Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Sar Minnu r-Rispett Lejn il-Ħajja?

X’Sar Minnu r-Rispett Lejn il-Ħajja?

GĦALA HU IMPORTANTI LI NIRRISPETTAW IL-ĦAJJA

Meta tagħmel affarijiet li huma ħżiena għal saħħtek jew li jkunu taʼ periklu għal oħrajn, tkun qed turi li ma tirrispettax il-ħajja tiegħek u tagħhom.

  • It-tipjip jikkawża l-kanċer u jagħmilha diffiċli għall-ġisem biex jiġġieled din il-marda. Fil-fatt, madwar 90 fil-mija tan-nies li jmutu bil-kanċer fil-pulmun hu minħabba li jkunu jpejpu jew għax ikunu maʼ nies li jpejpu.

  • Sparaturi tal-massa qed iħallu lil ħafna nies kull sena jbatu minn trawma emozzjonali. Minn riċerka li saret sabu li anki dawk li jsalvaw mill-attakki fl-iskejjel jibqgħu jbatu minn problemi emozzjonali u mentali għal ħafna snin.

  • Nies li jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga jkunu taʼ periklu għal nies li jkunu għaddejjin jew qed isuqu fit-triq. Meta n-nies ma jkunx jimpurtahom mill-ħajja, nies innoċenti jispiċċaw iweġġgħu.

KIF TISTAʼ TURI RISPETT LEJN IL-ĦAJJA?

Ħu ħsieb saħħtek. Qatt mhu tard wisq biex twaqqaf vizzji ħżiena bħat-tipjip, il-vaping, ix-xorb żejjed, jew li tieħu d-droga għall-pjaċir. Dawn il-vizzji jagħmlu ħsara lil saħħtek u bihom ma tkunx qed turi rispett lejn dawk taʼ madwarek, inkluż tal-familja tiegħek.

“Ħa nitnaddfu minn kulma jniġġes il-ġisem.”—2 Korintin 7:1.

Ipproteġi lilek innifsek u lil oħrajn. Żomm id-dar tiegħek f’kundizzjoni tajba biex tevita l-inċidenti. Meta tkun qed issuq oqgħod attent u żomm il-karozza tiegħek f’kundizzjoni tajba. Tħallix lil oħrajn iħajruk tagħmel affarijiet li jistgħu jweġġgħuk jew joqtluk.

“Jekk tibni dar ġdida, agħmel ċint mad-dawra tal-bejt tiegħek, sabiex int u l-familja ma tkunux ħatjin jekk xi ħadd jaqaʼ u jmut.”—Dewteronomju 22:8. a

Kun qalbek tajba m’oħrajn. Li turi rispett lejn il-ħajja jfisser li turi qalb tajba maʼ nies b’kulturi u minn pajjiżi differenti, nies sinjuri jew fqar, u nies taʼ skola jew le. Wara kollox, ħafna mill-vjolenza u l-gwerer li hawn fid-dinja huma minħabba l-preġudizzju u l-mibegħda.

“Tibqgħux iżżommu f’qalbkom, irrabjati, inkorlati, twerżqu, tgħajru, jew tagħmlu kwalunkwe ħaġa li tagħmel il-ħsara. Imma uru qalb tajba maʼ xulxin.”—Efesin 4:​31, 32.

IX-XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA X’QED JAGĦMLU?

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jinkuraġġixxu lin-nies biex jgħixu ħajja b’saħħitha. It-tagħlim tal-Bibbja li noffru fl-istudji u l-laqgħat tagħna għenu lin-nies jegħlbu vizzji u drawwiet ħżiena.

Fi proġetti taʼ kostruzzjoni aħna naraw li nobdu sew il-livelli taʼ sigurtà. Volontiera li jgħinu biex jinbnew postijiet għal-laqgħat tagħna u bini ieħor fejn isir tagħlim edukattiv minn fuq il-Bibbja, jiġu trenjati biex jevitaw l-inċidenti. Ukoll, il-bini tagħna jiġi ċċekkjat b’mod regolari biex inkunu ċerti li qiegħed fi qbil mal-liġijiet tas-sigurtà tal-pajjiż.

Aħna ngħinu nies li jgħaddu minn diżastri naturali. Matul l-aħħar sena nfaqna ftit iktar minn 11-il miljun ewro minn donazzjonijiet li ngħataw biex ngħinu lil vittmi f’madwar 200 diżastru li saru madwar id-dinja.

Meta l-virus tal-Ebola beda jinfirex fl-Afrika tal-Punent fl-2014 u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-2018, aħna spjegajna lin-nies kif jistgħu joqogħdu attenti biex ma tinfirixx din il-marda li tistaʼ twassal għall-mewt. Aħna bgħatna rappreżentanti biex jitkellmu dwar is-suġġett “L-Ubbidjenza Ssalva l-Ħajjiet.” Ipprovdejna affarijiet biex qabel ma jidħlu fil-postijiet fejn niltaqgħu għal-laqgħat jaħslu jdejhom, enfasizzajna kemm hu importanti l-ħasil tal-idejn, u spjegajna x’jistgħu jagħmlu iktar biex il-mard ma jkomplix jinfirex.

Fi Sierra Leone, sar avviż fuq ir-radju biex ifaħħru lix-Xhieda taʼ Ġeħova talli għenu lix-Xhieda u lil nies oħrajn f’dak il-post biex jevitaw il-virus tal-Ebola.

Post fejn jaħslu jdejhom barra Sala tas-Saltna fl-2014 meta kien hemm il-virus tal-Ebola fil-Liberja

a Din il-liġi wriet kemm hu importanti li l-familja u nies oħrajn li jkunu fid-dar ikunu protetti.