Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-Teknoloġija Kif Teffettwa lit-Tfal Tiegħek?

It-Teknoloġija Kif Teffettwa lit-Tfal Tiegħek?

Għall-​kbar jistaʼ jkun diffiċli biex jitgħallmu jużaw it-​teknoloġija, imma għat-​tfal faċli ħafna għax kibru biha.

Imma ħafna nies innotaw li żgħażagħ li jqattgħu ħafna ħin online għandhom problemi bħal . . .

  • ma jkunux jistgħu joqogħdu mingħajr il-​mowbajl jew affarijiet elettroniċi oħra.

  • hemm iżjed ċans li jiġu bbuljati min-​nies online.

  • għandhom ċans ikbar li jaraw il-​pornografija, anke jekk ma jridux.

X’GĦANDEK TKUN TAF

MA JOQOGĦDUX MINGĦAJRHOM

Xi affarijiet u logħob fuq l-​internet huma ddisinjati apposta biex ikun diffiċli tieqaf tużahom. Il-​ktieb Reclaiming Conversation jgħid: “L-​apps fuq il-​mowbajl huma ddisinjati biex aħna nibqgħu nużawhom.” Dawk li jagħmlu r-​reklami jaqilgħu l-​flus meta aħna narawhom. Allura iżjed ma nużaw apps li fihom reklami, iżjed se jagħmlu flus.

AĦSEB DWAR DAN: It-​tfal tiegħi dejjem imwaħħlin mal-​mowbajl jew affarijiet elettroniċi oħra? Kif nistaʼ ngħinhom jużaw il-​ħin tagħhom aħjar?—EFESIN 5:15, 16.

BULLYING FUQ L-​INTERNET

Ħafna nies meta jkunu online ma jittrattawx lil oħrajn sew. Allura għandhom iżjed ċans li jibbuljaw lil oħrajn.

Nies bħal dawn jagħmlu hekk għax vera jridu jsiru popolari. Xi nies oħra jistgħu jħossuhom imweġġgħin jew li mhux qed jiġu ttrattati sew. Pereżempju, dan jistaʼ jiġri meta jaraw li kien hemm party u ma ġewx mistidnin.

AĦSEB DWAR DAN: It-​tfal tiegħi kif jittrattaw lil oħrajn meta jkunu online? (Efesin 4:31) Huma jħossuhom imweġġgħin meta jaraw li oħrajn jagħmlu affarijiet mingħajrhom?

IL-​PORNOGRAFIJA

Hu faċli ħafna biex tara affarijiet immorali fuq l-​internet. Kultant il-​ġenituri jistgħu jissettjaw x’jistgħu jaraw it-​tfal tagħhom. Imma dan mhux dejjem jaħdem u t-​tfal xorta jkunu jistgħu jaraw affarijiet ħżiena.

Is-​sexting hu li tirċievi jew tibgħat messaġġi jew ritratti immorali. Dan jistaʼ jkun kontra l-​liġi. F’ħafna każi, żgħażagħ li jaraw jew jibagħtu ritratti immorali taʼ żgħażagħ oħra jiġu akkużati bil-​pornografija tat-​tfal.

AĦSEB DWAR DAN: Kif nistaʼ ngħin lit-​tfal tiegħi biex iżommu lura milli jaraw jew jibagħtu ritratti immorali?—EFESIN 5:3, 4.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

ITTRENNJA T-​TFAL TIEGĦEK

Avolja faċli ħafna għat-​tfal biex jużaw it-​teknoloġija, imma xorta għandhom bżonn l-​għajnuna. Il-​ktieb Indistractable jgħid li hu perikoluż ħafna li tħalli t-​tfal jużaw l-​internet mingħajr ma jiġu ttrennjati. Dan qisu ħallejthom jaqbżu fil-​baħar mingħajr ma jafu jgħumu.

PARIR TAL-​BIBBJA: “Ħarreġ tifel skond it-​triq xierqa għalih; lanqas meta jixjieħ ma jwarrab minnha.”—PROVERBJI 22:6.

Agħżel liema minn dawn tixtieq tagħmel, jew ikteb xi ideat oħra.

  • Tkellem mat-​tfal tiegħek fuq kif għandhom jittrattaw lil oħrajn online

  • Għin lit-​tfal tiegħek ma jħossuhomx imwarrbin minn oħrajn

  • Agħmel li tistaʼ biex tgħin lit-​tfal ma jarawx affarijiet ħżiena fuq l-​internet

  • Kultant iċċekkja l-​mowbajl tat-​tfal tiegħek

  • Iddeċiedi kemm jistgħu jdumu jużaw il-​mowbajl kuljum

  • Tħallix lit-​tfal jużaw il-​mowbajl fil-​kamra tagħhom billejl

  • Tużawx il-​mowbajls meta tieklu flimkien bħala familja