Is-saħħa fiżika
Il-Bibbja mhix ktieb dwar il-mediċina. Imma fiha nsibu pariri li jistgħu jgħinuna biex ikollna ħajja iktar f’saħħitha. Ikkunsidra xi prinċipji tal-Bibbja li jistgħu jgħinuk tkun iktar f’saħħtek.
ĦU ĦSIEB ĠISMEK
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.”—Efesin 5:29.
XI JFISSER DAN: Dan il-prinċipju tal-Bibbja jinkuraġġina biex nagħmlu dak li nistgħu biex nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tagħna. Studju juri li ħafna problemi taʼ saħħa jiġu mill-istil taʼ ħajja li wieħed jagħżel. Għalhekk li tagħmel għażliet tajbin jistaʼ jwassal għal saħħa aħjar.
X’TISTAʼ TAGĦMEL:
-
Żomm dieta tajba. Agħżel li tiekol ikel bnin u ixrob biżżejjed ilma.
-
Ibqaʼ attiv. L-attività fiżika tistaʼ tgħinek ittejjeb is-saħħa tiegħek, għandek kemm għandek żmien u anka jekk għandek xi diżabilità jew limitat minħabba xi marda kronika. Filwaqt li l-għeżież tiegħek jew speċjalisti tas-saħħa jistgħu jagħtuk suġġerimenti u jinkuraġġuk biex tagħmel l-eżerċizzju, fl-aħħar mill-aħħar int trid tagħmlu!
-
Orqod biżżejjed. Nuqqas taʼ rqad b’mod regolari jistaʼ jwassal għal mard serju. Bid-deċiżjonijiet li jieħdu, ħafna nies jispiċċaw ma jorqdux biżżejjed. B’hekk, meta tagħżel li torqod biżżejjed, tkun qed tagħżel li tgħix aħjar.
AQTAʼ VIZZJI ĦŻIENA
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu.”—2 Korintin 7:1.
XI JFISSER DAN: Aħna nibbenefikaw meta nagħżlu li ma nħammġux ġisimna b’sustanzi li jagħmlu
l-ħsara bħalma huma l-prodotti tat-tabakk, eżempju s-sigaretti. Dawn huma magħrufin bħala kawża prinċipali tal-mard u l-mewt.X’TISTAʼ TAGĦMEL: Agħżel ġurnata li fiha tkun ħa taqtagħhom u mmarkaha fuq il-kalendarju. Ġurnata qabel id-data li tkun għażilt, armi s-sigaretti, l-ashtrays, il-lighters, u l-affarijiet l-oħrajn kollha li għandhom x’jaqsmu maʼ dan il-vizzju ħażin. Evita li tmur f’postijiet fejn ikun hemm nies ipejpu. Għid lil sħabek u lil tal-familja bid-deċiżjoni li tkun ħadt biex ikunu jistgħu jgħinuk.
PRINĊIPJI OĦRA MILL-BIBBJA
EVITA L-PERIKLU.
“Jekk tibni dar ġdida, agħmel ċint mal-bejt tiegħek, sabiex ma ġġibx il-ħtija tad-demm fuq darek għaliex jaqaʼ xi ħadd minn fuqu.”—DEWTERONOMJU 22:8.
IKKONTROLLA R-RABJA TIEGĦEK.
“Min idum biex jirrabja għandu ħafna dixxerniment, imma min hu bla paċenzja qed jeżalta l-bluha.”—PROVERBJI 14:29.
EVITA LI TIEKOL IŻŻEJJED.
“Tkunx . . . fost dawk li għandhom kilba għal-laħam.”—PROVERBJI 23:20.