SUĠĠETT PRINĊIPALI | HIJA L-BIBBJA VERAMENT MINGĦAND ALLA?
Il-Bibbja—Hija verament “imnebbħa minn Alla”?
TEMMEN li l-Bibbja hi minn Alla? Jew taħseb li hi ktieb li fih biss il-ħsibijiet tal-bniedem?
Dan hu dibattitu kontinwu saħansitra fost dawk li jgħidu li huma Kristjani. Pereżempju, fl-2014, stħarriġ li sar fl-Istati Uniti wera li l-biċċa l-kbira taʼ dawk li jissejħu Kristjani qablu li “l-Bibbja hi konnessa b’xi mod m’Alla.” Mill-banda l-oħra, 20 fil-mija minn dawk li ġew mistħarrġa qiesu l-Bibbja bħala ktieb taʼ “ħrejjef, leġġendi, stejjer, u prinċipji tal-qedem miktubin mill-bniedem.” Din il-kontroversja tpoġġi l-enfasi fuq xi tfisser eżatt il-kelma “mnebbħa” skont il-Bibbja.—2 Timotju 3:16.
“IMNEBBĦA”—XI TFISSER?
Il-Bibbja hi magħmula minn 66 ktieb żgħir, u dawn inkitbu minn xi 40 kittieb fuq medda taʼ żmien taʼ madwar 1,600 sena. Imma ladarba l-Bibbja nkitbet mill-bniedem, kif jistaʼ jkun li hi “mnebbħa minn Alla”? Fi kliem sempliċi, l-espressjoni “mnebbħa minn Alla” tfisser li Alla hu s-Sors tal-informazzjoni taʼ dawn il-kitbiet. Il-Bibbja tpoġġiha b’dan il-mod: “Xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) Fi kliem ieħor, Alla uża l-forza attiva inviżibbli tiegħu, l-ispirtu qaddis, biex jgħaddi l-messaġġ tiegħu lill-kittieba tal-kotba tal-Bibbja. Dan jistaʼ jitqabbel maʼ negozjant li jgħid lis-segretarju tiegħu x’jikteb f’ittra. L-awtur tal-ittra mhuwiex min kitibha, imma dak li ddettalu x’jikteb.
Xi kittieba tal-Bibbja infatti semgħu l-messaġġ t’Alla minn anġlu. Oħrajn raw viżjonijiet minn Alla. F’xi ċirkustanzi, Alla kkomunika l-messaġġ tiegħu permezz taʼ ħolm. Filwaqt li Alla xi kultant ippermetta lill-kittieba jużaw il-kliem tagħhom stess biex jiktbu l-messaġġ tiegħu, f’xi każi oħrajn qalilhom il-kliem preċiż li kellhom jiktbu. Kien x’kien il-każ, l-irġiel li ntużaw biex jiktbu wasslu l-ħsibijiet t’Alla u mhux tagħhom stess.
Kif nistgħu nkunu ċerti li kien Alla li ispira l-kittieba tal-Bibbja? Ikkunsidra tliet raġunijiet li jsaħħu l-fiduċja tagħna fl-oriġini divina tal-Bibbja.