IR-4 LEZZJONI
Kif ikunu responsabbli
X’JINVOLVI LI TKUN RESPONSABBLI?
In-nies li huma responsabbli huma nies taʼ min joqgħod fuqhom. Jekk titlobhom biex jagħmlu xi ħaġa, tistaʼ sserraħ moħħok li se jagħmluha sew u fil-ħin.
It-tfal jistgħu jitgħallmu jkunu responsabbli saħansitra minn età żgħira ħafna. “Meta t-tfal ikollhom 15-il xahar jagħmlu dak li jgħidulhom il-ġenituri. Meta jkollhom sena u nofs, huma jkunu jixtiequ jagħmlu kwalunkwe ħaġa li jkunu qed jagħmlu l-ġenituri tagħhom,” jgħid il-ktieb Parenting Without Borders. “F’ħafna kulturi, meta t-tfal ikollhom bejn ħames u sebaʼ snin, il-ġenituri jibdew juruhom kif jistgħu jgħinu fid-dar. Minkejja li jkunu żgħar, it-tfal huma kapaċi jagħmlu ħafna affarijiet b’mod tajjeb.”
GĦALA HU IMPORTANTI LI T-TFAL IKUNU RESPONSABBLI?
F’xi pajjiżi, ħafna adulti żgħar imorru jgħixu għal rashom imma ma jkunux kapaċi jagħmlu dan u jerġgħu lura jgħixu mal-ġenituri. F’xi każi, dan jiġri minħabba li l-ġenituri qatt ma jkunu għallmuhom kif jużaw il-flus bil-għaqal, kif jieħdu ħsieb dar, jew kif ikunu responsabbli fil-ħajja taʼ kuljum.
Għaldaqstant, ikun aħjar li tgħallem lit-tfal tiegħek kif ikunu responsabbli issa sabiex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu meta jsiru adulti. “M’għandekx iżżommhom jiddependu fuqek sakemm ikollhom tmintax-il sena u mbagħad titfagħhom fil-ħajja reali,” jgħid il-ktieb How to Raise an Adult.
KIF TGĦALLIMHOM IKUNU RESPONSABBLI
Agħtihom jagħmlu xi xogħol fid-dar.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “F’kull tip taʼ taħbit hemm vantaġġ.”—Proverbji 14:23.
It-tfal żgħar ikunu ħerqanin biex jaħdmu flimkien mal-ġenituri tagħhom. Int tistaʼ tieħdu vantaġġ minn din ix-xewqa naturali billi tagħtihom xi xogħol x’jagħmlu fid-dar.
Xi ġenituri jżommu lura milli jagħmlu dan. Huma jirraġunaw li t-tfal diġà għandhom ħafna homework x’jagħmlu, allura ma jkunux iridu jżidulhom ix-xogħol.
Madankollu, it-tfal li jagħmlu xi xogħol fid-dar imorru aħjar l-iskola għax jitgħallmu jibdew u jispiċċaw kull xogħol li jingħatalhom. Barra minn hekk, il-ktieb Parenting Without Borders jinnota li “jekk ma nħallux lil uliedna jgħinuna meta jkunu għadhom żgħar u jkunu jixtiequ jagħmlu dan, huma se jibdew jaħsbu li mhux importanti li tgħin lil oħrajn . . . Ukoll, huma jibdew jippretendu li ħaddieħor jagħmel l-affarijiet għalihom.”
Bħalma tindika din il-kwotazzjoni, meta t-tfal b’mod regolari jagħmlu xogħol fid-dar, huma jitgħallmu kif jgħinu lil oħrajn u ma jkunux egoisti. Ukoll, huma jħossuhom parti importanti mill-familja u jifhmu li din hi xi ħaġa li għandhom jagħmlu.
Għin lit-tfal tiegħek jerfgħu r-responsabbiltà għall-iżbalji tagħhom.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ismaʼ mill-pariri u aċċetta d-dixxiplina, sabiex tkun tistaʼ ssir għaref fil-futur tiegħek.”—Proverbji 19:20.
Meta t-tfal tiegħek jiżbaljaw, bħal pereżempju jekk xi ħadd minnhom jagħmel xi ħsara fil-propjetà taʼ ħaddieħor, taħbilhomx. It-tfal jistgħu jaċċettaw il-konsegwenzi. Pereżempju, f’dan il-każ jistgħu jiskużaw ruħhom u forsi saħansitra jsewwu l-ħsara.
Meta t-tfal jifhmu li huma responsabbli għall-iżbalji tagħhom, dawn se jiġu megħjuna biex . . .
-
ikunu onesti u jammettu l-iżbalji tagħhom
-
jevitaw li jwaħħlu f’ħaddieħor
-
ma joqogħdux iġibu skużi
-
jitolbu maħfra, meta jkun xieraq