IT-TRIQ LI TWASSAL GĦALL-FERĦ VERU
Il-maħfra
“FI TFULITI, SMAJT ĦAFNA TGĦAJJIR U GĦAJJAT,” tgħid mara jisimha Patricia. “Ma kontx naf x’inhi maħfra. Anki meta kbirt, kont nibqaʼ nhewden għal ġranet sħaħ, u minħabba f’hekk lanqas kont norqod sew.” Iva, meta xi ħadd jibqaʼ rrabjat u jżomm f’qalbu, la jkollu ħajja ferħana u lanqas ikun taʼ ġid għal saħħtu. Tabilħaqq, l-istudji juru li n-nies li ma jaħfrux jistgħu . . .
-
Ikissru relazzjonijiet minħabba li jibqgħu rrabjati jew iżommu f’qalbhom, u b’hekk iħossuhom imwarrbin u waħedhom
-
Jieħdu għalihom malajr, ikunu ansjużi, jew saħansitra dipressi ħafna
-
Tant jibqgħu jberrnu fuq xi offiża li ma jkunux jistgħu jgawdu l-ħajja
-
Iħossu l-kuxjenza tniggiżhom għax jafu li suppost jaħfru
-
Ikunu iktar stressati u f’riskju akbar li jimirdu b’ċertu mard bħall-pressjoni għolja, mard tal-qalb, artrite, u wġigħ taʼ ras *
X’INHI L-MAĦFRA? Li taħfer ifisser li tiskuża lil xi ħadd li weġġgħek u ma tibqax irrabjat, ma żżommx f’qalbek, u lanqas tara kif se tpattihielu. Dan ma jfissirx li tagħlaq għajnejk għall-iżball, li ċċekknu, jew tagħmel tabirruħek li ma ġara xejn. Minflok, hija għażla persunali li tagħmilha wara li tkun ħsibt sew dwarha. Tagħmel dan għax l-imħabba li għandek għal oħrajn se tqanqlek biex iżżomm il-paċi u relazzjoni tajba mal-persuna l-oħra.
Meta xi ħadd jaħfer juri wkoll li jkun qed jifhem lil ħaddieħor. Persuna li taħfer tifhem li lkoll niżbaljaw, jew nidinbu, fil-kliem u l-azzjonijiet. (Rumani 3:23) Minħabba dan il-fatt, il-Bibbja tgħid: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.”—Kolossin 3:13.
Għaldaqstant, huwa loġiku li l-maħfra hi aspett importanti tal-imħabba, li hi “rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14) Infatti, skont il-websajt tal-Mayo Clinic, il-maħfra twassal biex . . .
-
Ir-relazzjonijiet ikunu iktar b’saħħithom, u dan jinkludi li tħoss empatija għal min naqsek, tifhmu, u turih ħniena
-
Tħossok aħjar mentalment u fil-paċi m’Alla
-
Tkun inqas ansjuż, stressat, u rrabjat
-
Ikollok inqas ċans taʼ dipressjoni
AĦFER LILEK INNIFSEK. Skont il-ġurnal Disability & Rehabilitation li taħfer lilek innifsek tistaʼ tkun “l-iktar ħaġa diffiċli li jirnexxilek tagħmel,” però “hi l-iktar ħaġa importanti għas-saħħa”—sew mentali u anki fiżika. X’jistaʼ jgħinek taħfer lilek innifsek?
-
Tistenniex perfezzjoni minnek innifsek, imma kun realistiku u aċċetta li int—bħal kulħadd—se tiżbalja.—Ekkleżjasti 7:20
-
Tgħallem mill-iżbalji tiegħek ħalli kemm jistaʼ jkun ma tirrepetihomx
-
Kun paċenzjuż miegħek innifsek; xi difetti persunali u vizzji koroh mhux se jitilqu mil-lum għal għada.—Efesin 4:23, 24
-
Agħmilha maʼ ħbieb li jinkuraġġuk, li huma pożittivi, u li għandhom qalbhom tajba imma li jkunu wkoll onesti miegħek.—Proverbji 13:20
-
Jekk weġġajt lil xi ħadd, ammetti li żbaljajt u skuża ruħek malajr kemm jistaʼ jkun. Meta tagħmel paċi, se tħoss paċi ġewwinija.—Mattew 5:23, 24
IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA HUMA VERA EFFETTIVI!
Wara li studjat il-Bibbja, Patricia, li ssemmiet fil-bidu, tgħallmet taħfer. “Inħossni ħielsa mir-rabja li kienet qed teqridli ħajti,” kitbet hi. “M’għadnix inbati, u m’għadnix inġiegħel lil ħaddieħor ibati minħabba fija. Il-prinċipji tal-Bibbja jikkonfermaw li Alla jħobbna u li jixtiqilna l-aħjar.”
Raġel jismu Ron qal: “Ma nistax nikkontrolla l-ħsibijiet u l-azzjonijiet t’oħrajn. Imma nistaʼ nikkontrolla tiegħi. Jekk irrid il-paċi, allura ma nistax nibqaʼ nżomm f’qalbi. Bdejt inqis il-paċi u r-rabja bħala żewġ affarijiet opposti għall-aħħar. Ma jistax ikollok dawn it-tnejn fl-istess ħin. Issa għandi kuxjenza nadifa.”
^ par. 8 Sorsi: Il-websajts Mayo Clinic u Johns Hopkins Medicine u l-ġurnal Social Psychiatry and Psychiatric Epidemiology.