Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-iskop taʼ Ġeħova se jitwettaq!

L-iskop taʼ Ġeħova se jitwettaq!

“Jien għedtu dan; jien inġiegħlu jseħħ. Jien sawwartu, u jien inwettqu.”—ISAIJA 46:11.

GĦANJIET: 147,  149

1, 2. (a) Ġeħova xi wriena? (b) Liema wegħda nsibu f’Isaija 46:10, 11 u 55:11?

PROPRJU l-ewwel kliem tal-Bibbja jagħmel din l-istqarrija sempliċi imma profonda: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” (Ġenesi 1:1) Aħna rajna biss ftit mill-ħafna affarijiet li Alla ħalaq fl-univers, u nifhmu ftit li xejn dwar affarijiet bħall-ispazju, id-dawl, u l-gravità. (Ekkleżjasti 3:11) Imma Ġeħova wriena x’inhu l-iskop tiegħu għall-art u għall-bnedmin. Hu ħalaq lill-bnedmin fix-xbieha tiegħu u riedhom jieħdu gost jgħixu fuq l-art. (Ġenesi 1:26) Kienu se jkunu wliedu, u hu kien se jkun Missierhom.

2 Mit-tielet kapitlu tal-Ġenesi nitgħallmu li l-iskop taʼ Ġeħova ġie sfidat. (Ġenesi 3:1-7) Minkejja dan, m’hemm l-ebda problema li Ġeħova ma jistax isolvi. Ħadd ma jistaʼ jwaqqfu. (Isaija 46:10, 11; 55:11) Nistgħu nkunu ċerti li l-iskop oriġinali tiegħu se jitwettaq eżattament f’waqtu!

3. (a) Liema tagħlim importanti jgħinna nifhmu l-messaġġ tal-Bibbja? (b) Għala se niddiskutu dan it-tagħlim? (ċ) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Bla dubju, aħna nafu x’inhu l-iskop t’Alla għall-art u għall-bnedmin, kif ukoll x’inhu l-irwol taʼ Ġesù f’dan l-iskop. Dawn huma veritajiet tal-Bibbja importanti ħafna u wisq probabbli huma l-ewwel veritajiet li tgħallimna meta bdejna nistudjaw il-Kelma t’Alla. Issa rridu ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dan it-tagħlim ferm importanti. Għandna opportunità speċjali biex nagħmlu dan matul dan iż-żmien tas-sena, meta nkunu qed nistiednu lin-nies biex jattendu t-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. (Luqa 22:19, 20) Jekk jiġu għal dan l-avveniment importanti, se jitgħallmu iktar dwar l-iskop meraviljuż t’Alla. Allura, issa huwa l-aħjar żmien biex naħsbu dwar mistoqsijiet speċifiċi li nistgħu nużaw biex ninkuraġġixxu lin-nies jattendu. F’dan l-artiklu, se nikkunsidraw tliet mistoqsijiet: X’inhu l-iskop t’Alla għall-art u għall-bnedmin? X’mar ħażin? U s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa għala hu l-mezz li permezz tiegħu se jitwettaq l-iskop t’Alla?

X’KIEN L-ISKOP TAL-ĦALLIEQ?

4. Il-ħolqien kif qed ‘jiddikjara l-glorja t’Alla’?

4 Ġeħova hu Ħallieq tal-għaġeb. Dak kollu li ħalaq hu tal-ogħla livell. (Ġenesi 1:31; Ġeremija 10:12) X’nistgħu nitgħallmu mis-sbuħija u l-ordni li naraw fil-ħolqien? Nitgħallmu li mill-iċken sal-akbar ħaġa li ħalaq Ġeħova, hi taʼ ġid. Ukoll, kif tħossok meta taħseb dwar il-meravilja taċ-ċellula umana, jew tara tarbija tat-twelid, jew il-ġmiel taʼ nżul ix-xemx? Aħna nistagħġbu b’dawn l-affarijiet għax Ġeħova ħalaqna bl-abbiltà li nkunu nafu x’inhu sabiħ verament.—Aqra Salm 19:1; 104:24.

5. Ġeħova x’għamel sabiex il-ħolqien tiegħu kollu jkun jistaʼ jaħdem sew flimkien?

5 Ġeħova b’attenzjoni għamel limiti għall-ħolqien tiegħu kollu. Għamel liġijiet fin-natura kif ukoll liġijiet morali. Hu għamel dawn il-liġijiet ħalli kulma hemm fl-univers ikun jistaʼ jaħdem sew flimkien. (Salm 19:7-9) L-affarijiet kollha fl-univers għandhom post u xogħol għalihom. Pereżempju, il-liġi tal-gravità żżomm l-atmosfera viċin tal-art u tikkontrolla l-oċeani u l-marea (tide). Mingħajr il-gravità, il-ħajja fuq l-art ma tkunx possibbli. Il-limiti li Ġeħova stabbilixxa fin-natura jwasslu għal ordni perfett fl-univers. Dan juri li hu għandu skop għall-art u għall-bnedmin. Fil-ministeru tagħna, nistgħu ngħinu oħrajn ħalli jsiru jafu l-Ħallieq taʼ dan l-univers meraviljuż.—Rivelazzjoni 4:11.

6, 7. X’inhuma xi għotjiet li Ġeħova ta lil Adam u Eva?

6 L-iskop taʼ Ġeħova għall-bnedmin kien li jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġenesi 1:28; Salm 37:29) Hu ġeneruż u ta lil Adam u Eva varjetà t’għotjiet prezzjużi. (Aqra Ġakbu 1:17.) Ġeħova tahom il-libertà tal-għażla u l-abbiltà li jirraġunaw, iħobbu, u jgawdu ħbiberiji. Il-Ħallieq kellem lil Adam u għallmu kif jagħmel dak li hu tajjeb. Adam tgħallem ukoll jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, l-annimali, u l-art. (Ġenesi 2:15-17, 19, 20) Ġeħova ta lil Adam u Eva l-abbiltà li jtiegħmu, imissu, jaraw, jisimgħu, u jxommu l-affarijiet tajbin li hu għamel għalihom. B’dan il-mod, setgħu jgawdu l-ħajja fuq l-art sabiħa li kienu se jgħixu fiha. Adam u Eva kellhom ħafna xogħol interessanti x’jagħmlu. U huma setgħu jkomplu jitgħallmu u jiskopru affarijiet ġodda għal dejjem.

7 X’kien hemm iktar li kien parti mill-iskop t’Alla? Ġeħova ta lil Adam u Eva l-abbiltà li jkollhom tfal perfetti. U wliedhom ukoll kien se jkollhom it-tfal, sakemm il-bnedmin jimlew l-art kollha. Ġeħova ried lill-ġenituri jħobbu lil uliedhom, bħalma hu ħabb l-ewwel ulied umani perfetti tiegħu, Adam u Eva. Hu ta l-art u kull ħaġa prezzjuża u sabiħa li fiha lill-familja umana. Din kienet se tkun id-dar tagħhom, u qatt ma kienet se tittieħed mingħandhom.—Salm 115:16.

X’MAR ĦAŻIN?

8. Alla għala ta lil Adam u Eva l-liġi li tinsab f’Ġenesi 2:16, 17?

8 L-affarijiet ma marrux mill-ewwel kif ried Ġeħova. X’ġara? Ġeħova ta lil Adam u Eva liġi sempliċi ħalli huma jkunu jafu l-limiti tal-libertà tagħhom. Hu qal: “Minn kull siġra tal-ġnien tistaʼ tiekol sakemm tixbaʼ. Imma mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Din il-liġi ma kinitx diffiċli għalihom biex jifhmuha. U ma kienx se jkun diffiċli għalihom li jobdu, ladarba kien hemm abbundanza taʼ ikel delizzjuż ieħor fil-ġnien.

9, 10. (a) Satana biex akkużah lil Ġeħova? (b) Adam u Eva xi ddeċidew li jagħmlu? (Ara l-ewwel stampa.)

9 Satana x-Xitan uża serp biex iqarraq b’Eva ħalli ma tobdix lil Missierha, Ġeħova. (Aqra Ġenesi 3:1-5; Rivelazzjoni 12:9) Satana qajjem kwistjoni dwar il-fatt li l-ulied umani t’Alla ma tħallewx jieklu “minn kull siġra tal-ġnien.” Kien bħallikieku qed jgħid: ‘Trid tgħid li ma tistgħux tagħmlu li tridu?’ Imbagħad, qalilha: “Żgur li ma tmutux.” Din kienet gidba. Wara pprova jikkonvinċi lil Eva li ma kellhiex għalfejn tismaʼ minn Alla. Satana qal: “Alla jaf li fil-jum li tieklu minnu għajnejkom jinfetħu.” Satana kien qed jgħid li Ġeħova ma ridhomx jieklu mill-frott għax dan kien se jagħtihom xi għarfien speċjali. Fl-aħħar, hu għamel din il-wegħda falza: Se “tkunu bħal Alla, tagħrfu t-tajjeb u l-ħażin.”

10 Adam u Eva kellhom jiddeċiedu x’kienu se jagħmlu. Kienu se jobdu lil Alla jew kienu se jagħtu widen lis-serp? B’dispjaċir, iddeċidew li ma jobdux lil Alla. Huma ċaħdu lil Ġeħova bħala Missierhom u ngħaqdu maʼ Satana. Issa kienu waħedhom mingħajr il-protezzjoni taʼ Ġeħova.—Ġenesi 3:6-13.

11. Ġeħova għala ma setax jinjora d-dnub taʼ Adam u Eva?

11 Meta Adam u Eva kisru l-liġi t’Alla, ma baqgħux perfetti. Iktar minn hekk, huma saru għedewwa t’Alla għax hu jobgħod il-ħażen. ‘Għajnejh puri wisq biex jara dak li hu ħażin.’ (Ħabakkuk 1:13) Li kieku Ġeħova m’għamel xejn dwar id-dnub taʼ Adam u Eva, is-saħħa u l-kuntentizza tal-ħolqien kollu tiegħu kienu se jiġu mheddin. Kemm l-anġli kif ukoll il-bnedmin kienu se jitħassbu dwar jekk setgħux jistrieħu fuq kelmtu. Imma Ġeħova huwa leali lejn il-livelli tiegħu stess; hu qatt ma jiksirhom. (Salm 119:142) Għalkemm Adam u Eva kellhom il-libertà tal-għażla, ma setgħux jevitaw il-konsegwenzi tal-fatt li rribellaw kontra Ġeħova. Eventwalment huma mietu u reġgħu saru trab li minnu kienu maħluqin.—Ġenesi 3:19.

12. Xi ġralhom ulied Adam?

12 Meta Adam u Eva kielu mill-frott, Ġeħova ma setax jaċċettahom iktar bħala parti mill-familja tiegħu. Hu keċċiehom ’il barra mill-ġnien tal-Għeden, u qatt ma setgħu jerġgħu lura hemm. (Ġenesi 3:23, 24) Ġeħova ġegħelhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi għad-deċiżjoni tagħhom. (Aqra Dewteronomju 32:4, 5.) B’hekk, ma setgħux ikomplu jimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova perfettament. Adam tilef futur meraviljuż mhux biss għalih imma wkoll għal uliedu. Hu setaʼ jagħtihom biss l-imperfezzjoni, id-dnub, u l-mewt. (Rumani 5:12) Adam ħadilhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem. Adam u Eva ma setgħux ikollhom tfal perfetti, u lanqas uliedhom ma setaʼ jkollhom tfal perfetti. Minn meta Satana dawwar lil Adam u Eva kontra Alla, ix-Xitan ipprova jinfluwenza lil kull uman biex jagħmel l-istess.—Ġwanni 8:44.

IL-ĦBIBERIJA M’ALLA POSSIBBLI PERMEZZ TAL-FIDWA

13. Ġeħova xi jrid għall-bnedmin?

13 Ġeħova xorta baqaʼ jħobb lill-bnedmin. Għalkemm Adam u Eva abbandunawh, hu xorta ried li l-bnedmin ikollhom relazzjoni tajba miegħu. U hu ma ried l-ebda wieħed minnhom imut. (2 Pietru 3:9) Għalhekk, Alla immedjatament għamel arranġamenti ħalli l-bnedmin setaʼ jerġaʼ jkollhom ħbiberija miegħu. Kif setaʼ jagħmel dan mingħajr ma jmur kontra l-livelli tiegħu stess? Ejja naraw.

Wara li Adam u Eva abbandunawh, Alla immedjatament għamel arranġamenti għall-bnedmin biex jerġaʼ jkollhom ħbiberija miegħu

14. (a) Skont Ġwanni 3:16, Alla x’għamel biex isalva lill-bnedmin mid-dnub u l-mewt? (b) Liema mistoqsija nistgħu niddiskutu man-nies?

14 Aqra Ġwanni 3:16. Ħafna min-nies li nistiednu għat-Tifkira jafu dan il-vers bl-amment. Imma s-sagrifiċċju taʼ Ġesù kif jagħmel il-ħajja taʼ dejjem possibbli? Għandna l-opportunità li ngħinu lin-nies jifhmu t-tweġiba għal din il-mistoqsija meta nistidnuhom għat-Tifkira, waqt li nkunu magħhom fit-Tifkira, u meta nżuruhom iktar tard. Iktar ma jifhmu l-fidwa, iktar se jirrealizzaw kemm Ġeħova jħobb lill-bnedmin u kemm hu għaref. Liema punti nistgħu naqsmu magħhom dwar il-fidwa?

15. Ġesù kif kien differenti minn Adam?

15 Ġeħova pprovda raġel perfett li setaʼ jagħti ħajtu bħala fidwa. Dan ir-raġel perfett kellu jkun leali lejn Ġeħova. Kellu jkun lest li jagħti ħajtu għall-bnedmin. (Rumani 5:17-19) Ġeħova ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ġesù, l-ewwel ħolqien tiegħu, mis-sema għal fuq l-art. (Ġwanni 1:14) Allura Ġesù sar raġel perfett, l-istess bħalma kien Adam. Imma b’differenza għal Adam, Ġesù mexa skont il-livelli li Ġeħova stenna minn raġel perfett. Anke fl-iktar provi kbar, hu qatt ma kiser xi liġi t’Alla.

16. Il-fidwa għala hi għotja ferm prezzjuża?

16 Peress li miet bħala raġel perfett, Ġesù setaʼ jsalva lill-bnedmin mid-dnub u l-mewt. Hu kkorrisponda bl-eżatt maʼ dak kollu li suppost kellu jkun Adam. Ġesù kien raġel perfett, leali għalkollox u ubbidjenti lejn Alla. (1 Timotju 2:6) Hu miet għalina, u s-sagrifiċċju tiegħu jagħti lill-irġiel, lin-nisa, u lit-tfal kollha l-opportunità li jgħixu għal dejjem. (Mattew 20:28) Il-fidwa hi l-mezz li jagħmilha possibbli li l-iskop t’Alla jitwettaq.—2 Korintin 1:19, 20.

ĠEĦOVA FETĦILNA T-TRIQ BIEX NERĠGĦU LURA GĦANDU

17. Il-fidwa x’tagħmel possibbli?

17 Ġeħova ħallas prezz kbir biex ipprovda l-fidwa. (1 Pietru 1:19) Tant iqisna taʼ valur li kien lest li jħalli lil Ibnu għażiż imut għalina. (1 Ġwanni 4:9, 10) F’ċertu sens, Ġesù sar missierna minflok Adam. (1 Korintin 15:45) Ġesù mhux biss għamilhielna possibbli li ngħixu għal dejjem imma wkoll li xi darba nerġgħu lura fil-familja t’Alla. Permezz tal-fidwa, il-bnedmin se jsiru perfetti u Ġeħova jistaʼ jaċċettahom lura fil-familja tiegħu mingħajr ma jikser il-liġijiet tiegħu stess. Immaġina kemm se tkun ħaġa mill-isbaħ meta dawk kollha leali lejn Ġeħova jsiru perfetti! Fl-aħħar, dawk kollha fis-sema u fuq l-art se jkunu magħqudin bħala familja waħda. Ilkoll kemm aħna se nkunu wlied Alla.—Rumani 8:21.

18. Ġeħova meta se jsir “kollox għal kulħadd”?

18 Għalkemm l-ewwel ġenituri tagħna ċaħdu lil Ġeħova, hu ma waqafx iħobb lin-nies u pprovda l-fidwa. Minkejja li aħna imperfetti, Satana ma jistax iwaqqafna milli nkunu leali lejn Ġeħova. Permezz tal-fidwa, Ġeħova se jgħinna nsiru kompletament ġusti. Immaġina kif se tkun il-ħajja meta kull min “jara lill-Iben u jeżerċita l-fidi fih” ikollu l-ħajja taʼ dejjem! (Ġwanni 6:40) Missierna kollu mħabba u għerf se jwettaq l-iskop tiegħu u se jgħin lill-bnedmin isiru perfetti. Ġeħova mbagħad se jsir “kollox għal kulħadd.”—1 Korintin 15:28.

19. (a) Il-gratitudni għall-fidwa x’għandha timmotivana nagħmlu? (Ara l-kaxxa “ Ejja nibqgħu nfittxu lil min jistħoqqlu.”) (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

19 Il-gratitudni tagħna għall-fidwa għandha timmotivana ngħidu lil oħrajn dwar din l-għotja imprezzabbli. In-nies jeħtieġu jkunu jafu li permezz tal-fidwa, Ġeħova bi mħabba joffri lill-umanità kollha l-opportunità li jgħixu għal dejjem. Imma l-fidwa tagħmel ħafna iktar minn hekk. Din issolvi l-kwistjoni li qajjem Satana fil-ġnien tal-Għeden. Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw kif il-fidwa tagħmel dan.