Is-saħħa emozzjonali
Il-Bibbja twissi kontra emozzjonijiet li huma taʼ ħsara u tinkuraġġina biex niżviluppaw emozzjonijiet li huma taʼ benefiċċju għalina.
IR-RABJA
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Min ma jirrabjax malajr hu aħjar minn raġel setgħan.”—Proverbji 16:32.
XI JFISSER DAN: Aħna nibbenefikaw meta niżviluppaw is-saħħa biex nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna. Kultant, ilkoll nistgħu nirrabjaw għal raġuni tajba, imma jekk ma nikkontrollawx ir-rabja tagħna, din tistaʼ tagħmel ħsara kbira. Riċerkaturi moderni jgħidu li fis-saħna tal-mument, nies irrabjati spiss jgħidu jew jagħmlu affarijiet u wara jiddispjaċihom.
X’TISTAʼ TAGĦMEL: Tgħallem ikkontrolla r-rabja qabel ir-rabja tikkontrolla lilek. Waqt li xi nies jaħsbu li rabja mhix ikkontrollata hi sinjal li int b’saħħtek, inkunu għaqlin jekk nirrikonoxxu li dan hu fil-fatt sinjal li int dgħajjef. Il-Bibbja tgħid: “Bħal belt minfuda, mingħajr sur, hu l-bniedem li ma jrażżanx l-ispirtu tiegħu.” (Proverbji 25:28) Mod prattiku biex tikkontrolla r-rabja tiegħek hu billi jkollok il-fatti kollha qabel taġixxi. “Id-dehen taʼ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu.” (Proverbji 19:11) Nagħmlu tajjeb jekk nisimgħu ż-żewġ naħat taʼ kwistjoni u mhux biss qanpiena waħda. Dan jistaʼ jgħinna nsiru nafu l-affarijiet aħjar u forsi jgħinna nikkalmaw.
IL-GRATITUDNI
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Uru li intom grati.”—Kolossin 3:15.
XI JFISSER DAN: Jintqal li persuna grata biss tistaʼ tkun ferħana. Anki xi nies li b’mod traġiku tilfu lil xi ħadd fil-mewt jew tilfu xi ħaġa prezzjuża jaqblu maʼ dan. Huma qalu li s-sigriet biex ikampaw mal-emozzjonijiet tagħhom hu li jiffokaw fuq l-affarijiet li huma grati għalihom u mhux fuq dawk li tilfu.
X’TISTAʼ TAGĦMEL: Kull jum, agħmel lista tal-affarijiet li int grat għalihom. Dawn m’għandhomx għalfejn ikunu affarijiet kbar. Immedita dwar affarijiet żgħar, bħax-xena mill-isbaħ meta tkun tielaʼ x-xemx, fuq konversazzjoni sabiħa maʼ xi ħadd li tħobb, jew li sempliċiment għandek ġurnata oħra taʼ ħajja. Jekk tieħu l-ħin biex tinnota u tapprezza dawn l-affarijiet sbieħ, is-saħħa emozzjonali tiegħek tistaʼ tmur għall-aħjar.
Jistaʼ jkun taʼ benefiċċju kbir jekk taħseb dwar għala int grat għall-familja u l-ħbieb tiegħek. Meta tidentifika dak li tapprezza f’persuna, għidilha. Tistaʼ tagħmel dan wiċċ imb’wiċċ, b’ittra, b’e-mail, jew b’messaġġ. Aktarx li dan se jsaħħaħ ir-relazzjoni taʼ bejnietkom u se tesperjenza l-ferħ li jiġi meta tagħti.—Atti 20:35.
PRINĊIPJI OĦRA MILL-BIBBJA
ITLAQ META JKUN HEMM ARGUMENT.
“Il-bidu tal-ġlied hu bħal xi ħadd li jħalli l-ilmijiet joħorġu; mela qabel ma tfaqqaʼ t-tilwima, warrab.”—PROVERBJI 17:14.
EVITA LI TINKWIETA BLA BŻONN DWAR IL-FUTUR.
“Qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-ħażen tagħha.”—MATTEW 6:34.
TIRREAĠIXXIX FUQ KIF TĦOSSOK DAK IL-MUMENT IMMA AĦSEB SEW QABEL TAGĦMEL XI ĦAĠA.
“L-abbiltà li taħseb tibqaʼ tgħasses fuqek, u d-dixxerniment iħarsek.”—PROVERBJI 2:11.