Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-fidwa—“Rigal perfett” mingħand il-Missier

Il-fidwa—“Rigal perfett” mingħand il-Missier

“Kull għotja tajba u kull rigal perfett ġej . . . mingħand il-Missier.”—ĠAKBU 1:17.

GĦANJIET: 148,  109

1. Il-fidwa liema affarijiet tajbin tagħmel possibbli għalina?

IS-SAGRIFIĊĊJU bħala fidwa taʼ Ġesù Kristu jagħmel ħafna barkiet possibbli. Pereżempju, l-arranġament tal-fidwa jagħmilha possibbli għal ulied Adam kollha li jħobbu s-sewwa biex xi darba jsiru parti mill-familja t’Alla. Barka oħra hi li nistgħu ngħixu kuntenti għal dejjem. Iktar minn hekk, il-fidwa għandha x’taqsam m’affarijiet li huma importanti ħafna għal dawk kollha fis-sema u fuq l-art.—Ebrej 1:8, 9.

2. (a) Fit-talba tiegħu, Ġesù x’semma li kien taʼ importanza kbira fis-sema u fuq l-art? (Ara l-ewwel stampa.) (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

2 Madwar sentejn qabel ma miet Ġesù, hu għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:9, 10) Ejja neżaminaw kif il-fidwa għandha x’taqsam mat-taqdis tal-isem taʼ Ġeħova, mat-tmexxija tas-Saltna t’Alla, u maʼ li ssir ir-rieda t’Alla.

“ĦA JITQADDES ISMEK”

3. (a) Isem Ġeħova x’jirrappreżenta? (b) Satana kif attakka l-isem taʼ Ġeħova?

3 L-ewwel u qabel kollox, Ġesù talab ħalli l-isem taʼ Ġeħova jiġi mqaddes, jew trattat bħala qaddis. Isem Ġeħova jirrappreżenta lil Ġeħova nnifsu, min hu. Huwa l-iktar Persuna b’saħħtu u ġust fl-univers kollu. Ukoll, Ġesù sejjaħlu “Missier Qaddis.” (Ġwanni 17:11) Peress li Ġeħova hu qaddis, kulma jagħmel u kull liġi li jagħmel hi qaddisa. Imma fl-Għeden, Satana b’makakkerija qajjem dubju dwar id-dritt t’Alla li jistabbilixxi livelli għall-bnedmin. Hu gideb dwar Ġeħova u attakka l-isem t’Alla, jew ir-reputazzjoni tiegħu.—Ġenesi 3:1-5.

4. Ġesù kif ittratta l-isem t’Alla bħala qaddis?

4 Ġesù, mill-banda l-oħra, verament ħabb l-isem taʼ Ġeħova u għamel kulma setaʼ biex iqaddsu. (Ġwanni 17:25, 26) Kif? Bl-imġiba u t-tagħlim tiegħu, Ġesù għen oħrajn jaraw li l-livelli taʼ Ġeħova huma tajbin u li dak kollu li jistenna minna huwa għall-ġid tagħna stess. (Aqra Salm 40:8-10.) Anke meta Satana ġiegħlu jbati u jmut mewta taʼ wġigħ, Ġesù baqaʼ leali. Hu ta prova li huwa possibbli għal bniedem perfett li jobdi lil Ġeħova għalkollox.

5. Kif nistgħu nittrattaw isem Ġeħova bħala qaddis?

5 Kif nistgħu nuru li nħobbu l-isem taʼ Ġeħova? Bl-imġiba tagħna. Ġeħova jirrikjedi minna li nkunu qaddisin. (Aqra l-1 Pietru 1:15, 16.) Dan ifisser li nqimu lilu biss u nobduh b’qalbna kollha. Anke meta nkunu persegwitati, aħna nagħmlu kulma nistgħu ħalli ngħixu bil-mod kif jgħallimna Ġeħova. Billi ngħixu skont il-livelli taʼ Ġeħova, aħna nġibu glorja lil ismu. (Mattew 5:14-16) Aħna nagħtu prova li l-liġijiet tiegħu huma tajbin u li Satana hu giddieb. M’aħniex perfetti, allura se niżbaljaw. Imma meta jiġri dan, nindmu u nagħmlu l-almu tagħna biex nieqfu nagħmlu affarijiet li jiddiżonoraw l-isem taʼ Ġeħova.—Salm 79:9.

6. Ġeħova għala jistaʼ jqisna ġusti, minkejja li aħna imperfetti?

6 Kemm jekk aħna mill-midlukin jew min-“nagħaġ oħrajn,” Ġeħova jaħfrilna dnubietna jekk ikollna fidi fil-fidwa. Hu jaċċetta bħala aduraturi tiegħu lil dawk li jiddedikaw lilhom infushom lilu. Lill-Kristjani midlukin hu jiddikjarahom ġusti bħala wliedu u lin-“nagħaġ oħrajn” ġusti bħala ħbiebu. (Ġwanni 10:16; Rumani 5:1, 2; Ġakbu 2:21-25) Għalhekk, anke issa, il-fidwa tagħmilhielna possibbli li jkollna relazzjoni tajba maʼ Missierna u li nqaddsu ismu.

“ĦA TIĠI SALTNATEK”

7. Il-fidwa liema barkiet tagħmel possibbli?

7 Fit-talba mudell, Ġesù qal: “Ħa tiġi saltnatek.” Il-fidwa x’għandha x’taqsam mas-Saltna t’Alla? Is-Saltna t’Alla, jew gvern, hi magħmula minn Ġesù u 144,000 magħżulin mill-umanità. Il-fidwa tagħmilha possibbli għal dawn il-bnedmin li jiġu rxoxtati għas-sema. (Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1) Huma se jkunu slaten u qassisin u se jsaltnu għal fuq l-art maʼ Ġesù għal elf sena. Matul dak iż-żmien, permezz tas-Saltna, Ġeħova se jagħmel l-art ġenna u jgħin lill-bnedmin kollha jsiru perfetti. Il-qaddejja taʼ Ġeħova fis-sema u fuq l-art fl-aħħar se jkunu familja waħda. (Rivelazzjoni 5:13; 20:6) Ġesù se jeqred lil Satana u jneħħi l-problemi kollha li kkaġuna.—Ġenesi 3:15.

8. (a) Ġesù kif għen lid-dixxipli tiegħu jifhmu li s-Saltna t’Alla hi importanti? (b) Illum kif nappoġġjawha s-Saltna?

8 Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu jifhmu l-importanza tas-Saltna t’Alla. Kif? Eżatt wara l-magħmudija tiegħu, Ġesù beda jipprietka “l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla” kull fejn mar. (Luqa 4:43) Ukoll, hu qal lid-dixxipli tiegħu biex ikunu xhieda tiegħu “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:6-8) Illum, permezz tax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna, in-nies għandhom l-opportunità li jitgħallmu dwar il-fidwa u jsiru sudditi tas-Saltna t’Alla. Aħna nuru li aħna sudditi leali tas-Saltna billi ngħinu lill-midlukin jippritkaw l-aħbar tajba madwar id-dinja.—Mattew 24:14; 25:40.

“ĦA JKUN LI TRID INT”

9. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jwettaq l-iskop tiegħu għall-bnedmin?

9 X’ried ifisser Ġesù meta mbagħad qal: “Ħa jkun li trid int”? Meta Ġeħova jgħid li se jiġri xi ħaġa, hekk jiġri. (Isaija 55:11) Ir-ribelljoni taʼ Satana ma setgħetx twaqqaf lil Ġeħova. X’kienet ir-rieda taʼ Ġeħova għall-art? Hu ried li l-art tkun mimlija bit-tfal perfetti taʼ Adam u Eva. (Ġenesi 1:28) Li kieku Adam u Eva mietu mingħajr ma kellhom ulied, l-iskop t’Alla li jimla l-art b’uliedhom kien se jiġi fix-xejn. Allura, Ġeħova ppermetta li jkollhom it-tfal. Il-fidwa tagħti l-opportunità lil kull min jeżerċita l-fidi biex isir perfett u jgħix għal dejjem. Ġeħova jħobbhom lin-nies u jrid li jkollna l-ħajja meraviljuża li kellu f’moħħu għalina.

10. Il-fidwa kif inhi taʼ benefiċċju għan-nies li mietu?

10 Xi ngħidu dwar il-biljuni taʼ nies li mietu mingħajr qatt ma kellhom l-opportunità li jsiru jafu lil Ġeħova? Ġeħova jrid li n-nies jgħixu. Allura hu saħansitra se jqajjem lil dawk li mietu. Il-fidwa tagħmilha possibbli għalihom li jerġgħu jgħixu. Imbagħad se jkunu jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova u jgħixu għal dejjem. (Atti 24:15) Ġeħova hu s-Sors tal-ħajja. Meta Ġeħova jagħti lura l-ħajja lil dawk li mietu, hu jsir Missierhom. (Salm 36:9) Fit-talba mudell, Ġesù qal li Ġeħova hu “Missierna fis-smewwiet.” (Mattew 6:9) Ġeħova ta lil Ġesù rwol importanti ħafna li jqajjem lill-mejtin. Ġesù qal: “Jien l-irxoxt u l-ħajja.”—Ġwanni 6:40, 44; 11:25.

11. X’inhi r-rieda t’Alla għall-“folla kbira”?

11 Ġesù qal ukoll: “Kulmin jagħmel ir-rieda t’Alla, dan hu ħija u oħti u ommi.” (Marku 3:35) Hija r-rieda t’Alla li nies minn kull ġens, tribù, u lingwa jsiru aduraturi tiegħu. Dawn huma deskritti bħala “folla kbira, li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha.” Huma għandhom fidi fil-fidwa u jridu jobdu lil Alla. Huma jfaħħruh u jgħidu: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron, u lill-Ħaruf.”—Rivelazzjoni 7:9, 10.

12. Mit-talba taʼ Ġesù, x’nitgħallmu dwar l-iskop taʼ Ġeħova għall-bnedmin?

12 Mit-talba mudell taʼ Ġesù, tgħallimna ħafna dwar Ġeħova u l-iskop tiegħu għan-nies. L-ewwel, għandna nagħmlu kulma nistgħu biex inqaddsu l-isem taʼ Ġeħova u nonoraw Lilu. (Isaija 8:13) Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, li jagħmel is-salvazzjoni tagħna possibbli, jonora l-isem t’Alla wkoll. Fil-fatt, l-istess isem Ġesù jfisser “Ġeħova Hu Salvazzjoni.” It-tieni, permezz tas-Saltna tiegħu Ġeħova se jġib il-benefiċċji kollha tal-fidwa lil bnedmin ubbidjenti. U t-tielet, aħna fiduċjużi li xejn mhu se jwaqqaf ir-rieda taʼ Ġeħova milli titwettaq.—Salm 135:6; Isaija 46:9, 10.

URI LIL ĠEĦOVA LI INT GRAT GĦALL-FIDWA

13. Għala nitgħammdu?

13 Mod importanti kif nuru li aħna grati għall-fidwa hu billi niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova u nitgħammdu. B’hekk, nuru li għandna fidi fil-fidwa u li “aħna taʼ Ġeħova.” (Rumani 14:8) Meta nitgħammdu, nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina “kuxjenza tajba.” (1 Pietru 3:21) Ġeħova jwieġeb billi japplika l-benefiċċji tal-fidwa għalina. U aħna assolutament ċerti li se jagħtina dak kollu li wiegħed.—Rumani 8:32.

Kif nuru li aħna grati għall-fidwa? (Ara paragrafi 13, 14)

14. Ġeħova għala jikkmandana biex inħobbu lil oħrajn?

14 Kulma jagħmel Ġeħova hu mqanqal mill-imħabba. Ir-rieda tiegħu hi li l-aduraturi tiegħu jimitawh u jħobbu lil xulxin. (1 Ġwanni 4:8-11) Meta nħobbu n-nies, nuru biċ-ċar li rridu nkunu ‘wlied Missierna li hu fis-smewwiet.’ (Mattew 5:43-48) L-ikbar żewġ kmandi huma l-ewwel li nħobbu lil Ġeħova, u t-tieni li nħobbu lil oħrajn. (Mattew 22:37-40) Mod wieħed kif nistgħu nuru mħabba għan-nies hu billi ngħallmuhom l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Jekk nobdu l-kmand taʼ Ġeħova biex inħobbu lil oħrajn, speċjalment lil ħutna, l-imħabba tagħna għalih se “tintgħamel perfetta.”—1 Ġwanni 4:12, 20.

IL-FIDWA ĠĠIB BARKIET MINGĦAND ĠEĦOVA

15. (a) Liema barkiet mingħand Ġeħova qed nirċievu issa? (b) Liema barkiet se nirċievu fil-futur?

15 Ġeħova jassigurana li peress li għandna fidi fil-fidwa, dnubietna ‘jitħassrulna.’ Hu jistaʼ jaħfrilna dnubietna kompletament. (Aqra Atti 3:19-21.) Bħalma ddiskutejna qabel, il-fidwa tagħmilha possibbli għal Ġeħova biex jadotta xi bnedmin ħalli jsiru wliedu fis-sema. Dawn huma l-midlukin. (Rumani 8:15-17) Hu jistieden lil dawk li huma min-“nagħaġ oħrajn” biex ikunu parti mill-familja tiegħu fuq l-art. Wara li jkunu saru perfetti, se jkun hemm l-aħħar prova. Jekk ikunu leali lejn Ġeħova, hu jadottahom bħala wliedu wkoll. (Rumani 8:20, 21; Rivelazzjoni 20:7-9) Ġeħova dejjem se jħobb lil uliedu kollha. Il-fidwa se tkompli ġġib barkiet għal dejjem. (Ebrej 9:12) Ġeħova tana din l-għotja prezzjuża, u ħadd ma jistaʼ jiħodhielna.

16. Il-fidwa kif tgħinna nkunu ħelsin?

16 Jekk nindmu minn dnubietna, m’hemm xejn li x-Xitan jistaʼ jagħmel biex iwaqqafna milli nsiru parti mill-familja taʼ Ġeħova. Ġesù miet “darba għal dejjem.” Il-fidwa tħallset b’mod permanenti. (Ebrej 9:24-26) Adam ġabilna l-mewt, imma s-sagrifiċċju taʼ Ġesù se jġibilna l-ħajja taʼ dejjem. Il-fidwa tistaʼ teħlisna mid-dinja taʼ Satana u mill-biżaʼ tal-mewt.—Ebrej 2:14, 15.

17. L-imħabba taʼ Ġeħova xi tfisser għalik?

17 Il-wegħdi t’Alla dejjem jitwettqu. L-istess bħalma l-liġijiet li Ġeħova għamel fin-natura qatt ma jinbidlu, Ġeħova qatt mhu se jinbidel. Qatt mhu se jiddiżappuntana. (Malakija 3:6) Ġeħova jagħtina ħafna iktar mill-għotja tal-ħajja, hu jagħtina mħabbtu. “Aħna stess sirna nafu u emminna l-imħabba li Alla għandu għalina. Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:16) Il-wegħdi tiegħu dejjem iseħħu. Dalwaqt, l-art se ssir ġenna mill-isbaħ. Dak iż-żmien, kull min jgħix hemmhekk se jimita lil Ġeħova u jħobb wieħed lil ieħor. Imbagħad, il-qaddejja tiegħu kollha fis-sema se jgħidu: “Il-barka u l-glorja u l-għerf u r-radd il-ħajr u l-unur u l-qawwa u s-saħħa jkunu lil Alla tagħna għal dejjem taʼ dejjem. Amen.”—Rivelazzjoni 7:12.