IT-TRIQ LI TWASSAL GĦALL-FERĦ VERU
Is-saħħa fiżika u l-abbiltà li tirkupra
SAĦĦA KRONIKA JEW DIŻABBILTÀ TISTAʼ TĦALLI IMPATT KBIR FUQ IL-ĦAJJA TAʼ DAK LI JKUN. Ulf kien raġel attiv u f’saħħtu. Imma wara li spiċċa pparalizzat qal: “Qabditni dipressjoni kbira. Tlift is-saħħa u l-kuraġġ li kelli . . . ħassejtni mkisser.”
L-esperjenza taʼ Ulf tfakkarna li ħadd minna m’għandu kontroll sħiħ fuq saħħtu. Minkejja dan, nistgħu nieħdu prekawzjonijiet biex innaqqsu r-riskju taʼ xi marda. Imma xi ngħidu jekk saħħitna tmur lura? Ifisser dan li qatt mhu se nkunu ferħanin? Bħalma se naraw, xejn affattu. Imma l-ewwel ejja nikkunsidraw xi prinċipji li jgħinuna biex ikollna saħħa tajba.
KUN ‘MODERAT FI DRAWWIETEK.’ (1 Timotju 3:2, 11) Ovvjament, li wieħed ikollu d-drawwa li jiekol u jixrob iżżejjed mhux se jagħmillu tajjeb għas-saħħa u se jeffettwalu l-but! “Tkunx fost dawk li jixorbu ħafna nbid, fost dawk li għandhom kilba għal-laħam. Għax is-sakranazz u dak li għandu kilba għall-ikel jiftaqru.”—Proverbji 23:20, 21.
TĦAMMIĠX LIL ĠISMEK. “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu.” (2 Korintin 7:1) In-nies iniġġsu ġisimhom meta jpejpu t-tabakk jew jabbużaw mill-alkoħol jew id-droga. Pereżempju, iċ-Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard fl-Istati Uniti dwar it-tipjip jgħid li dan “iwassal għal mard, diżabbiltà, u jagħmel ħsara kważi lil kull organu tal-ġisem.”
QIS LIL ĠISMEK U LIL ĦAJTEK BĦALA RIGAL PREZZJUŻ. B’Alla “ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.” (Atti 17:28) Meta napprezzaw dan, iqanqalna nevitaw li nieħdu riskji bla bżonn waqt ix-xogħol, is-sewqan, jew meta niġu biex nagħżlu d-divertiment. Mhuwiex worth it li għal mument t’eċitament tispiċċa tgħix ħajja b’diżabilità!
IKKONTROLLA EMOZZJONIJIET NEGATTIVI. Moħħok u ġismek huma konnessi sew maʼ xulxin. Allura, ipprova evita ansjetà żejda, rabja inkontrollabbli, l-għira, u emozzjonijiet oħra li jagħmlu l-ħsara. “Itlaq ir-rabja u ħalli d-dagħdigħa,” jgħid Salm 37:8. Naqraw ukoll: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu.”—Mattew 6:34.
IPPROVA FFOKA FUQ ĦSIBIJIET POŻITTIVI. “Qalb kalma hija l-ħajja tal-ġisem,” jgħid Proverbji 14:30. Il-Bibbja tgħid ukoll: “Qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.” (Proverbji 17:22) Ix-xjenza taqbel maʼ din l-istqarrija. Tabib fl-Iskozja qal: “Jekk tkun ferħan, aktarx li fil-futur se timrad inqas minn dawk imdejqin.”
SIB MOD KIF TIRKUPRA. Bħal Ulf, li ssemma qabel, għandu mnejn ma jkollniex għażla ħlief li nibqgħu nissaportu sitwazzjoni kerha. Madankollu, nistgħu nfittxu modi kif inkampaw. Xi wħud isiru skuraġġiti għall-aħħar, u dan ikompli jiggrava s-sitwazzjoni. “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-hemm? Ma tantx se jkollok qawwa,” jgħid Proverbji 24:10.
Oħrajn, għalkemm forsi għall-ewwel jibdew jaraw kollox ikrah, ikunu kapaċi jaddattaw u jsibu modi kif ikampaw biex iħossuhom aħjar. B’hekk, ikunu qed jipprovaw jirkupraw. Hekk ġara fil-każ taʼ Ulf. Hu qal li wara li talab u immedita ħafna fuq il-messaġġ pożittiv tal-Bibbja, hu “beda jara l-opportunitajiet flok it-tfixkil.” Iktar minn hekk, bħal ħafna li jgħaddu minn diffikultajiet kbar, tgħallem lezzjonijiet taʼ valur rigward il-mogħdrija u l-empatija, li qanqluh jitkellem dwar il-messaġġ taʼ faraġ mill-Bibbja m’oħrajn.
Individwu ieħor li bata ħafna jismu Steve. Taʼ 15-il sena, kellu inċident li pparalizzah minn għonqu ’l isfel. Meta kellu 18-il sena, setaʼ jerġaʼ juża jdejh. Imbagħad mar l-università, fejn ma damx biex involva ruħu fid-drogi, l-alkoħol, u l-immoralità sesswali. Spiċċa bla tama—sakemm beda jistudja l-Bibbja, li għenitu jħares lejn il-ħajja b’lenti differenti u għenitu jegħleb il-vizzji koroh tiegħu. “Ma bqajtx inħoss il-vojt li kont ilni nesperjenza,” jgħid Steve. “F’ħajti issa għandi l-paċi, il-ferħ, u l-kuntentizza.”
Il-kummenti taʼ Steve u Ulf ifakkruna fil-kliem taʼ Salm 19:7, 8: “Il-liġi taʼ Ġeħova perfetta, u sserraħ ir-ruħ [jiġifieri ġġib is-saħħa lura]. . . . L-ordnijiet mingħand Ġeħova retti, u jferrħu l-qalb; il-kmandament taʼ Ġeħova nadif, u jdawwal l-għajnejn.”