Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova jmexxi l-poplu tiegħu

Ġeħova jmexxi l-poplu tiegħu

“Ġeħova . . . jmexxik il-ħin kollu.”—ISAIJA 58:11.

GĦANJIET: 152, 22

1, 2. (a) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif inhuma differenti minn reliġjonijiet oħra? (b) X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu u li jmiss?

ĦAFNA drabi n-nies jistaqsu lix-Xhieda taʼ Ġeħova, “Min hu l-mexxej tagħkom?” Huma jaħsbu dwar dan għax ħafna reliġjonijiet huma mmexxijin minn raġel jew mara. Madankollu, aħna kburin ngħidu li l-Mexxej tagħna mhuwiex bniedem imperfett. Minflok, il-Mexxej tagħna hu Ġesù Kristu! U hu jobdi lill-Missier u Mexxej tiegħu, Ġeħova.—Mattew 23:10.

2 Hemm ukoll grupp taʼ rġiel, li jissejjaħ “l-ilsir leali u għaqli,” li jieħu t-tmexxija fost il-poplu t’Alla fuq l-art illum. (Mattew 24:45) Imma kif nafu li hu verament Ġeħova li qed imexxina permezz t’Ibnu? Se naraw tliet raġunijiet għala nistgħu nkunu ċerti minn dan. U għalkemm Ġeħova juża ċerti bnedmin biex imexxi lin-nies tiegħu, se jidher ċar li Ġeħova kien u għadu l-Mexxej veru tal-poplu tiegħu.—Isaija 58:11.

INGĦATAW IL-QAWWA MILL-ISPIRTU QADDIS

3. X’kien li ta l-qawwa lil Mosè biex imexxi lill-Iżrael?

3 L-ispirtu qaddis ta l-qawwa lir-rappreżentanti t’Alla. Alla għażel lil Mosè biex imexxi lill-Iżraelin. X’għenu jieħu ħsieb dan l-inkarigu tant importanti? Ġeħova ta “l-ispirtu qaddis Tiegħu” lil Mosè. (Aqra Isaija 63:11-14.) Mela fil-fatt kien Ġeħova li qed imexxi lin-nies tiegħu, għax kien l-ispirtu tiegħu li għen lil Mosè.

4. X’juri li Mosè kellu l-ispirtu t’Alla? (Ara l-ewwel stampa.)

4 Setgħu n-nies jaraw li Mosè kellu l-ispirtu t’Alla? Iva! L-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova ta lil Mosè l-abbiltà biex jagħmel il-mirakli u jgħarraf l-isem t’Alla lill-Fargħun, il-mexxej setgħan Eġizzjan. (Eżodu 7:1-3) L-ispirtu qaddis għenu wkoll ikun mexxej li juri mħabba u paċenzja. Mosè kien differenti ħafna mill-mexxejja ħorox u egoisti t’artijiet oħra! (Eżodu 5:2, 6-9) Biċ-ċar, Ġeħova kien għażel lil Mosè biex ikun il-mexxej tal-poplu Tiegħu.

5. Ġeħova lil min iktar ta l-ispirtu qaddis biex imexxi l-poplu tiegħu?

5 Ġeħova lil min iktar ta l-ispirtu qaddis biex imexxi l-poplu tiegħu? Il-Bibbja tgħid: “Ġożwè, bin Nun, kien mimli bl-ispirtu taʼ l-għerf.” (Dewteronomju 34:9) “L-ispirtu taʼ Ġeħova ġie fuq Gidegħon.” (Imħallfin 6:34) U “l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuq David.” (1 Samwel 16:13) Dawn l-irġiel straħu fuq l-ispirtu t’Alla biex jgħinhom jagħmlu affarijiet li ma setgħux jagħmluhom bil-ħila tagħhom stess. (Ġożwè 11:16, 17; Imħallfin 7:7, 22; 1 Samwel 17:37, 50) Bla dubju, Ġeħova kien il-wieħed li tahom il-qawwa biex jagħmlu affarijiet kbar, allura hu biss jistħoqqlu t-tifħir.

Meta l-poplu t’Alla obda lil Mosè, Ġożwè, Gidegħon, u David, hu kien fil-fatt qed isegwi lil Ġeħova bħala l-Mexxej tiegħu

6. Ġeħova għala ried lill-poplu tiegħu jirrispetta l-mexxejja tal-Iżrael?

6 X’messhom għamlu l-Iżraelin meta raw li l-ispirtu qaddis t’Alla ta l-qawwa lil Mosè, Ġożwè, Gidegħon, u David? Huma messhom irrispettawhom. Meta n-nies gergru dwar Mosè, innota xi staqsa Ġeħova: “Kemm se jdumu dawn in-nies ma jurunix rispett?” (Numri 14:2, 11) Jidher ċar li Ġeħova għażel lil dawn l-irġiel biex imexxu l-poplu Tiegħu. Meta n-nies obdewhom, huma kienu fil-fatt qed isegwu lil Ġeħova bħala l-Mexxej tagħhom.

L-ANĠLI GĦENUHOM

7. L-anġli kif għenu lil Mosè?

7 L-anġli għenu lir-rappreżentanti t’Alla. (Aqra Ebrej 1:7, 14.) Alla uża l-anġli biex jiggwidaw lil Mosè. L-ewwel, anġlu “deherlu fl-għollieqa” u tah l-inkarigu biex jeħles lill-Iżraelin u jmexxihom. (Atti 7:35) It-tieni, Alla uża l-anġli biex jagħtu l-Liġi lil Mosè sabiex jgħallem lill-Iżraelin. (Galatin 3:19) It-tielet, Ġeħova qallu: “Mexxi lin-nies lejn il-post li għedtlek dwaru. Ara! L-anġlu tiegħi jimxi qablek.” (Eżodu 32:34) Il-Bibbja ma tgħidx li l-Iżraelin raw anġlu jagħmel dan. Madankollu, mill-mod taʼ kif Mosè għallem u ggwida lill-poplu, kien ovvju li l-anġli għenuh.

8. L-anġli kif għenu lil Ġożwè u Ħeżekija?

8 Lil min għenu iktar l-anġli? Il-Bibbja tgħid li “l-prinċep taʼ l-armata taʼ Ġeħova,” anġlu, għen lil Ġożwè jirbaħ battalja kontra l-Kangħanin. (Ġożwè 5:13-15; 6:2, 21) Iktar tard, meta s-Sultan Ħeżekija mexxa l-poplu t’Alla, l-armata enormi Assirjana heddet li teqred lil Ġerusalemm. F’lejl wieħed, “l-anġlu taʼ Ġeħova ħareġ u qatel mija u ħamsa u tmenin elf ruħ.”—2 Slaten 19:35.

9. Għalkemm dawk li rrappreżentaw lil Alla kienu imperfetti, l-Iżraelin x’kienu mistennijin jagħmlu?

9 L-anġli huma perfetti. Però, l-irġiel li huma għenu ma kinux. Pereżempju, darba, Mosè ma ġabx unur lil Ġeħova. (Numri 20:12) Ġożwè ma staqsiex lil Alla x’kellu jagħmel meta l-Gibegħonin riedu jagħmlu ftehim miegħu. (Ġożwè 9:14, 15) Għal xi żmien qasir, Ħeżekija sar kburi. (2 Kronaki 32:25, 26) Għalkemm dawn l-irġiel kienu imperfetti, l-Iżraelin kienu mistennijin isegwu t-tmexxija tagħhom. L-Iżraelin setgħu jaraw li Ġeħova kien qed juża l-anġli biex jappoġġjaw lil dawn l-irġiel. B’mod ċar, Ġeħova kien qed jiggwida lill-poplu tiegħu.

IL-KELMA T’ALLA GGWIDATHOM

10. Mosè kif kien iggwidat mil-Liġi t’Alla?

10 Il-Kelma t’Alla ggwidat lir-rappreżentanti tiegħu. Il-Bibbja tirreferi għal-Liġi li ngħatat lill-Iżrael bħala “l-liġi taʼ Mosè.” (1 Slaten 2:3) Imma l-Bibbja tagħmilha ċara li Ġeħova kien il-wieħed li ta l-Liġi lill-Iżrael. U Mosè kellu jobdiha wkoll. (2 Kronaki 34:14) Pereżempju, wara li Ġeħova qallu kif jibni t-tabernaklu, “Mosè għamel skond kulma kien ikkmandah Ġeħova. Għamel preċiż hekk.”—Eżodu 40:1-16.

11, 12. (a) X’kienu mitluba jagħmlu Ġożwè u s-slaten li mexxew il-poplu t’Alla? (b) Il-Kelma t’Alla kif iggwidat lill-irġiel li kellhom it-tmexxija?

11 Ġożwè kellu biss parti mill-Kelma t’Alla meta sar mexxej, u Ġeħova qallu: “[Il-ktieb tal-liġi] trid taqrah u timmedita fuqu lejl u nhar, sabiex tkun tistaʼ tieħu ħsieb tagħmel skond kulma hemm miktub fih.” (Ġożwè 1:8) Is-slaten li iktar tard mexxew il-poplu t’Alla wkoll kellhom jaqraw il-Liġi kuljum, jiktbu kopja tagħha, u jobdu ‘l-kliem kollu taʼ din il-liġi u dawn ir-regolamenti billi jagħmluhom.’—Aqra Dewteronomju 17:18-20.

12 Il-Kelma t’Alla kif iggwidat lill-irġiel li kellhom it-tmexxija? Aħseb dwar l-eżempju tas-Sultan Ġosija. Wara li nstabet il-Liġi taʼ Mosè, is-segretarju taʼ Ġosija beda jaqrahielu. * (Ara n-nota taʼ taħt.) “U ġara li, malli semaʼ l-kliem tal-liġi, is-sultan minnufih ċarrat ħwejġu.” Il-Kelma t’Alla mbagħad qanqlet lil Ġosija biex jeqred l-idoli kollha f’dik l-art u biex jipprepara għall-akbar festa tal-Qbiż li qatt kien hemm. (2 Slaten 22:11; 23:1-23) Minħabba li Ġosija u mexxejja leali oħra segwew il-Kelma t’Alla, huma kienu lesti jaġġustaw id-direzzjoni li kienu jagħtu lin-nies t’Alla. Dawn il-bidliet għenu l-poplu t’Alla jobdi Lilu.

13. Il-mexxejja tal-poplu t’Alla kif kienu differenti mill-mexxejja taʼ nazzjonijiet oħra?

13 Il-mexxejja taʼ nazzjonijiet oħra kienu gwidati mill-għerf limitat tal-bniedem. Pereżempju, il-mexxejja Kangħanin u l-poplu tagħhom għamlu affarijiet terribbli, li inkludew l-inċest, l-omosesswalità, il-bestjalità, l-issagrifikar tat-tfal, u l-idolatrija. (Levitiku 18:6, 21-25) Ukoll, il-mexxejja Babiloniżi u Eġizzjani ma kellhomx l-istess liġijiet taʼ ndafa li kellhom in-nies t’Alla. (Numri 19:13) Madankollu, in-nies t’Alla setgħu jaraw kif il-mexxejja leali tagħhom inkuraġġewhom biex iżommu l-qima tagħhom nadifa, ikunu nodfa fiżikament, u jevitaw nuqqas taʼ ndafa sesswali. Biċ-ċar, Ġeħova kien qed imexxihom.

14. Ġeħova għala ddixxiplina xi wħud mill-mexxejja tal-poplu tiegħu?

14 Mhux is-slaten kollha li mexxew il-poplu t’Alla segwew l-istruzzjonijiet tiegħu. Dawn is-slaten żleali rrifjutaw li jsegwu l-gwida tal-ispirtu qaddis t’Alla, tal-anġli, u tal-Kelma tiegħu. F’xi każi, Ġeħova ddixxiplina jew biddel lil dawn il-mexxejja. (1 Samwel 13:13, 14) Iktar tard, Ġeħova ħatar lil xi ħadd li kien se jkun mexxej perfett.

ĠEĦOVA JAĦTAR MEXXEJ PERFETT

15. (a) Il-profeti kif urew li kien ġej mexxej perfett? (b) Min kien il-mexxej perfett?

15 Għal mijiet taʼ snin, Ġeħova wiegħed li kien se jaħtar mexxej perfett għan-nies tiegħu. Pereżempju, Mosè qal lill-Iżraelin: “Profeta minn ġo nofsok, minn ħutek, bħali, għad iqajjimlek Ġeħova Alla tiegħek—minnu għandkom tisimgħu.” (Dewteronomju 18:15) Isaija qal li dan il-Wieħed kien se jsir “mexxej u kmandant.” (Isaija 55:4) U Danjel kiteb dwar il-Messija, li kien se jsir “il-Mexxej.” (Danjel 9:25) Fl-aħħar, Ġesù Kristu identifika lilu nnifsu bħala “l-Mexxej” tal-poplu t’Alla. (Aqra Mattew 23:10.) Id-dixxipli taʼ Ġesù segwewh minn jeddhom, u huma emmnu li kien magħżul minn Ġeħova. (Ġwanni 6:68, 69) Xi kkonvinċiehom li Ġesù Kristu kien il-wieħed li Ġeħova kien se juża biex imexxi lil niesu?

Ġeħova ħatar lil Ġesù biex ikun mexxej perfett

16. X’ta prova li Ġesù ngħata l-qawwa mill-ispirtu qaddis?

16 L-ispirtu qaddis ta l-qawwa lil Ġesù. Meta Ġesù tgħammed, Ġwanni ra “s-smewwiet jinfetħu, u l-ispirtu nieżel fuqu nnifsu bħal ħamiema.” Ftit wara dan, “l-ispirtu ġiegħlu jmur fix-xagħri.” (Marku 1:10-12) Matul il-ministeru taʼ Ġesù, l-ispirtu qaddis t’Alla tah il-qawwa biex jgħallem u biex iwettaq il-mirakli. (Atti 10:38) Flimkien maʼ dan, l-ispirtu qaddis għen lil Ġesù juri kwalitajiet bħal imħabba, ferħ, u fidi soda. (Ġwanni 15:9; Ebrej 12:2) L-ebda mexxej ieħor ma kellu prova bħal din taʼ li jkollu l-ispirtu qaddis t’Alla. Bla dubju, Ġeħova kien għażel lil Ġesù bħala l-Mexxej.

L-anġli kif għenu lil Ġesù wara li tgħammed? (Ara paragrafu 17)

17. X’għamlu l-anġli biex jgħinu lil Ġesù?

17 L-anġli għenu lil Ġesù. Ftit wara li Ġesù tgħammed, “ġew l-anġli u bdew jaqduh.” (Mattew 4:11) Sigħat qabel mewtu, “deherlu anġlu mis-sema jqawwilu qalbu.” (Luqa 22:43) Ġesù kien jaf li Ġeħova kien se jibgħat l-anġli biex jgħinuh kull meta kellu bżonn.—Mattew 26:53.

18, 19. Il-Kelma t’Alla kif iggwidat il-ħajja u t-tagħlim taʼ Ġesù?

18 Il-Kelma t’Alla ggwidat lil Ġesù. Mill-bidu tal-ministeru tiegħu sa mewtu fuq iz-zokk tat-tortura, Ġesù ħalla l-Iskrittura tidderiġih. Anki meta kien qed imut, hu semma l-profeziji dwar il-Messija. (Mattew 4:4; 27:46; Luqa 23:46) Madankollu, il-mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-żmien kienu ferm differenti minn Ġesù. Huma għażlu li jinjoraw il-Kelma t’Alla kull meta ma kinitx taqbel mat-tagħlim tagħhom. Ġesù kkwota mill-Kelma t’Alla meta dwarhom qal: “Dan il-poplu jonorani b’xofftejh, iżda qalbu mbiegħda minni. Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-kmandi tal-bnedmin.” (Mattew 15:7-9) Ġeħova qatt ma setaʼ jagħżel irġiel li ma segwewx il-Kelma tiegħu biex imexxu lin-nies tiegħu.

19 Ġesù uża wkoll il-Kelma t’Alla meta għallem lil oħrajn. Meta mexxejja reliġjużi sfidawh, hu m’użax l-għerf tiegħu stess jew l-esperjenza taʼ ħajtu biex iwiġibhom. Minflok, hu għallem lin-nies mill-Iskrittura. (Mattew 22:33-40) Ukoll, Ġesù setaʼ impressjona oħrajn b’ħafna stejjer dwar il-ħajja tiegħu fis-sema jew dwar il-ħolqien tal-univers. Minflok, peress li ħabb il-Kelma t’Alla, hu kien ħerqan li jaqsamha m’oħrajn, u “fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura.”—Luqa 24:32, 45.

20. (a) Ġesù kif onora lil Ġeħova? (b) X’differenza kien hemm bejn l-attitudni taʼ Ġesù u dik t’Erodi Agrippa I?

20 Għalkemm is-semmiegħa taʼ Ġesù kienu affaxxinati bil-mod taʼ kif tkellem, hu dejjem ta l-unur lill-Għalliem tiegħu, Ġeħova. (Luqa 4:22) Meta raġel sinjur ipprova jonora lil Ġesù bit-titlu “Għalliem Tajjeb,” Ġesù kien umli u qal: “Għala ssejjaħli tajjeb? Ħadd m’hu tajjeb, ħlief Alla biss.” (Marku 10:17, 18) Madankollu, Erodi Agrippa I, li sar il-mexxej tal-Lhudija madwar tmien snin wara, kellu attitudni ferm differenti minn dik taʼ Ġesù. Darba, f’laqgħa speċjali, Erodi libes ilbies irjali impressjonanti ferm u li jiswa ħafna flus. Meta n-nies rawh u semgħuh, huma għajtu: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!” Erodi kien iħobb it-tifħir. Imma mbagħad x’ġara? “Minnufih l-anġlu taʼ Ġeħova ħabat għalih, għax ma tax il-glorja lil Alla; u ttiekel mid-dud u miet.” (Atti 12:21-23) Ovvjament, Ġeħova ma kienx għażel lil Erodi biex ikun mexxej. Madankollu, Ġesù ta prova li Alla kien għażlu, u hu kontinwament onora lil Ġeħova bħala l-Mexxej Suprem tal-poplu Tiegħu.

21. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

21 Ġeħova ried li Ġesù jkun Mexxej għal iktar minn ftit snin biss. Wara li rxoxta, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Lili ngħatat kull awtorità fis-sema u fuq l-art.” Hu żied: “U, ara, jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mattew 28:18-20) Imma kif jistaʼ Ġesù jmexxi l-poplu t’Alla fuq l-art meta hu persuna inviżibbli fis-sema? Lil min kien se juża Ġeħova biex jirrappreżenta lil Ġesù fuq l-art? U l-Kristjani kif kienu se jagħrfu lil dawk li jirrappreżentaw lil Alla? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.

^ par. 12 Dan setaʼ kien id-dokument oriġinali miktub minn Mosè.