Il-ħajja tal-familja u l-ħbiberiji
Ħafna nies isibuha diffiċli biex ikollhom relazzjoni tajba mal-familja u l-ħbieb. Ikkunsidra xi prinċipji mill-Bibbja li jistgħu jgħinuk ittejjeb ir-relazzjonijiet tiegħek m’oħrajn.
TKUNX EGOIST
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Filippin 2:4.
XI JFISSER DAN: Se jkollna relazzjonijiet tajbin m’oħrajn jekk niffokaw fuq x’nistgħu nagħmlu għalihom minflok fuq x’jistgħu jagħmlu huma għalina. Jekk int egoist, tistaʼ tagħmel ħsara lir-relazzjoni tiegħek m’oħrajn. Pereżempju, xi ħadd miżżewweġ li hu egoist jistaʼ jkun żleali mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ. Barra minn hekk, ħadd ma jrid li jkun ħabib taʼ xi ħadd li dejjem jiftaħar dwar dak li għandu jew li jaf. Ktieb modern jgħid li “nies li jimpurtahom biss dwarhom infushom u qatt ma jaħsbu f’oħrajn, se jkollhom ħafna problemi.”
X’TISTAʼ TAGĦMEL:
-
Għin lil oħrajn. Ħbieb tajbin jafdaw lil xulxin u dejjem ikunu lesti biex jgħinu lil xulxin. Xi studji juru li nies li jgħinu lil oħrajn ibatu inqas bid-dipressjoni u jħossuhom aħjar dwarhom infushom.
-
Uri empatija. L-empatija hi li tħoss l-uġigħ taʼ persuna oħra f’qalbek stess. Jekk turi empatija se jkollok inqas ċans li tuża sarkażmu aħrax, jiġifieri kliem li jintqal bħala ċajta imma li jkun intenzjonat biex iweġġaʼ s-sentimenti tal-persuna l-oħra.
Meta turi empatija, issir ukoll tolleranti lejn oħrajn. Għalhekk, l-empatija tistaʼ tgħinek tevita l-preġudizzji u tgħinek ukoll biex tagħmel ħbieb maʼ nies minn diversi kulturi jew li kellhom trobbija differenti.
-
Agħti mill-ħin tiegħek. Iktar ma tqattaʼ ħin m’oħrajn, iktar se ssir tafhom sew. Jekk tixtieq issib
ħabib tajjeb, trid titkellem dwar affarijiet li hu konċernat dwarhom u li huma importanti għalih. Allura kun semmiegħ tajjeb. Uri interess f’dak li l-ħbieb tiegħek huma inkwetati dwaru. Studju reċenti jgħid li “konversazzjonijiet fil-fond jistgħu jagħmlu persuna iktar ferħana.”
AGĦŻEL IL-ĦBIEB TIEGĦEK BIL-GĦAQAL
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Korintin 15:33.
XI JFISSER DAN: In-nies li tqattaʼ l-ħin magħhom għandhom influwenza kbira fuqek—b’mod tajjeb jew ħażin. Dawk li jistudjaw kif jaġixxu n-nies jaqblu li influwenza bħal din tistaʼ teffettwalek ħajtek. Pereżempju, jgħidu li jekk tagħmilha maʼ nies li jpejpu jew li ħa jiddivorzjaw, għandek iktar ċans li tibda tpejjep jew li tkun trid tiddivorzja.
X’TISTAʼ TAGĦMEL: Agħmel ħbieb maʼ nies li għandhom kwalitajiet u valuri li tammira jew tixtieq timita. Pereżempju, agħmilha maʼ nies li huma prudenti, ġenerużi, ospitabbli, u li juru rispett.
PRINĊIPJI OĦRA MILL-BIBBJA
TGĦIDX KLIEM LI JISTAʼ JWEĠĠAʼ LIL OĦRAJN.
“Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf.”—PROVERBJI 12:18.
KUN ĠENERUŻ.
“Min jagħti bil-qalb ikollu l-barka.”—PROVERBJI 11:25, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.
ITTRATTA LIL OĦRAJN BĦALMA TIXTIEQ LI JITTRATTAW LILEK.
“Kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.”—MATTEW 7:12.