Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Għandek wisq x’tagħmel?

Għandek wisq x’tagħmel?

Tħoss li għandek wisq x’tagħmel? Jekk inhu hekk, żgur li m’intix waħdek. “Kull fejn tmur, donnu kulħadd għandu x’jagħmel,” tirrapporta r-​rivista The Economist.

FL-​2015, sar stħarriġ fost ħaddiema full-​time fi tmien pajjiżi. Ħafna minn dawk li rrispondew qalu li jsibuha diffiċli jlaħħqu kemm max-​xogħol kif ukoll mad-​dar. Fost ir-​raġunijiet li taw kien hemm aktar responsabbiltà fuq ix-​xogħol jew id-​dar, żieda fl-​ispejjeż, u ħinijiet itwal fuq il-​post tax-​xogħol. Pereżempju, fl-​Istati Uniti tal-​Amerika dawk li jaħdmu full-​time jgħidu li jaħdmu medja taʼ 47 siegħa fil-​ġimgħa. Kważi 1 minn kull 5 stqarrew li jaħdmu 60 siegħa jew aktar!

Fi stħarriġ ieħor, fejn kienu involuti 36 pajjiż, aktar minn kwart minn dawk li pparteċipaw qalu li ħafna drabi jħossuhom mgħaġġlin fil-​ħin liberu tagħhom ukoll! Anke t-​tfal jistgħu jiġu effettwati jekk jiġu mgħobbijin iżżejjed b’ħafna attivitajiet.

Meta l-​ħin kollu nipprovaw inlaħħqu maʼ aktar affarijiet milli jippermettilna l-​ħin, nistgħu nsiru ansjużi. Però, huwa possibbli li tgħix ħajja aktar ibbilanċjata? It-​twemmin, l-​għażliet, u l-​miri tagħna xi rwol għandhom? L-​ewwel, ikkunsidra erbaʼ raġunijiet għalfejn xi wħud jipprovaw jagħmlu aktar milli jifilħu.

1 IX-​XEWQA LI L-​FAMILJA MA JKUN JONQOSHA XEJN

“Kont naħdem sebat ijiem fil-​ġimgħa,” jgħid missier jismu Gary. “Kont naħdem daqshekk għax dejjem kien hemm xi ħaġa aħjar li xtaqt nagħti lil uliedi. Xtaqt li jkollhom l-​affarijiet li jien qatt ma kelli.” Minkejja li jkollhom intenzjoni tajba, il-​ġenituri għandhom bżonn jeżaminaw il-​prijoritajiet tagħhom. Xi studji juru li l-​ġenituri u t-​tfal li jpoġġu wisq enfasi fuq il-​flus u l-​affarijiet materjali, għandhom it-​tendenza li jkunu inqas ferħana, inqas sodisfatti, u inqas b’saħħithom fiżikament minn dawk li mhumiex materjalistiċi.

It-tfal li huma mtellgħin bl-idea li l-affarijiet materjali huma l-aktar ħaġa importanti, huma inqas ferħana

Biex ikunu ċerti li wliedhom jirnexxu fil-​ħajja, xi ġenituri jimlew l-​iskeda tagħhom u taʼ wliedhom iżżejjed b’diversi attivitajiet. Għalkemm b’intenzjoni tajba, il-​konsegwenzi huma li kemm l-​ulied u kemm il-​ġenituri jsofru.

2 L-​IDEA LI ‘AKTAR MA JKOLLOK AKTAR AĦJAR’

Dawk li jirreklamaw jipprovaw jikkonvinċuna li qed niċċaħħdu minn xi ħaġa jekk ma nixtrux l-​aħħar prodotti fis-​suq. Ir-​rivista The Economist tgħid: “L-​ammont enormi taʼ prodotti li hawn disponibbli qiegħed biss iġiegħel lin-​nies iħossu li m’għandhomx ħin biżżejjed,” għax fil-​ħin limitat li għandhom “jiġu bejn ħaltejn x’se jixtru, x’se jaraw, jew x’se jieklu.”

Fl-​1930, ekonomista magħruf bassar li l-​avvanz fit-​teknoloġija kien se jwassal biex il-​ħaddiema jkollhom aktar ħin liberu. Kemm kien żbaljat! “Minflok ma jitilqu qabel [mix-​xogħol],” qalet Elizabeth Kolbert, kittieba fir-​rivista New Yorker, in-​nies “dejjem iħossu l-​bżonn li jixtru affarijiet ġodda”—u dawn l-​affarijiet jiswew il-​flus u jieħdu l-​ħin.

3 TIPPROVA TISSODISFA L-​ISTENNIJIET TAʼ ĦADDIEĦOR

Xi ħaddiema jaħdmu ħinijiet esaġerati biex ma jidhrux koroh mal-​imgħallem tagħhom. Anke l-​ħaddiema stess jistgħu jitfgħu pressjoni billi jġiegħlu lil dak li jkun iħossu ħati jekk ma jibqax wara l-​ħin tax-​xogħol. Imbagħad hemm l-​inċertezza ekonomika li ġġiegħel in-​nies ikunu lesti jaħdmu ħinijiet itwal jew jidħlu għax-​xogħol ikun x’ħin ikun.

B’mod simili, il-​ġenituri jistgħu jħossu l-​pressjoni li jridu jagħmlu bħalma jagħmlu familji oħrajn. Jekk ma jagħmlux bħalhom, jistgħu jħossuhom ħatja li qed “iċaħħdu” lil uliedhom.

4 TIRSISTI GĦAL POŻIZZJONI SOĊJALI U S-​SODISFAZZJON

Tim, li jgħix l-​Istati Uniti, jgħid: “Kont inħobbu x-​xogħol tiegħi, u kont naħdem kemm niflaħ il-​ħin kollu. Ħassejt li ridt nuri li jien kapaċi.”

Bħal Tim, ħafna jħossu li hemm konnessjoni kbira bejn kif iħossuhom u kemm għandhom xogħol. X’inhu r-​riżultat? Elizabeth Kolbert, li kienet ikkwotata qabel, tispjega li n-​nies jaħsbu li iktar kemm ikollhom x’jagħmlu iktar jidhru importanti fis-​soċjetà.

TGĦALLEM KUN BILANĊJAT

Il-​Bibbja tinkuraġġina biex inkunu beżlin u naħdmu iebes. (Proverbji 13:4) Però, anke biex inkunu bilanċjati. “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ,” jgħid Ekkleżjasti 4:6.

Li ngħixu ħajja bilanċjata jagħmlilna tajjeb kemm għas-​saħħa mentali kif ukoll għas-​saħħa fiżika tagħna. Imma huwa verament possibbli li ssib bilanċ? Iva, ikkunsidra dawn l-​erbaʼ suġġerimenti:

1 KUN AF X’INHUMA L-​VALURI U L-​MIRI TIEGĦEK

Huwa normali li tkun tixtieq xi ħaġa tal-​flus taħt rasek. Imma kemm għandek bżonn flus biex ikollok biżżejjed? Xi jfisser li jkollok suċċess f’ħajtek? Jitkejjel dan sempliċiment mid-​dħul finanzjarju u mill-​affarijiet materjali li għandek? Mill-​banda l-​oħra, il-​mistrieħ żejjed jew ir-​rikreazzjoni żejda jistgħu wkoll iżidulek il-​pressjoni biex tlaħħaq.

Tim, li ġie kkwotat qabel, jgħid: “Jien u marti analizzajna sew ħajjitna u ddeċidejna li nissimplifikawha. Għamilna lista li kienet turi s-​sitwazzjoni preżenti tagħna u l-​miri ġodda li rridu nilħqu. Iddiskutejna x’effett kellhom id-​deċiżjonijiet li ħadna fil-​passat u dak li kien hemm bżonn nagħmlu biex nilħqu l-​miri tagħna.”

2 TAĦSIBX LI AKTAR MA JKOLLOK AKTAR TKUN FERĦAN

Il-​Bibbja tagħtina l-​parir biex nikkontrollaw “ix-​xewqa taʼ l-​għajnejn.” (1 Ġwanni 2:15-​17) Ir-​reklamar jistaʼ jqanqal xewqat bħal dawn, u b’hekk iġiegħel persuna taħdem sigħat twal. Ir-​reklamar jistaʼ wkoll iġiegħel persuna tqattaʼ ħafna ħin jew tonfoq ħafna flus fir-​rikreazzjoni. Veru, ma tistax tevita r-​reklami kollha. Però tistaʼ tnaqqas. Tistaʼ wkoll tikkunsidra sewwa x’inhuma l-​bżonnijiet tiegħek.

Żomm f’moħħok ukoll l-​influwenza li għandhom fuqek dawk li tagħmilha magħhom. Jekk il-​ħin kollu moħħhom f’affarijiet materjali jew għalihom is-​suċċess jitkejjel b’kemm għandhom affarijiet, tagħmel sew jekk tfittex ħbieb li għandhom prijoritajiet aħjar. “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref,” tgħid il-​Bibbja.—Proverbji 13:20.

3 AGĦMEL LIMITI FUQ IX-​XOGĦOL

Tkellem mal-​imgħallem tiegħek dwar ix-​xogħol u l-​prijoritajiet li għandek. U m’għandekx għalfejn tħossok ħati għax għandek ħajja wara x-​xogħol. Il-​ktieb Work to Live jgħid: “Dawk li ma jħallux l-​impjieg jiħdilhom mill-​ħin personali tagħhom jew li jieħdu xi ġranet off, isibu kemm hu minnu dan il-​kliem: Mhix se taqaʼ d-​dinja għax m’hemmx int.”

Gary, li kien ikkwotat qabel, kien finanzjarjament komdu, għalhekk iddeċieda li jnaqqas mill-​ħin tax-​xogħol. “Tkellimt mal-​familja tiegħi u ssuġġerejt li nissimplifikaw ħajjitna,” jgħid hu. “Imbagħad, bil-​mod il-​mod, ħadna l-​passi meħtieġa biex nagħmlu dan. Tkellimt ukoll maʼ min jimpjegani u ssuġġerejt li naħdem inqas ġranet fil-​ġimgħa, u hu qabel miegħi.”

4 IL-​ĦIN MAL-​FAMILJA TIEGĦEK AGĦTIH PRIJORITÀ

L-​irġiel u n-​nisa miżżewġa għandhom bżonn iqattgħu l-​ħin flimkien, u l-​ulied għandhom bżonn il-​ħin mal-​ġenituri. Għalhekk, evita li tipprova tlaħħaq maʼ familji oħrajn li l-​ħin kollu għandhom x’jagħmlu. “Ħalli ħin għall-​mistrieħ,” jissuġġerixxi Gary, “u tagħmilx affarijiet li mhumiex daqstant importanti.”

Meta tkunu flimkien bħala familja, tħallux it-​televixin, il-​mowbajls, jew apparat ieħor ibegħedkom minn xulxin. Kulu mqar darba kuljum flimkien u użaw dan il-​ħin biex titkellmu bħala familja. Meta l-​ġenituri jpoġġu fil-​prattika dawn il-​pariri sempliċi, uliedhom igawdu saħħa aħjar u jmorru aħjar fl-​iskola.

Użaw il-​ħin tal-​ikel biex titkellmu bħala familja

Meta tikkunsidra dan kollu, staqsi lilek innifsek: ‘Jien xi rrid mill-​ħajja? Xi rrid għal familti? Jekk għandek ix-​xewqa li jkollok ħajja aktar hienja u bi skop, ara li tagħmel prijoritajiet li jirriflettu l-​għerf li nsibu fil-​Bibbja u li għal darba wara l-​oħra wera li hu minnu.