Is-sistema nervuża tal-intestini—Hija “t-tieni moħħ” taʼ ġismek?
KEMM-IL moħħ għandek? Jekk it-tweġiba tiegħek hi “wieħed,” mela wiġibt tajjeb. Madankollu, hemm sistemi nervużi oħra f’ġismek. Waħda minn dawn is-sistemi taʼ newroni hi tant kbira li xi xjentisti rreferew għaliha bħala “t-tieni moħħ.” Din hija s-sistema nervuża tal-intestini (enteric nervous system—ENS) li minflok ma tinstab f’rasek, qiegħda fil-biċċa l-kbira f’żaqqek.
Biex il-ġisem ibiddel l-ikel f’enerġija hemm bżonn taʼ koordinazzjoni u sforz enormi. B’hekk, il-moħħ ġie ddisinjat biex bħallikieku jiddelega l-biċċa l-kbira mill-kontroll tad-diġestjoni lill-ENS.
Għalkemm l-ENS hija ferm aktar sempliċi mill-moħħ, xorta waħda hija sistema kumplessa ħafna. Fil-bnedmin, din tikkonsisti bejn 200 miljun u 600 miljun ċellula tan-nervituri. Din is-sistema kumplessa taʼ ċelluli hija parti mis-sistema diġestiva. Ix-xjentisti jemmnu li kieku x-xogħol li tagħmel l-ENS kellu jsir fil-moħħ, in-nervituri meħtieġa biex iġorru dawn iċ-ċelluli kien ikollhom ikunu ħoxnin wisq. Skont il-ktieb The Second Brain, ‘b’hekk huwa ħafna aktar aħjar u taʼ inqas periklu li tħalli s-sistema diġestiva tieħu ħsieb lilha nfisha.’
“FABBRIKA TAL-KIMIKA”
Id-diġestjoni tal-ikel teħtieġ li tipproduċi varjetà taʼ taħlit kimiku preċiż fil-ħin xieraq u li jitwassal fil-postijiet eżatti. Il-professur Gary Mawe jiddeskrivi b’mod addattat is-sistema diġestiva bħala “fabbrika tal-kimika.” Is-sofistikazzjoni taʼ dawn il-proċessi kimiċi hi tal-għaġeb. Pereżempju, in-naħa taʼ ġewwa tal-intestini huwa miksi b’ċelluli speċjalizzati li jirrikonoxxu l-kimiċi li jkun hemm fl-ikel li nieklu. Din l-informazzjoni tgħin l-ENS biex tikseb proteina partikulari tad-diġestjoni li tkisser l-ikel f’partiċelli li l-ġisem ikun jistaʼ jassorbihom. L-ENS għandha rwol importanti wkoll biex tikkontrolla l-aċtu u l-kimiki l-oħrajn li joħorġu mill-partiċelli tal-ikel, u taġġusta l-proteini tad-diġestjoni skont il-bżonn.
Aħseb dwar l-organi tad-diġestjoni bħala linja produttiva ġewwa fabbrika li fil-biċċa l-kbira hija mmexxija mill-ENS. “It-tieni moħħ” tiegħek imexxi l-ikel fis-sistema diġestiva billi jidderieġi l-muskoli tul l-organi tad-diġestjoni biex jagħfsu u jimbottaw. Sabiex is-sistema tiffunzjona bħal-linji produttivi li ssib ġewwa fabbrika, l-ENS tvarja l-intensità u l-frekwenza taʼ dawn il-muskoli skont il-bżonn.
L-ENS tieħu ħsieb ukoll li tipproteġi l-ġisem. L-ikel li tiblaʼ x’aktarx ikun fih mikrobi perikolużi. Mhux taʼ b’xejn li madwar 70 sa 80 fil-mija taċ-ċelluli limfoċite—li jifformaw parti vitali mis-sistema difensiva tal-immunità tiegħek—jinstabu ġewwa żaqqek! Jekk tiblaʼ ħafna organiżmi perikolużi, l-ENS tipproteġi ’l ġismek billi jibda jkollok ġbid qawwi f’żaqqek, u b’hekk tarmi l-biċċa l-kbira mis-sustanzi tossiċi permezz taʼ dijarea jew rimettar.
KOMUNIKAZZJONI TAJBA
Filwaqt li l-ENS tidher li tiffunzjona b’mod indipendenti mill-moħħ, dawn iż-żewġ sistemi tan-nervituri huma f’komunikazzjoni kontinwa. Pereżempju, l-ENS għandha rwol f’li tikkontrolla l-ormoni li jgħidu l-moħħ meta għandek tiekol u kemm għandek tiekol. Iċ-ċelluli tan-nervituri tal-ENS jibagħtu sinjal lill-moħħ meta tkun xbajt u jistaʼ jkun li jġegħluk tħossok imdardar meta tiekol iżżejjed.
Anki qabel ma qrajt dan l-artiklu, għandu mnejn diġà kont indunajt li hemm konnessjoni bejn l-organi diġestivi tiegħek u moħħok. Pereżempju, meta tiekol xi ikel li jħaxxen, innotajt li donnu jagħmlek f’burdata aħjar? Ir-riċerka turi li dan jiġri meta l-ENS tiegħek tibgħat ‘sinjali taʼ ferħ’ lejn moħħok, u b’hekk jinbeda proċess li jġiegħlek tħossok aħjar. Dan jistaʼ jispjega għala n-nies għandhom it-tendenza li jieklu ikel li jġegħelhom iħossuhom aħjar meta jkunu stressati. Ix-xjentisti qed jistudjaw il-possibbiltà li jistimulaw l-ENS b’mod artifiċjali biex jikkuraw id-dipressjoni.
Eżempju ieħor taʼ komunikazzjoni bejn il-moħħ u s-sistema diġestiva ġiet deskritta bħala tferfir fl-istonku. Din is-sensazzjoni tistaʼ tinħass meta l-ENS ma tħalliex id-demm imur fl-istonku meta l-moħħ ikun stressat. Jistaʼ jkollok ukoll id-dardir, għax matul l-istress, il-moħħ iġiegħel l-ENS biex tbiddel il-ġbid normali li jagħmlu l-imsaren.
Għalkemm l-ENS xi kultant jirreferu għaliha bħala “t-tieni moħħ,” din la tistaʼ taħseb għalik u lanqas tgħinek tieħu deċiżjoni. Fi kliem ieħor, fir-realtà l-ENS mhijiex moħħ. Ma tistax tgħinek tikkomponi kanzunetta, tikkalkula l-kontijiet, jew tagħmillek il-homework. Xorta waħda, din is-sistema meraviljuża tkompli taffaxxina lix-xjentisti minħabba l-kumplessità tagħha—li ħafna minnha, forsi, lanqas biss għadha ġiet skoperta. Mela fl-ikla li jmiss, ieqaf ftit u aħseb dwar kemm se jkun hemm analizzar, ipproċessar taʼ informazzjoni, koordinazzjoni, u komunikazzjoni li dalwaqt se jibdew fis-sistema diġestiva tiegħek!