Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI | HIJA L-BIBBJA VERAMENT MINGĦAND ALLA?

Il-Bibbja—Eżatta f’kull aspett

Il-Bibbja—Eżatta f’kull aspett

Eżatta xjentifikament

GĦALKEMM il-​Bibbja mhijiex ktieb xjentifiku, hija eżatta meta titkellem dwar affarijiet tan-​natura. Ikkunsidra xi eżempji mill-​oqsma tal-​meteoroloġija u l-​ġenetika.

IL-​METEOROLOĠIJA—KIF TAGĦMEL IX-​XITA

IL-METEOROLOĠIJA

Il-​Bibbja tgħid: “[Alla] jtellaʼ l-​qtar taʼ l-​ilma; dan jissaffa u jsir xita għaċ-​ċpar tiegħu, u b’hekk is-​sħab iqattar.”—Ġob 36:27, 28.

Hawnhekk il-​Bibbja tiddeskrivi t-​tliet passi prinċipali taċ-​ċiklu idroloġiku jew iċ-​ċiklu tal-​ilma. Alla—is-​Sors tas-​sħana solari—“itellaʼ l-​qtar taʼ l-​ilma” permezz taʼ (1) evaporazzjoni. Imbagħad permezz taʼ (2) kondensazzjoni, l-​ilma li jitlaʼ jevapora u jifforma sħab li jinżel bħala xita jew f’xi forma oħra taʼ (3) preċipitazzjoni. Anki issa, il-​meteoroloġiċi ma jifhmux bis-​sħiħ id-​dettalji kollha tal-​proċess straordinarju tax-​xita. Taʼ interess, il-​Bibbja ssaqsi: “Min jistaʼ jifhem is-​saffi tas-​sħab?” (Ġob 36:29) Madankollu, il-​Ħallieq jifhem iċ-​ċiklu tal-​ilma u hu għamel ċert li kittieb uman jinkludi l-​fatti eżatti fil-​Bibbja. Barra minn hekk, hu għamel dan ħafna qabel ma l-​bniedem setaʼ jispjega l-​proċess bażiku b’mod xjentifiku.

IL-​ĠENETIKA—L-​IŻVILUPP TAL-​EMBRIJU UMAN

IL-ĠENETIKA

Wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja, is-​Sultan David, qal lil Alla: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-​ktieb tiegħek inkitbu l-​partijiet kollha tiegħi.” (Salm 139:16) F’lingwa poetika, David tkellem dwar embriju li kien qed jiżviluppa skont id-​direzzjonijiet li kien hemm fi “ktieb” jew pjan li kien jeżisti minn qabel. Huwa tal-​għaġeb li dan inkiteb xi 3,000 sena ilu!

Madankollu, kien biss madwar l-​1860 li l-​botaniku Awstrijak Gregor Mendel skopra l-​prinċipji bażiċi tal-​ġenetika. U kien biss f’April tal-​2003 li r-​riċerkaturi lestew is-​sekwenza tal-​ġenetika tal-​bniedem li fiha l-​informazzjoni kollha neċessarja biex tagħmel ġisem uman. L-​istruzzjoni ġenetika fil-​ġeni tagħna hi rranġata b’mod organizzat, sewwasew bħalma l-​ittri u l-​kliem jiġu rranġati f’ordni f’dizzjunarju. Skont dawn l-​istruzzjonijiet, il-​partijiet tal-​embriju—bħall-​moħħ, il-​qalb, il-​pulmun, l-​idejn, u s-​saqajn—jiżviluppaw f’sekwenza preċiża u kollox f’waqtu. B’mod xieraq, l-​informazzjoni ġenetika ġiet deskritta mix-​xjentisti bħala “l-​ktieb tal-​ħajja.” David, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja, kif setaʼ kien daqstant preċiż? Hu ammetta b’umiltà: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova kien li tkellem bija, u kelmtu kienet fuq ilsieni.” *2 Samwel 23:2.

Tbassar bl-​eżatt il-​futur

HUWA diffiċli ħafna—jekk mhux impossibbli—biex tkun taf meta, kif, u kemm se jdumu s-​saltniet u l-​bliet fil-​poter. Madankollu, il-​Bibbja bassret il-​qerda taʼ saltniet u bliet setgħanin bid-​dettall. Ikkunsidra żewġ eżempji.

IL-​WAQGĦA U L-​ĦERBA TAʼ BABILONJA

Babilonja tal-​qedem kienet il-​qalba taʼ imperu qawwi li kellu influwenza kbira fuq il-​Punent tal-​Asja għal sekli sħaħ. Xi darba, kienet l-​akbar belt tad-​dinja. Però, xi 200 sena minn qabel, Alla nebbaħ lil Isaija, wieħed mill-​kittieba tal-​Bibbja, biex jipprofetizza li konkwistatur bl-​isem taʼ Ċiru kien se jegħleb lil Babilonja u li din kienet se tispiċċa mhix abitata għal dejjem. (Isaija 13:17-​20; 44:27, 28; 45:1, 2) Veru hekk ġara?

L-ISTORJA

F’lejl minnhom, f’Ottubru tas-​sena 539 qabel Kristu (QK), Ċiru l-​Kbir għeleb lil Babilonja. Maż-​żmien, il-​kanali li kienu jsaqqu r-​reġjun fertili tal-​madwar ġew imblokkati minħabba traskuraġni. Sas-​sena 200 wara Kristu (WK), intqal li l-​art kienet ġiet abbandunata. Illum, minn Babilonja fadal biss fdalijiet. Propju bħalma bassret il-​Bibbja, Babilonja saret “art abbandunata kollha kemm hi.”—Ġeremija 50:13.

Dan il-​kittieb tal-​Bibbja kif kien jaf din l-​informazzjoni storika eżatta minn tant żmien qabel? Il-​Bibbja turi li din kienet “dikjarazzjoni kontra Babilonja li Isaija bin Għamoż ra f’viżjoni.”—Isaija 13:1.

NINWE—“BLA ILMA BĦAX-​XAGĦRI”

Ninwe, il-​belt kapitali tal-​Imperu Assirjan, kienet meqjusa bħala kapolavur tal-​arkitettura. Il-​belt kellha toroq wesgħin, ġonna pubbliċi, tempji, u palazzi enormi. Minkejja dan, il-​profeta Sofonija bassar li din il-​belt mill-​isbaħ kienet se ssir “ħerba, reġjun bla ilma bħax-​xagħri.”—Sofonija 2:13-​15.

Ninwe ġiet meqruda għalkollox mill-​forzi taʼ Babilonja u tal-​Medi flimkien fis-​sena 630 QK. Skont referenza, il-​belt megħluba mbagħad “intesiet għal 2500 sena.” Għal xi żmien, in-​nies kienu jiddubitaw jekk Ninwe kinitx teżisti verament! Kien biss madwar l-​1850 li l-​arkeoloġi skavaw il-​fdalijiet taʼ Ninwe. Illum, din l-​akkwata qed titmermer u qed tiġi vandalizzata, u dan ġiegħel lill-​Fond Wirt Dinji biex iwissi: “Il-​fdalijiet taʼ Ninwe tal-​qedem jistgħu jerġgħu jintilfu għal dejjem.”

Sofonija kif kien jaf din l-​informazzjoni minn qabel? Hu rrikonoxxa li kienet “il-​kelma taʼ Ġeħova li ġiet [għandu].”—Sofonija 1:1.

Il-​Bibbja twieġeb il-​mistoqsijiet importanti tal-​ħajja

IL-​Bibbja tagħti tweġibiet sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet importanti tal-​ħajja. Ikkunsidra l-​eżempji li ġejjin.

GĦALA HAWN DAQSTANT ĦAŻEN U TBATIJA FID-​DINJA?

L-​Iskrittura ssemmi spiss il-​kwistjoni tal-​ħażen u t-​tbatija. Il-​Bibbja tispjega:

  1. “Il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.”Ekkleżjasti 8:9.

    It-​tmexxija minn nies korrotti u mhux kapaċi ġabet tbatija liema bħalha.

  2. “Iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.”Ekkleżjasti 9:11.

    Ġrajjiet mhux mistennijin—bħal mard serju, aċċidenti, jew diżastri—jistgħu jiġu fuq kulħadd, kullimkien, u f’kull ħin.

  3. “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt.”Rumani 5:12.

    Meta nħalqu l-​ewwel raġel u mara, la kienet teżisti l-​imperfezzjoni umana u lanqas il-​mewt. Id-​dnub “daħal fid-​dinja” meta huma apposta m’obdewx il-​Ħallieq tagħhom.

Il-​Bibbja mhux biss tispjega għala n-​nies ibatu. Imma wkoll twiegħed li Alla se jelimina għalkollox il-​ħażen u se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

X’JIĠRILNA META MMUTU?

Il-​Bibbja tispjega li min imut ikun fi stat taʼ inattività totali u ma jkun konxju taʼ xejn. Ekkleżjasti 9:5 jgħid: “Għax il-​ħajjin jafu li għad imutu; imma l-​mejtin ma jafu assolutament xejn.” Mal-​mewt, ‘ħsibijietna jgħibu’. (Salm 146:4) Għalhekk l-​attività kollha tal-​moħħ—inkluż is-​sensi tagħna—tieqaf taħdem meta mmutu. Għaldaqstant, wara li mmutu la nkunu nistgħu naġixxu, la nħossu, u lanqas naħsbu.

Iżda l-​Bibbja mhux biss tispjega l-​kundizzjoni tal-​mejtin. Imma tagħtina wkoll it-​tama sabiħa li n-​nies se jiġu mqajmin mill-​mewt, li hi bħal raqda fil-​fond, permezz tal-​irxoxt.—Ħosea 13:14; Ġwanni 11:11-​14.

X’INHU L-​ISKOP TAL-​ĦAJJA?

Skont il-​Bibbja, Alla Ġeħova ħalaq raġel u mara. (Ġenesi 1:27) L-​ewwel raġel, Adam, hu deskritt bħala “bin Alla.” (Luqa 3:38) Il-​bniedem inħalaq għal skop—biex jiżviluppa ħbiberija maʼ Missieru tas-​sema u biex jgħix ħajja ferħana u sodisfaċenti fuq l-​art għal dejjem. Minħabba f’hekk, il-​bnedmin kollha ġew maħluqin bi bżonn spiritwali, jiġifieri hi fin-​natura tagħhom li jkunu jixtiequ jitgħallmu dwar Alla. B’hekk, il-​Bibbja tgħid: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom.”—Mattew 5:3.

Iktar minn hekk, il-​Bibbja tgħid: “Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:28) Il-​Bibbja mhux biss tgħallimna dwar Alla, imma tgħinna wkoll biex ngħixu ħajja iktar ferħana u jkollna tama għall-​futur.

L-​awtur divin u int

WARA li eżaminaw l-​evidenza, miljuni taʼ nies madwar id-​dinja waslu għall-​konklużjoni li l-​Bibbja hi iktar minn sempliċi ktieb tal-​qedem. Huma konvinti li l-​Bibbja hi l-​Kelma ispirata t’Alla, il-​mod li bih jikkomunika mal-​bnedmin—inkluż miegħek! Fiha Alla jistiednek biex issir tafu u ssir il-​ħabib tiegħu. Il-​Bibbja twiegħed: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8.

Meta nħaffru fil-​Bibbja, ikollna opportunità mill-​isbaħ. X’inhi? Sewwasew bħalma meta taqra ktieb tieħu idea taʼ x’għandu f’moħħu l-​awtur, meta taqra l-​Bibbja ssir taf il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tal-​awtur divin tagħha, Alla. Aħseb dwar x’jistaʼ jfisser dan għalik. Tistaʼ ssir taf kif iħossu l-​Ħallieq tiegħek! Barra minn hekk, il-​Bibbja turi:

Tixtieq issir taf iktar? Ikun il-​pjaċir tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jgħinuk. Jistgħu jagħmlu arranġament biex ikollok studju tal-​Bibbja b’xejn. Dan jistaʼ jgħinek biex tersaq ferm eqreb tal-​Awtur divin tal-​Bibbja—Alla Ġeħova.

Dan l-​artiklu eżamina xi raġunijiet għala l-​Bibbja hi ktieb ispirat. Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 2 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u disponibbli fuq www.pr418.com/mt

Tistaʼ wkoll tara l-​vidjow Min hu l-​Awtur tal-​Bibbja? disponibbli fuq www.pr418.com/mt

Ikklikkja fuq PUBBLIKAZZJONIJIET > VIDJOWS

^ par. 10 Fil-​Bibbja, Alla jiġi identifikat bl-​isem persunali tiegħu, Ġeħova.—Salm 83:18.