Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Min qed imexxi l-poplu t’Alla llum?

Min qed imexxi l-poplu t’Alla llum?

“Ftakru f’dawk li qed imexxu fostkom.”EBREJ 13:7.

GĦANJIET: 125, 43

1, 2. Wara li Ġesù mar is-sema, l-appostli dwar xiex setgħu tħassbu?

L-APPOSTLI taʼ Ġesù kienu fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ u kienu qed iħarsu lejn is-sid u l-ħabib tagħhom, Ġesù, waqt li ntrefaʼ ’l fuq lejn is-sema u għattietu sħaba. (Atti 1:9, 10) Għal madwar sentejn, Ġesù kien għallimhom, inkuraġġiehom, u mexxiehom. Imma issa ma kienx għadu hemm. X’kienu se jagħmlu?

2 Qabel ma mar is-sema, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Kif qatt setgħu jagħmlu dax-xogħol? Ġesù kien wiegħed li l-ispirtu qaddis t’Alla kien se jgħinhom. (Atti 1:5) Imma min kien se jidderiġihom u jorganizza x-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja? L-appostli kienu jafu li Ġeħova kien uża rġiel biex imexxu l-Iżraelin fil-passat. Allura setgħu tħassbu jekk Ġeħova issa kienx se jagħżel mexxej ġdid.

3. (a) Wara li Ġesù mar is-sema, x’deċiżjoni importanti ħadu l-appostli leali? (b) X’mistoqsijiet se jitwieġbu f’dan l-artiklu?

3 Ftit wara li Ġesù mar is-sema, id-dixxipli tiegħu raw x’tgħid l-Iskrittura, talbu lil Alla għall-għajnuna, u għażlu lil Mattija biex jieħu post Ġuda l-Iskarjota bħala t-12-il wieħed mill-appostli. (Atti 1:15-26) Din l-għażla għala kienet tant importanti għalihom u għal Ġeħova? Id-dixxipli rrealizzaw li kellu jkun hemm 12-il appostlu. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Ġesù kien għażel l-appostli u ħarriġhom għal irwol importanti ħafna fost il-poplu t’Alla. X’kien dan l-irwol, u Ġeħova u Ġesù kif ippreparawhom għalih? X’arranġament simili jeżisti llum? U kif nistgħu ‘niftakru f’dawk li qed imexxu’ fostna, speċjalment “l-ilsir leali u għaqli”?—Ebrej 13:7; Mattew 24:45.

ĠESÙ JMEXXI L-ĠEMGĦA LI TIGGVERNA

4. Xi rwol kellhom l-appostli u anzjani oħrajn f’Ġerusalemm?

4 L-appostli bdew imexxu fil-kongregazzjoni Kristjana f’Pentekoste tas-sena 33. Il-Bibbja tgħid li “Pietru, flimkien mal-ħdax, qam bil-wieqfa” u għallem veritajiet li jsalvaw il-ħajja lil folla kbira. (Atti 2:14, 15) Ħafna nies minn din il-folla saru Kristjani. Wara dan, dawn il-Kristjani ġodda “baqgħu jingħataw għat-tagħlim taʼ l-appostli.” (Atti 2:42) L-appostli kienu responsabbli għal li jieħdu ħsieb il-flus tal-kongregazzjoni. (Atti 4:34, 35) Ukoll, huma għallmu lin-nies t’Alla u talbu għalihom, u qalu: “Aħna ningħataw għat-talb u għall-ministeru tal-kelma.” (Atti 6:4) U bagħtu Kristjani tal-esperjenza jippritkaw f’territorji ġodda. (Atti 8:14, 15) Iktar tard, anzjani midlukin oħra ngħaqdu mal-appostli f’li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni. Bħala ġemgħa li tiggverna, huma taw direzzjoni lill-kongregazzjonijiet kollha.—Atti 15:2.

Il-Kristjani fl-ewwel seklu kienu jafu li Ġeħova kien qed jidderieġi l-ġemgħa li tiggverna permezz taʼ Ġesù

5, 6. (a) L-ispirtu qaddis kif ta l-qawwa lill-ġemgħa li tiggverna? (Ara l-ewwel stampa.) (b) L-anġli kif għenu lill-ġemgħa li tiggverna? (ċ) Il-Kelma t’Alla kif iggwidat lill-ġemgħa li tiggverna?

5 Il-Kristjani fl-ewwel seklu kienu jafu li Ġeħova kien qed jidderieġi l-ġemgħa li tiggverna permezz taʼ Ġesù. Kif setgħu jkunu ċerti? L-ewwel, l-ispirtu qaddis ta l-qawwa lill-ġemgħa li tiggverna. (Ġwanni 16:13) Il-Kristjani midlukin kollha rċivew l-ispirtu qaddis, imma dan ta l-qawwa speċifikament lill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm biex iwettqu l-irwol tagħhom bħala indokraturi. Pereżempju, fis-sena 49, l-ispirtu qaddis iggwida l-ġemgħa li tiggverna biex tieħu deċiżjoni dwar iċ-ċirkonċiżjoni. Il-kongregazzjonijiet segwew din id-direzzjoni. B’hekk, huma “komplew jissodaw fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd minn jum għall-ieħor.” (Atti 16:4, 5) Mill-ittra lill-kongregazzjonijiet dwar iċ-ċirkonċiżjoni, nistgħu naraw li l-ġemgħa li tiggverna kellha l-ispirtu t’Alla u wriet kwalitajiet bħall-imħabba u l-fidi.—Atti 15:11, 25-29; Galatin 5:22, 23.

6 It-tieni, l-anġli għenu lill-ġemgħa li tiggverna. Pereżempju, anġlu qal lil Kornelju biex isib lill-appostlu Pietru. Wara li Pietru pprietka lil Kornelju u lil qrabatu, huma rċivew l-ispirtu qaddis, allavolja l-irġiel ma kinux għadhom ġew ċirkonċiżi. B’hekk, Kornelju sar l-ewwel Ġentil mhux ċirkonċiż li sar Kristjan. Meta l-appostli u aħwa oħrajn semgħu dwar dan, huma aċċettaw ir-rieda t’Alla u laqgħu lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi fil-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 11:13-18) Minn dan, nistgħu naraw li l-anġli b’mod attiv appoġġjaw ix-xogħol tal-ippritkar li l-ġemgħa li tiggverna kienet qed tidderieġi. (Atti 5:19, 20) It-tielet, il-Kelma t’Alla ggwidat lill-ġemgħa li tiggverna. Dawn l-irġiel użaw l-Iskrittura biex tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet importanti dwar twemmin Kristjan u biex jidderieġu l-kongregazzjonijiet.—Atti 1:20-22; 15:15-20.

7. Għala nistgħu ngħidu li Ġesù mexxa l-Kristjani tal-bidu?

7 Għalkemm il-ġemgħa li tiggverna kellha awtorità, il-membri tagħha fehmu li Ġesù Kristu kien il-Mexxej tagħhom. Dan kif nafuh? L-appostlu Pawlu qal li Kristu kien li għażel “xi wħud bħala appostli.” Hu qal ukoll li Kristu kien “il-kap,” jew il-Mexxej, tal-kongregazzjoni. (Efesin 4:11, 15) U minflok ma semmew lilhom infushom għal xi appostlu, “id-dixxipli, bid-direzzjoni divina, bdew jissejħu Kristjani.” (Atti 11:26) Pawlu kien jaf li kien importanti li jsegwi t-tagħlim ibbażat fuq il-Bibbja mogħti mill-appostli u rġiel oħra li kellhom it-tmexxija. Xorta waħda, Pawlu qal: “Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu.” Din l-istqarrija inkludiet lil kull membru tal-ġemgħa li tiggverna. Imbagħad Pawlu żied jgħid: “Il-kap tal-Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:2, 3) Biċ-ċar, Ġeħova kien ħatar lil Ibnu, Kristu Ġesù, biex imexxi l-kongregazzjoni.

“DAN MHUX XOGĦOL IL-BNIEDEM”

8, 9. Xi rwol importanti kellu Ħuna Russell?

8 B’seħħ mill-1870, Charles Taze Russell u xi ħbieb tiegħu bdew jipprovaw iqimu lil Alla skont il-Bibbja u jgħinu lil oħrajn jagħmlu dan. Dan inkluda li jgħinu nies li tkellmu b’lingwi differenti. Allura, Zion’s Watch Tower Tract Society fformat legalment fl-1884, u Ħuna Russell sar il-president. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Hu studja l-Bibbja b’attenzjoni kbira u ma beżax jgħid lil oħrajn li t-tagħlim tal-knisja bħat-Trinità u l-immortalità tar-ruħ ma kienx fil-Bibbja. Hu tgħallem li meta Kristu jerġaʼ jiġi kien se jkun inviżibbli u li “ż-żminijiet stabbiliti tal-ġnus” kienu se jispiċċaw fl-1914. (Luqa 21:24) Ħuna Russell uża l-ħin, l-enerġija, u l-flus tiegħu biex jgħallem dawn il-veritajiet lil oħrajn. Huwa ċar li Ġeħova u Ġesù użaw lil Ħuna Russell biex jieħu t-tmexxija fi żmien importanti tal-istorja.

9 Ħuna Russell ma riedx xi attenzjoni speċjali m’għand in-nies. Fl-1896, kiteb li hu u rġiel responsabbli oħra ma riedu li jiġu onorati bl-ebda mod. Huma ma riedu li jingħataw ebda titlu speċjali, u ma ridux li xi grupp jiġi msejjaħ b’isimhom. Iktar tard hu qal: “Dan mhux xogħol il-bniedem.”

“L-ilsir leali u għaqli” hu grupp żgħir t’aħwa rġiel midlukin li jifformaw il-Ġemgħa li Tiggverna

10. (a) Ġesù meta ħatar “l-ilsir leali u għaqli”? (b) Spjega kif intgħamlet ċara li l-Ġemgħa li Tiggverna kienet differenti mill-Watch Tower Society.

10 Fl-1919, tliet snin wara l-mewt taʼ Ħuna Russell, Ġesù ħatar “l-ilsir leali u għaqli.” Għal liema skop? Biex jagħti lis-segwaċi tiegħu “l-ikel fiż-żmien xieraq.” (Mattew 24:45) Anki matul dawn is-snin tal-bidu, grupp żgħir t’aħwa midlukin mill-kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York, ipprovdew ikel spiritwali għas-segwaċi taʼ Ġesù. L-espressjoni “ġemgħa li tiggverna” bdiet tidher fil-pubblikazzjonijiet tagħna wara l-1940. Dak iż-żmien, il-ġemgħa li tiggverna kellha konnessjoni mill-qrib maʼ diretturi tal-Watch Tower Bible and Tract Society. Madankollu, fl-1971, intgħamlet ċara li l-Ġemgħa li Tiggverna kienet differenti mill-Watch Tower Society, li kienet responsabbli għal kwistjonijiet legali biss. Minn dakinhar ’il quddiem, aħwa midlukin setgħu jsiru parti mill-Ġemgħa li Tiggverna mingħajr ma jkunu diretturi tas-Soċjetà. Iktar reċenti, aħwa responsabbli tan-“nagħaġ oħrajn” qdew bħala diretturi tas-Soċjetà u taʼ korporazzjonijiet oħra użati mill-poplu t’Alla. B’hekk, il-Ġemgħa li Tiggverna tistaʼ tiffoka fuq li tipprovdi istruzzjoni u direzzjoni Biblika. (Ġwanni 10:16; Atti 6:4) It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 2013 spjega li “l-ilsir leali u għaqli” hu grupp żgħir t’aħwa midlukin li jifformaw il-Ġemgħa li Tiggverna.

Il-ġemgħa li tiggverna fis-snin 50

11. Il-Ġemgħa li Tiggverna kif tieħu deċiżjonijiet?

11 Il-Ġemgħa li Tiggverna tieħu deċiżjonijiet importanti bħala grupp meta l-membri jiltaqgħu flimkien kull ġimgħa. Li jiltaqgħu b’dal-mod jgħinhom ikollhom komunikazzjoni mill-qrib u jibqgħu magħqudin. (Proverbji 20:18) L-ebda membru tal-Ġemgħa li Tiggverna mhu importanti iktar mill-membri l-oħra, allura kull sena ħu differenti jieħu t-tmexxija f’dawn il-laqgħat. (1 Pietru 5:1) Dan hu l-każ ukoll f’kull wieħed mis-sitt kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna. L-ebda membru tal-Ġemgħa li Tiggverna ma jħossu li hu l-mexxej taʼ ħutu. Kull wieħed minnhom hu wkoll wieħed mill-qaddejja tad-dar u jirċievi ikel spiritwali mill-ilsir leali u jsegwi d-direzzjoni tiegħu.

Minn mindu nħatar l-ilsir leali fl-1919, hu pprepara ikel spiritwali għan-nies t’Alla (Ara paragrafi 10, 11)

“MIN HU TASSEW L-ILSIR LEALI U GĦAQLI?”

12. Issa x’mistoqsijiet se nwieġbu?

12 Il-Ġemgħa li Tiggverna la hi ispirata u lanqas perfetta. Hi tistaʼ tieħu żbalji meta tispjega l-Bibbja jew tidderieġi l-organizzazzjoni. Pereżempju, il-Watch Tower Publications Index jinkludi s-suġġett “Beliefs Clarified,” li jagħti lista t’aġġustamenti fil-fehma tagħna tal-Bibbja sa mill-1870. Ġesù ma qalilniex li l-ilsir leali tiegħu kien se jipproduċi ikel spiritwali perfett. Mela kif nistgħu nwieġbu l-mistoqsija taʼ Ġesù: “Min hu tassew l-ilsir leali u għaqli?” (Mattew 24:45) X’evidenza hemm li l-Ġemgħa li Tiggverna hi l-ilsir leali? Ejja nikkunsidraw l-istess tliet affarijiet li għenu lill-ġemgħa li tiggverna fi żmien l-appostli.

13. L-ispirtu qaddis kif għen lill-Ġemgħ a li Tiggverna?

13 L-ispirtu qaddis jgħin lill-Ġemgħa li Tiggverna. L-ispirtu qaddis għen lill-Ġemgħa li Tiggverna tifhem veritajiet Bibliċi li ma kinux mifhumin qabel. Pereżempju, ikkunsidra l-lista taʼ twemmin iċċarat li diġà ssemmiet. L-ebda bniedem ma setaʼ jifhem u jispjega waħdu dawn “l-affarijiet profondi t’Alla”! (Aqra l-1 Korintin 2:10.) Il-Ġemgħa li Tiggverna tħossha bħalma ħassu l-appostlu Pawlu, li kiteb: “U bl-istess mod dan ma nitkellmuhx bi kliem mgħallem mill-għerf tal-bniedem, imma bi kliem mgħallem mill-ispirtu.” (1 Korintin 2:13) Wara mijiet taʼ snin taʼ tagħlim falz u mingħajr direzzjoni ċara, għala kien hawn żieda bħal din fil-fehma tal-Bibbja mill-1919 ’l hawn? Ir-raġuni tistaʼ biss tkun li Alla kien qed jgħin bl-ispirtu qaddis tiegħu!

14. Skont Rivelazzjoni 14:6, 7, l-anġli kif jgħinu lill-Ġemgħa li Tiggverna u lin-nies t’Alla llum?

14 L-anġli jgħinu lill-Ġemgħa li Tiggverna. Il-Ġemgħa li Tiggverna għandha r-responsabbiltà enormi taʼ li tidderieġi ’l fuq minn tmien miljun pubblikatur fix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja. Dan ix-xogħol għala kien taʼ tant suċċess? Raġuni waħda hi l-appoġġ tal-anġli. (Aqra Rivelazzjoni 14:6, 7.) F’ħafna każi, l-anġli dderiġew pubblikaturi lejn persuna li kienet għadha kif talbet lil Alla għall-għajnuna! * (Ara n-nota taʼ taħt.) Ix-xogħol tal-ippritkar u t-tagħlim jibqaʼ jikber saħansitra fejn hemm oppożizzjoni ħarxa. Dan hu wkoll possibbli biss bl-għajnuna mill-anġli.

15. Il-Ġemgħa li Tiggverna kif inhi differenti mill-mexxejja tal-Kristjaneżmu? Agħti eżempju.

15 Il-Kelma t’Alla tiggwida lill-Ġemgħa li Tiggverna. (Aqra Ġwanni 17:17.) Ikkunsidra x’ġara fl-1973. Il-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Ġunju bl-Ingliż staqsiet jekk “persuni li għadhom ma qatgħux il-vizzju tat-tabakk jikkwalifikawx għall-magħmudija.” It-tweġiba li tat għal din il-mistoqsija kienet ibbażata fuq prinċipji Bibliċi, u kienet le! It-Torri tal-Għassa kkwota diversi skritturi u spjega għala persuna li ma kinitx se tieqaf tpejjep għandha tiġi maqtugħa mis-sħubija. (1 Korintin 5:7; 2 Korintin 7:1) Qal li dan il-livell strett ma jiġix mill-bniedem imma “minn Alla, li esprima ruħu permezz tal-Kelma miktuba tiegħu.” L-ebda organizzazzjoni reliġjuża oħra ma kienet lesta li tistrieħ daqshekk fuq il-Kelma t’Alla saħansitra meta dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna għal xi membri tagħha. Ktieb reċenti dwar ir-reliġjon fl-Istati Uniti jgħid: “Mexxejja Kristjani rrivedew regolarment it-tagħlim tagħhom biex jaraw li jaqbel mat-twemmin u opinjonijiet, biex b’hekk jiksbu appoġġ minn fost il-membri tagħhom u mill-maġġoranza tan-nies.” Madankollu, il-Ġemgħa li Tiggverna mhix gwidata minn dak li l-iktar jogħġob lin-nies. Minflok, il-membri tagħha huma ggwidati mill-Kelma t’Alla, li juri li Ġeħova hu l-wieħed li qed jiggwida verament lin-nies tiegħu llum.

“FTAKRU F’DAWK LI QED IMEXXU”

16. X’inhu mod wieħed kif niftakru fil-Ġemgħa li Tiggverna?

16 Aqra Ebrej 13:7. Il-Bibbja tgħid biex ‘niftakru f’dawk li qed imexxu.’ Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu billi nsemmu l-Ġemgħa li Tiggverna fit-talb tagħna. (Efesin 6:18) Huma għandhom ħafna responsabbiltajiet, fosthom li jipprovdu l-ikel spiritwali, jidderieġu x-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja, u jieħdu ħsieb id-donazzjonijiet li jintgħamlu lill-organizzazzjoni. Mela verament għandhom bżonn it-talb regolari tagħna!

17, 18. (a) Kif insegwu d-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna? (b) L-ippritkar tagħna kif jappoġġja lill-Ġemgħa li Tiggverna u lil Ġesù?

17 Nistgħu wkoll niftakru fil-Ġemgħa li Tiggverna billi nsegwu l-istruzzjonijiet u d-direzzjoni tagħha. Il-Ġemgħa li Tiggverna tagħtina direzzjoni permezz tal-pubblikazzjonijiet, laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet tagħna. Ukoll, taħtar indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, li mbagħad jaħtru anzjani. Billi b’attenzjoni jsegwu d-direzzjonijiet li jingħatawlhom, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u l-anzjani juru li jiftakru fil-Ġemgħa li Tiggverna. U lkoll kemm aħna nuru rispett lejn il-Mexxej tagħna, Ġesù, billi nobdu lill-irġiel li qed juża llum.—Ebrej 13:17.

18 Mod ieħor taʼ kif nistgħu niftakru fil-Ġemgħa li Tiggverna hu billi nagħmlu l-almu tagħna fix-xogħol tal-ippritkar. Ebrej 13:7 jħeġġeġ lill-Kristjani biex jimitaw il-fidi taʼ dawk li qed imexxu. Il-Ġemgħa li Tiggverna wriet fidi kbira billi b’żelu tipprietka u tippromwovi l-aħbar tajba. Qegħdin aħna nappoġġjaw lil dawn l-aħwa f’dan ix-xogħol importanti? Jekk iva, se nħossuna ferħanin meta nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Kulmeta għamiltu dan maʼ wieħed mill-iżgħar minn dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”—Mattew 25:34-40.

19. Għaliex int determinat li ssegwi l-Mexxej tagħna, Ġesù?

19 Meta Ġesù reġaʼ lura s-sema, hu m’abbandunax lis-segwaċi tiegħu. (Mattew 28:20) Kien jaf li l-ispirtu qaddis, l-anġli, u l-Kelma t’Alla għenuh jieħu t-tmexxija meta kien fuq l-art. Hu jagħti l-istess għajnuna lill-ilsir leali llum. Il-Ġemgħa li Tiggverna tibqaʼ ‘miexja wara l-Ħaruf,’ Ġesù, “kulfejn imur.” (Rivelazzjoni 14:4) Mela meta nsegwu d-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna, inkunu qed insegwu l-Mexxej tagħna, Ġesù. Hu dalwaqt se jiggwidana lejn il-ħajja taʼ dejjem. (Rivelazzjoni 7:14-17) U l-ebda mexxej uman ma jistaʼ jwiegħed dan!

^ par. 3 Jidher li Ġeħova ried li jkollu 12-il appostlu biex jifformaw it-“tnax-il ġebla tal-pedament” taʼ Ġerusalemm il-Ġdida fil-futur. (Rivelazzjoni 21:14) Dan hu għala ma kienx hemm bżonn li xi ħadd jieħu post xi appostlu leali li iktar tard miet.

^ par. 8 Mill-1955 ’l hawn, din il-korporazzjoni kienet magħrufa bħala Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania.

^ par. 14 Ara l-ktieb Nagħtu Xhieda bir-Reqqa Dwar is-Saltna t’Alla, paġni 58-59.