diżonest?’ Ejja nikkunsidraw disaʼ modi kif aħna nistgħu nuru mħabba li hi “ħielsa mill-​ipokrisija.”

KIF NISTGĦU NĦOBBU “BL-​GĦEMIL U L-​VERITÀ”

9. Imħabba ġenwina x’se timmotivana nagħmlu?

9 Kun ferħan li tgħin anke jekk ħadd ma jinnota x’tagħmel. Aħna għandna nkunu lesti li nagħmlu affarijiet bi mħabba u qalb tajba għal oħrajn, affarijiet li ħadd qatt mhu se jkun jaf li għamilniehom. (Aqra Mattew 6:1-​4.) Ananija u Safira kellhom attitudni differenti. Meta taw donazzjoni, huma riedu li oħrajn ikunu jafu dwarha. Huma gidbu dwar l-​ammont li taw, u ġew ikkastigati għall-​ipokresija tagħhom. (Atti 5:1-​10) Imma jekk verament inħobbu lil ħutna, se nkunu ferħanin li nagħmlu affarijiet b’qalb tajba għalihom mingħajr ma nkunu rridu li ħaddieħor ikun jaf x’għamilna. Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​aħwa rġiel li jgħinu lill-​Ġemgħa li Tiggverna biex jiġi ppreparat l-​ikel spiritwali. Huma ma jiġbdux attenzjoni lejhom infushom, u ma jgħidux lil oħrajn fuq liema proġetti ħadmu.

Kun ferħan li tgħin anke jekk ħadd ma jinnota x’tagħmel

10. Kif nistgħu nonoraw lil oħrajn?

10 Onora lil oħrajn. (Aqra Rumani 12:10.) Ġesù onora lill-​appostli tiegħu meta ħaslilhom saqajhom. (Ġwanni 13:3-​5, 12-​15) Aħna għandna naħdmu iebes biex insiru umli bħal Ġesù u naqdu lil oħrajn. Kien biss meta l-​appostli rċivew l-​ispirtu qaddis li huma fehmu għalkollox dak li Ġesù kien għamel. (Ġwanni 13:7) Aħna nonoraw lil oħrajn billi ma naħsbux li aħna aħjar minnhom minħabba li għandna iżjed edukazzjoni, aħna iktar sinjuri, jew għandna inkarigi speċjali. (Rumani 12:3) Ma ngħirux meta oħrajn jiġu mfaħħrin, imma nifirħu magħhom anke jekk inħossu li kellna niġu mfaħħrin xi ftit aħna wkoll.

11. It-​tifħir li nagħtu għala għandu jkun sinċier?

11 Faħħar sinċerament. Fittex opportunitajiet biex tfaħħar lil oħrajn. Ilkoll nafu li t-​tifħir huwa “tajjeb biex jibni” wieħed lil ieħor. (Efesin 4:29) Imma rridu nkunu ċerti li dak li ngħidu jkun sinċier u ma ngħiduhx sempliċement biex infaħħru żżejjed lil oħrajn. M’għandniex ngħidu xi ħaġa li ma tiġix mill-​qalb jew naħarbu mir-​responsabbiltà li nagħtu parir meħtieġ. (Proverbji 29:5) Inkunu ipokriti jekk infaħħru lil oħrajn u mbagħad iktar tard nikkritikawhom minn wara daharhom. L-​imħabba tal-​appostlu Pawlu kienet ġenwina. Meta kiteb lill-​Kristjani f’Korintu, hu faħħarhom għat-​tajjeb li kienu qed jagħmlu. (1 Korintin 11:2) Iżda meta kellhom bżonn jiġu kkoreġuti, hu spjegalhom ir-​raġuni b’qalb tajba u b’mod ċar.—1 Korintin 11:20-​22.

Aħna nuru l-imħabba u l-ospitalità tagħna billi ngħinu lil ħutna meta jkollhom bżonn (Ara paragrafu 12)

12. Kif nistgħu nuru mħabba ġenwina meta nkunu ospitabbli?

12 Kun ospitabbli. Ġeħova jikkmandana nkunu ġenerużi maʼ ħutna. (Aqra l-​1 Ġwanni 3:17.) Imma għandu jkollna l-​mottiv it-​tajjeb meta nkunu ospitabbli. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien nistieden f’dari lill-​ħbieb tal-​qalb biss jew lil dawk biss li nqishom importanti fil-​kongregazzjoni? Nistieden biss lil dawk in-​nies li naħseb li mbagħad se jagħmlu xi ħaġa għalija? Jew inkella jien ġeneruż m’aħwa li ma nafhomx sew jew li ma jistgħux jagħmlu xi ħaġa għalija?’ (Luqa 14:12-​14) Immaġina dawn is-​sitwazzjonijiet: Xi ngħidu jekk ħu jkollu bżonn l-​għajnuna minħabba xi deċiżjonijiet mhux għaqlin li jkun ħa? Jew xi ngħidu jekk xi ħadd li stidinna f’darna qatt ma rringrazzjana? Ġeħova jgħidilna: “Uru l-​ospitalità maʼ xulxin mingħajr tgergir.” (1 Pietru 4:9) Aħna se nkunu ferħanin meta nagħtu bil-​mottiv it-​tajjeb.—Atti 20:35.

13. (a) Meta għandu mnejn neħtieġu iktar paċenzja mad-​dgħajfin? (b) X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lid-​dgħajfin?

13 Għin lid-​dgħajfin. Il-​kmand li nsibu fil-​Bibbja biex ‘inwieżnu lid-​dgħajfin [u] nuru sabar fit-​tul lejn kulħaddʼ jistaʼ juri jekk imħabbitna hix ġenwina. (1 Tessalonikin 5:14) Ħafna aħwa li kienu dgħajfin saru b’saħħithom fil-​fidi iktar tard. Iżda oħrajn jibqaʼ jkollhom bżonn jiġu murijin sabar fit-​tul, jew paċenzja, u għajnuna bi mħabba. Kif nistgħu ngħinuhom? Aħna nistgħu nużaw il-​Bibbja biex ninkuraġġuhom, nistgħu nistidnuhom jaħdmu magħna fil-​ministeru, jew nistgħu sempliċement nisimgħuhom. Ukoll, m’għandniex naħsbu dwar ħutna bħala li huma biss “b’saħħithom” jew “dgħajfin.” Minflok, għandna nirrealizzaw li lkoll għandna aspetti li fihom aħna b’saħħitna u oħrajn fejn aħna dgħajfin. Anke l-​appostlu Pawlu ammetta li kellu dgħufijiet. (2 Korintin 12:9, 10) Ilkoll kemm aħna neħtieġu l-​għajnuna u l-​inkuraġġiment minn xulxin.

14. X’għandna nkunu lesti li nagħmlu sabiex inżommu l-​paċi maʼ ħutna?

14 Żomm il-​paċi. Il-​paċi fost l-​aħwa hija prezzjuża ferm. Anke jekk inħossu li ġejna mifhumin ħażin jew trattati inġustament, għandna nagħmlu kulma nistgħu biex nagħmlu paċi. (Aqra Rumani 12:17, 18.) Jekk weġġajna s-​sentimenti taʼ xi ħadd, sempliċement ikollna bżonn nitolbu skuża. Imma għandna nkunu sinċieri. Pereżempju, minflok ma ngħidu, “Jiddispjaċini li tħossok b’dan il-​mod,” ikun aħjar li nammettu l-​ħtija tagħna billi ngħidu, “Jiddispjaċini li weġġajtek b’dak li għedt.” Il-​paċi hi speċjalment importanti fiż-​żwieġ. Ikun ħażin li raġel u mara miżżewġin jaġixxu bħallikieku jħobbu lil xulxin quddiem oħrajn filwaqt li jirrifjutaw li jkellmu lil xulxin fil-​privat, jgħidu affarijiet li jweġġgħu lil xulxin, jew saħansitra jkunu vjolenti.

15. Kif nistgħu nuru li l-​maħfra tagħna tkun ġenwina?

15 Aħfer mill-​qalb. Jekk xi ħadd iweġġagħna, aħna naħfrulu u neħilsu mis-​sentimenti mweġġgħin tagħna. Għandna nagħmlu dan anke jekk ma jirrealizzax li weġġagħna. Aħna naħfru mill-​qalb billi ‘nissaportu lil xulxin bl-​imħabba, u nagħmlu ħilitna biex bil-​ħeġġa kollha nħarsu l-​unità taʼ l-​ispirtu fir-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.’ (Efesin 4:2, 3) Sabiex naħfru ġenwinament, m’għandniex nibqgħu naħsbu dwar dak li għamlet il-​persuna. L-​imħabba “ma żżommx kont tal-​ħsara.” (1 Korintin 13:4, 5) Fil-​fatt, jekk inżommu f’qalbna kontra xi ħadd, nistgħu nagħmlu l-​ħsara lir-​relazzjoni tagħna maʼ ħuna jew oħtna kif ukoll maʼ Ġeħova. (Mattew 6:14, 15) Aħna nuru li l-​maħfra tagħna tkun sinċiera meta nitolbu għall-​persuna li weġġgħetna.—Luqa 6:27, 28.

16. Kif għandna nħossuna dwar inkarigi speċjali fis-​servizz taʼ Ġeħova?

16 Ċedi vantaġġi personali. Meta ningħataw inkarigu speċjali fis-​servizz taʼ Ġeħova, nistgħu nuru li mħabbitna hi ġenwina billi ma ‘nfittxux dak li jaqbel lilna, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.’ (1 Korintin 10:24) Pereżempju, fl-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tagħna, l-​attendants jidħlu fis-​sala qabel oħrajn u tistaʼ tiġihom it-​tentazzjoni biex jerfgħu l-​aħjar postijiet għalihom u għal familthom. Minflok, ħafna minnhom jagħżlu postijiet li ma jkunux jippreferu fis-​sezzjoni assenjata lilhom. Billi jagħmlu dan ikunu qed juru mħabba bla egoiżmu. Kif tistaʼ timita l-​eżempju tajjeb tagħhom?

17. Jekk Kristjan jagħmel dnub serju, x’se timmotivah jagħmel imħabba ġenwina?

17 Stqarr dnubiet moħbijin u tibqax tagħmilhom. Xi Kristjani li għamlu dnub serju pprovaw iżommuh moħbi. Huma forsi jistħu jew ma jridux jiddiżappuntaw lil oħrajn. (Proverbji 28:13) Iżda meta midneb jaħbi dnub ma jkunx qed juri mħabba għax dan ikun taʼ ħsara kemm għalih kif ukoll għal oħrajn. Kif? Ġeħova għandu mnejn ma jkomplix ibierek lill-​kongregazzjoni bl-​ispirtu qaddis tiegħu, u l-​kongregazzjoni ma jkollhiex paċi. (Efesin 4:30) Allura jekk Kristjan jagħmel dnub serju, imħabba ġenwina se timmotivah ikellem lill-​anzjani u jikseb l-​għajnuna li għandu bżonn.—Ġakbu 5:14, 15.

18. Kemm hi importanti l-​imħabba ġenwina?

18 Fost il-​kwalitajiet kollha, l-​imħabba hija l-​ikbar waħda. (1 Korintin 13:13) Din tgħin lin-​nies jaraw min huma s-​segwaċi veri taʼ Ġesù u min tassew jimita lil Ġeħova, is-​Sors tal-​imħabba. (Efesin 5:1, 2) Pawlu qal li kieku ma kellux l-​imħabba, ma kien ikun xejn. (1 Korintin 13:2) Jalla kull wieħed u waħda minna jkompli juri mħabbtu, mhux biss “bil-​kliem” imma wkoll “bl-​għemil u l-​verità.”