Fejqan għal Dejjem
Miljuni taʼ nies applikaw il-prinċipji msemmijin fl-artikli taʼ qabel u għamlu progress kbir f’li jqaċċtu ’l barra l-preġudizzju minn qalbhom. Iżda fir-realtà ma nistgħux inneħħu kompletament il-preġudizzju waħedna. Allura jfisser li m’hemmx tama?
Gvern Perfett
Il-gvernijiet umani wrew li ma jistgħux ineħħu l-preġudizzju. Imma jfisser dan li l-ebda gvern ma jistaʼ jneħħi l-preġudizzju?
Biex gvern ineħħi l-preġudizzju, hu jrid:
-
1. Jimmotiva lin-nies biex ikunu jridu jbiddlu l-mod kif jaħsbu u jħossuhom lejn oħrajn
-
2. Ifejjaq il-ħsara taʼ meta n-nies ma jittrattawx lil xulxin tajjeb
-
3. Ikollu mexxejja tajbin li ma jurux preġudizzju
-
4. Jgħaqqad lin-nies tan-nazzjonijiet kollha
Il-Bibbja tiżgurana li Alla għandu gvern bħal dan. Dan jissejjaħ “is-saltna t’Alla.”—Luqa 4:43.
Ara dan il-gvern x’se joffri:
1. Tagħlim Superjuri
“L-abitanti taʼ l-art produttiva [se] jitgħallmu s-sewwa.”—ISAIJA 26:9.
‘Ix-xogħol tas-sewwa veru se jkun paċi; u s-servizz tas-sewwa veru se jkun kwiet u sigurtà għal żmien indefinit.’—ISAIJA 32:17.
Dan xi jfisser? Is-Saltna t’Alla se tgħallem lin-nies dak li hu tajjeb. Meta n-nies jitgħallmu t-tajjeb mill-ħażin—ġustizzja mill-inġustizzja—l-attitudnijiet tagħhom lejn xulxin jinbidlu. Kulħadd se jifhem li l-ħaġa t-tajba li nagħmlu hi li nħobbu lil kull tip taʼ nies.
2. Fejqan
Alla se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—RIVELAZZJONI 21:4.
Dan xi jfisser? Alla se jġib fix-xejn l-uġigħ ikkaġunat bl-inġustizzja. Dawk li qabel ġew trattati ħażin mhux se jkollhom għalfejn iħossu mibegħda iżjed.
3. Tmexxija Tajba
“Mhux se jiġġudika biss fuq dak li jara b’għajnejh, lanqas ma jwiddeb sempliċement skond dak li jismaʼ b’widnejh. U bis-sewwa jiġġudika lill-batuti, u b’mod rett jagħti twiddib għan-nom tal-ġwejdin taʼ l-art.”—ISAIJA 11:3, 4.
Dan xi jfisser? Ġesù Kristu, is-Sultan tas-Saltna t’Alla tas-sema, se jmexxi d-dinja b’ġustizzja. Ġesù mhux se jkun favur xi nazzjon minn ieħor, u se jara li n-nies kollha madwar id-dinja jobdu l-liġijiet tiegħu.
4. Għaqda Ġenwina
Is-Saltna t’Alla tgħallem lin-nies biex ikunu tal-‘istess fehma u [juru] l-istess imħabba. Ikunu magħqudin ruħ waħda u jżommu ħsieb wieħed f’moħħhom.’—FILIPPIN 2:2.
Dan xi jfisser? Iċ-ċittadini tas-Saltna t’Alla mhux sempliċiment se jidhru li huma magħqudin. Huma se jkunu magħqudin għalkollox għax verament iħobbu lil xulxin.