Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ĦARSA LEJN ID-​DINJA

Kelmtejn dwar l-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel

Kelmtejn dwar l-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel

Aħbarijiet mill-​Emisferu tal-​Punent juru l-​valur tal-​għerf dejjiemi tal-​Bibbja.

Naqqas l-​istress—Iċċekkja inqas l-​e-​mail!

In-​nies għandhom mnejn ikollhom inqas stress meta jiċċekkjaw l-​e-​mail tliet darbiet biss kuljum minflok ma jiċċekkjawh spiss kemm jistgħu, skont riċerka li saret f’Vancouver, il-​Kanada. Kostadin Kushlev, li għamel din ir-​riċerka, meta qies il-​konklużjonijiet qal: “In-​nies isibuha bi tqila biex jirreżistu t-​tentazzjoni li jiċċekkjaw l-​e-​mail, u madankollu li jirreżistu din it-​tentazzjoni jnaqqsilhom l-​istress.”

AĦSEB DWAR DAN: Aħna ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” allura m’għandniex aħna nfittxu modi kif innaqqsu l-​istress?—2 Timotju 3:1.

Żoni li jirkupraw minn sajd żejjed

“Ġew dokumentati każi taʼ titjib fil-​popolazzjonijiet tal-​frott tal-​baħar bil-​qoxra, tal-​awwisti (lobsters), u tal-​ħut f’żoni protetti li fihom ma jistax isir sajd” fil-​Belize u nħawi oħra tal-​Karibew, jgħid rapport tal-​Wildlife Conservation Society (WCS). Dan iżid: “Irkuprar taʼ speċi li n-​nies ħadu vantaġġ minnhom f’dawn iż-​żoni protetti, b’differenza għal żoni fejn isir is-​sajd, jistaʼ jieħu biss minn sena sa sitt snin, iżda rkuprar totali . . . jistaʼ jieħu għaxriet taʼ snin.” Janet Gibson, direttriċi tal-​programm WCS, qalet dwar il-​Belize: “Huwa ċar li dawn iż-​żoni protetti li fihom ma jistax isir sajd jistgħu jgħinu biex l-​industrija tas-​sajd u l-​bijodiversità jerġgħu jieħdu spinta ’l quddiem.”

AĦSEB DWAR DAN: Din l-​abbiltà evidenti fin-​natura biex jerġaʼ jkun hemm il-​ħajja tirrifletti Ħallieq għaref?—Salm 104:24, 25.

Vjolenza fil-​Brażil

Il-​vjolenza qiegħda tiżdied fil-​Brażil, jirrapporta s-​servizz tal-​aħbarijiet Agência Brasil. Fl-​2012, in-​numru taʼ omiċidji qabeż is-​56,000—l-​ogħla rata li ssir kull sena u li qatt ġiet rekordjata mill-​Ministeru tas-​Saħħa. L-​ispeċjalista tas-​sigurtà pubblika Luís Sapori jemmen li ż-​żieda hija riżultat taʼ tkissir morali. Ladarba n-​nies jitilfu r-​rispett lejn il-​liġijiet taʼ soċjetà ċivilizzata, “huma jibdew jaġixxu bla raġuni biex tgħaddi tagħhom,” qal hu.

KONT TAF? Il-​Bibbja bassret żmien meta kienet se “tibred l-​imħabba” u jiżdied il-​ħażen.—Mattew 24:3, 12.