Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Il-barkiet jiġu milli nagħmlu dak li jitlob minna Ġeħova

Il-barkiet jiġu milli nagħmlu dak li jitlob minna Ġeħova

Jien u żewġi, flimkien maʼ ħija u martu, ġejna offruti inkarigu speċjali. Bla telf taʼ żmien għedna, “Aħna lesti li nagħmluh!” Għala aċċettajna dan l-​inkarigu, u Ġeħova kif berikna? L-​ewwel, ħa ngħidilkom ftit dwari u dwar il-​familja tiegħi.

TWELIDT fl-​1923 f’Hemsworth, belt f’Yorkshire, l-​Ingilterra. Kelli ħija ikbar minni jismu Bob. Meta kelli disaʼ snin, missierna ġab xi kotba li spjegaw kif ir-​reliġjon falza qarrqet bin-​nies. Missieri kien impressjonat ħafna b’dak li qara. Ma kienx jogħġbu l-​fatt li l-​mexxejja reliġjużi jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra. Ftit tas-​snin wara, Bob Atkinson ġie d-​dar tagħna u semmgħalna waħda mit-​taħditiet rekordjati taʼ Ħuna Rutherford. Irrealizzajna li din it-​taħdita kienet mill-​istess grupp li ppubblika l-​kotba li kien qara missieri. Il-​ġenituri tiegħi stiednu lil Ħuna Atkinson biex jibda jiġi jiekol magħna kull filgħaxija u jwiġbilna l-​ħafna mistoqsijiet li kien ikollna dwar il-​Bibbja. Hu stidinna biex nattendu l-​laqgħat f’dar taʼ ħu ftit kilometri ’l bogħod. Bdejna nattendu regolarment, u fformat kongregazzjoni żgħira f’Hemsworth. Wara ftit bdew jiġu joqogħdu għandna qaddejja taż-​żona (issa msejħin indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet) u konna nistiednu pijunieri minn kongregazzjonijiet fil-​viċin biex jieklu magħna. Dawn l-​aħwa vera ħallew impatt pożittiv fuqi.

Dak iż-​żmien, familti kienet fetħet negozju. Imma missieri qal lil ħija, “Jekk tixtieq tkun pijunier, neħilsu minnu.” Bob qabel, u telaq mid-​dar biex jagħmel ix-​xogħol taʼ pijunier meta kellu 21 sena. Sentejn wara, meta kelli 16-​il sena, anki jien bdejt naqdi bħala pijuniera. Fi tmiem il-​ġimgħa kont naħdem m’oħrajn, imma matul il-​ġimgħa ġeneralment kont naħdem waħdi. Kont nuża fonografu u kard tat-​testimonjanza, li kienet kard żgħira b’messaġġ Bibliku qasir u sempliċi fuqha. Ġeħova berikni bi studenta tal-​Bibbja li għamlet progress kbir. Ħafna mill-​familja tagħha eventwalment ġew fil-​verità. Is-​sena taʼ wara, ġejt maħtura bħala pijuniera speċjali, flimkien maʼ Mary Henshall. Intbgħatna f’territorju mhux assenjat f’Cheshire.

Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, in-​nisa kellhom jagħmlu xogħol li jappoġġja l-​gwerra. Ministri reliġjużi oħra kienu ħielsa milli jmorru għall-​gwerra, allura aħna ħsibna li bħala pijunieri speċjali konna se nkunu ħielsa wkoll. Imma l-​qrati ma qablux, u ġejt sentenzjata 31 ġurnata l-​ħabs. Is-​sena taʼ wara, meta għalaqt 19-​il sena, kelli nerġaʼ mmur darbtejn il-​qorti għax il-​kuxjenza xorta ma tatnix li nappoġġja l-​gwerra. Madankollu, fid-​darbtejn li huma l-​awtoritajiet ma bagħtunix il-​ħabs. Matul din l-​esperjenza kollha, kont naf li l-​ispirtu qaddis kien qed jgħinni u li Ġeħova kien qed jissodani u jsaħħaħni.—Isaija 41:10, 13.

NILTAQAʼ MAL-​ĦU LI KIEN SE JSIR ŻEWĠI

Jien u Arthur Matthews iltqajna fl-​1946. Arthur kien għadu kif għamel tliet xhur il-​ħabs minħabba li rrifjuta li jmur għall-​gwerra. Hekk kif inħeles, hu ngħaqad maʼ ħuh Dennis, pijunier speċjali, f’Hemsworth. Missierhom kien għallimhom dwar Ġeħova minn mindu kienu żgħar ħafna, u tgħammdu meta kienu adoloxxenti. Ftit wara li bdew jaqdu bħala pijunieri flimkien, Dennis ġie assenjat biex jaqdi fl-​Irlanda. Għalhekk, Arthur spiċċa waħdu. Il-​ġenituri tiegħi kienu impressjonati b’kif dal-​pijunier bieżel kien iġib ruħu. B’hekk offrewlu li jgħix magħhom. Meta kont inżurhom, jien u Arthur konna naħslu l-​platti flimkien wara l-​ikel. Eventwalment bdejna nibagħtu l-​ittri lil xulxin. Matul l-​1948, Arthur kellu jmur il-​ħabs għal tliet xhur oħra. Iżżewwiġna f’Jannar tal-​1949, u l-​mira tagħna kienet li nibqgħu fil-​ministeru full-​time kemm nistgħu. Konna noqogħdu attenti ħafna għal kif nonfqu l-​flus, u konna nużaw il-​ġranet tal-​leave biex naqilgħu ftit flus billi naqtgħu l-​frott. Grazzi għall-​barka taʼ Ġeħova, stajna nkomplu naqdu bħala pijunieri.

F’Hemsworth ftit wara li żżewwiġna fl-1949

Ftit iktar minn sena wara, ġejna assenjati biex naqdu fl-​Irlanda taʼ Fuq, l-​ewwel f’Armagh u mbagħad fi Newry, żewġt ibliet li fil-​maġġoranza kienu Kattoliċi. Kien hemm preġudizzju reliġjuż kbir f’dawk l-​inħawi, allura kellna noqogħdu attenti ħafna u nużaw l-​għaqal meta nippritkaw lin-​nies. Il-​laqgħat kienu jsiru f’dar taʼ ħu u oħt li kienet 16-​il kilometru ’l bogħod minn fejn konna noqogħdu. Kien hemm madwar tmien persuni li attendew. Kultant konna nibqgħu hemm il-​lejl kollu. Konna norqdu mal-​art u mbagħad nieħdu kolazzjon tajjeb filgħodu. Jien ferħana ħafna li naf li issa hemm ħafna Xhieda f’dawk l-​inħawi.

“AĦNA LESTI LI NAGĦMLUH!”

Ħija u martu, Lottie, diġà kienu qed jaqdu bħala pijunieri speċjali fl-​Irlanda taʼ Fuq, u fl-​1952 l-​erbgħa li aħna attendejna konvenzjoni distrettwali f’Belfast. Wieħed ħu b’qalb tajba offrielna biex noqogħdu għandu, allura l-​erbgħa li aħna qgħadna għandu flimkien maʼ Pryce Hughes, li kien il-​qaddej tal-​fergħa fil-​Brittanja. Lejl minnhom konna qed nitkellmu dwar il-​ktejjeb ġdid, God’s Way Is Love, li ġie ppubblikat speċifikament għan-​nies tal-​Irlanda. Ħuna Hughes spjega li kien diffiċli tipprietka lin-​nies Kattoliċi fir-​Repubblika tal-​Irlanda. L-​aħwa bdew jiġu mġiegħla jitilqu mill-​postijiet fejn kienu joqogħdu, u l-​qassisin kienu qed iqanqlu n-​nies biex jattakkaw lill-​aħwa. Pryce qal, “Għandna bżonn koppji li għandhom karozza biex jieħdu sehem f’kampanja speċjali biex iqassmu l-​ktejjeb mal-​pajjiż kollu.” * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Kien f’dal-​ħin li għedna, “Aħna lesti li nagħmluh!”

Fuq mutur maʼ pijunieri oħra

Post fejn il-​pijunieri dejjem kienu milqugħin f’Dublin kien għand Ma Rutland, oħt leali li kienet qdiet lil Ġeħova għal ħafna snin. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Anki aħna morna noqogħdu għandha għal ftit żmien, u begħna xi ftit mill-​affarijiet li kellna. Imbagħad l-​erbgħa li aħna rkibna fuq il-​mutur taʼ Bob, li kellu post għall-​passiġġieri fil-​ġenb, u morna nfittxu karozza. Sibna waħda li għalkemm ma kinitx ġdida, kienet f’kundizzjoni tajba, u tlabna lil dak li xtrajnieha mingħandu biex iġibhielna sad-​dar peress li ħadd minna ma kien isuq. Arthur qattaʼ l-​lejla kollha bilqiegħda fuq is-​sodda, taparsi jbiddel il-​gerijiet tal-​karozza. L-​għada filgħodu waqt li kien qed jipprova joħroġ il-​karozza mill-​garaxx, ġiet ħdejna missjunarja jisimha Mildred Willett (li iktar tard iżżewġet lil John Barr). * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Din kienet taf issuq! Hi tatna ftit prattika, u wara konna lesti biex insuqu.

Il-karozza u l-karavan tagħna

Imbagħad, kellna nsibu post fejn noqogħdu. L-​aħwa avżawna biex nevitaw li ngħixu f’karavan għax dawk li opponewna setgħu jagħtuh in-​nar. Għalhekk fittxejna dar, imma ma stajniex insibu. Dak il-​lejl, l-​erbgħa li aħna rqadna fil-​karozza. L-​għada stajna nsibu biss karavan żgħir b’żewġ sodod żgħar fuq xulxin. Dan sar id-​dar tagħna. B’sorpriża, stajna nipparkjaw il-​karavan bla problema taʼ xejn fil-​propjetà taʼ bdiewa dħulin. Konna nippritkaw f’territorju li kien bejn 16 u 24 kilometru ’l bogħod mill-​karavan. Meta konna mmorru f’post ġdid bil-​karavan, konna nerġgħu lura għal fejn kien ipparkjat qabel biex nippritkaw lin-​nies t’hemmhekk.

Irnexxielna nżuru d-​djar kollha fix-​Xlokk tar-​Repubblika tal-​Irlanda mingħajr ma sibna ħafna oppożizzjoni. Ħallejna iktar minn 20,000 ktejjeb, u bgħatna l-​ismijiet taʼ dawk kollha li kienu interessati lill-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Brittanja. Hija barka kbira li issa hemm mijiet taʼ Xhieda f’dik in-​naħa tal-​Irlanda!

LURA L-​INGILTERRA, IMBAGĦAD GĦALL-​ISKOZJA

Xi snin wara, ġejna assenjati biex naqdu fin-​naħa t’isfel taʼ Londra. Wara ftit ġimgħat, Arthur irċieva telefonata mill-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Brittanja u ġie mitlub jibda jagħmel xogħol tas-​circuit mill-​għada stess! Ġejna mħarrġin għal ġimgħa, imbagħad ivvjaġġajna għas-​circuit tagħna fl-​Iskozja, allura Arthur ma kellux ħafna ħin biex jipprepara t-​taħditiet. Imma dejjem kien lest li jagħmel kwalunkwe inkarigu fis-​servizz taʼ Ġeħova, kien kemm kien diffiċli. L-​eżempju tiegħu vera inkuraġġieni. Ħadna ħafna pjaċir inwettqu dan l-​inkarigu fix-​xogħol tas-​circuit. Wara li qattajna xi żmien f’territorju mhux assenjat, kien taʼ barka mill-​isbaħ li nkunu fost dawk l-​aħwa kollha.

Meta Arthur ġie mistieden jattendi l-​Iskola taʼ Gilegħad fl-​1962, kellna deċiżjoni kbira x’nieħdu. Il-​kors kien se jdum 10 xhur, imma peress li jien ma kontx mistiedna ma stajtx immur miegħu. Iddeċidejna li kien ikun tajjeb li Arthur jaċċetta dan il-​privileġġ. Peress li ma kienx se jkun miegħi biex jgħinni fix-​xogħol taʼ pijunier, il-​fergħa bagħtitni lura Hemsworth bħala pijuniera speċjali. Sena wara, meta Arthur reġaʼ lura, ġejna assenjati biex naqdu fix-​xogħol tad-​distrett. It-​territorju tagħna inkluda l-​Iskozja, it-​Tramuntana tal-​Ingilterra, u l-​Irlanda taʼ Fuq.

INKARIGU ĠDID FL-​IRLANDA

Fl-​1964, Arthur ġie assenjat biex ikun il-​qaddej tal-​fergħa fir-​Repubblika tal-​Irlanda. Għall-​ewwel, ħassejtni ansjuża dwar li mmur Betel għax kont nieħu pjaċir ħafna fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar. Issa, meta nħares lura, vera nħossni grata għall-​privileġġ li naqdi f’Betel. Jien nemmen li meta taċċetta inkarigu, saħansitra meta ma tantx tkun tixtieq tagħmlu, Ġeħova dejjem se jbierkek. F’Betel, kont naħdem f’uffiċċju, nippakkja l-​letteratura, insajjar, u nnaddaf. Għal xi żmien, konna wkoll fix-​xogħol tad-​distrett u stajna niltaqgħu maʼ aħwa minn madwar il-​pajjiż kollu. Dan, flimkien maʼ li naraw l-​istudenti tal-​Bibbja jagħmlu progress fil-​verità, għenna jkollna relazzjonijiet mill-​qrib maʼ ħutna fl-​Irlanda. X’barka kbira din!

AVVENIMENT IMPORTANTI GĦAX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA FL-​IRLANDA

L-​ewwel konvenzjoni internazzjonali fl-​Irlanda saret f’Dublin fl-​1965. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Għalkemm kien hemm oppożizzjoni kbira, il-​konvenzjoni marret ħarir. B’kollox kien hemm attendenza taʼ 3,948, u tgħammdu 65 persuna. In-​nies kollha li pprovdew akkomodazzjoni għat-​3,500 delegat internazzjonali f’Dublin irċivew ittra t’apprezzament, u min-​naħa tagħhom, faħħru lill-​aħwa għall-​kondotta tajba tagħhom. Vera kienet bidla pożittiva għall-​Irlanda.

Arthur jilqaʼ lil Nathan Knorr mal-wasla tiegħu għall-konvenzjoni tal-1965

Arthur meta nħareġ Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja bil-lingwa Gaelic fl-1983

Fl-​1966, in-​naħa taʼ fuq u t’isfel tal-​Irlanda ġew magħqudin taħt l-​uffiċċju tal-​fergħa taʼ Dublin. Din l-​għaqda ma kellhiex x’taqsam mal-​frid politiku u reliġjuż li kien qed isir fil-​gżira inġenerali. Aħna konna ferħanin se ntiru meta rajna ammont kbir taʼ Kattoliċi jidħlu fil-​verità u jaqdu lil Ġeħova flimkien maʼ ħuthom li darba kienu Protestanti.

BIDLA KBIRA FL-​INKARIGU

Fl-​2011, ħajjitna nbidlet kompletament. Il-​fergħa tal-​Brittanja u tal-​Irlanda ngħaqdu u ġejna assenjati fil-​Betel taʼ Londra. Dak iż-​żmien, bdejt ninkwieta dwar is-​saħħa taʼ Arthur. Sirna nafu li għandu l-​marda taʼ Parkinson. Sfortunatament, wara 66 sena miżżewġin, ir-​raġel u ħabib tiegħi miet fl-​20 taʼ Mejju 2015.

F’dawn l-​aħħar ftit snin, ħassejt uġigħ taʼ qalb, dipressjoni, u niket. Fil-​passat, Arthur dejjem kien hemm għalija. Kemm nimmissjah! Imma meta tgħaddi minn sitwazzjonijiet bħal dawn, tersaq eqreb lejn Ġeħova. Inħossni ferħana meta nkun naf kemm oħrajn kienu jħobbuh. Irċivejt ittri mingħand aħwa rġiel u nisa fl-​Irlanda, il-​Brittanja, u saħansitra l-​Istati Uniti. Dawn l-​ittri, flimkien mal-​inkuraġġiment li rċivejt mingħand ħu Arthur, Dennis, il-​mara tiegħu Mavis, u n-​neputijiet tiegħi Ruth u Judy, għenuni iktar milli qatt nistaʼ nispjega.

Skrittura li inkuraġġietni ħafna hi Isaija 30:18, li tgħid: “Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom qalb tajba, u għaldaqstant se jqum biex jurikom ħniena. Għax Ġeħova hu Alla taʼ ġudizzju. Henjin dawk kollha li jibqgħu jistennewh.” Il-​fatt li naf li Ġeħova qed jistenna bil-​paċenzja biex isolvi l-​problemi kollha tagħna u biex jagħtina inkarigi eċċitanti fid-​dinja l-​ġdida tiegħu verament ifarraġni.

Meta naħseb dwar il-​passat, nistaʼ nara kif Ġeħova ggwida u bierek ix-​xogħol tal-​ippritkar fl-​Irlanda! Inħossni onorata li jien waħda mill-​ħafna wħud li għenu f’dan ix-​xogħol. M’hemmx dubju illi meta tagħmel dak li Ġeħova jitlob minnek dejjem iġib barkiet.

^ par. 12 Ara n-​1988 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 101-​102.

^ par. 13 Ħafna aħwa b’affezzjoni kienu jsejħulha “Ma” Rutland għax din kienet qisha omm għalihom.

^ par. 13 John Barr qeda bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna.

^ par. 22 Ara n-1988 Yearbook, paġni 109-112.