Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-meravilja taċ-ċirlewwa tal-Artiku

Il-meravilja taċ-ċirlewwa tal-Artiku

GĦAL żmien twil kien mifhum li ċ-​ċirlewwa tal-​Artiku ttir madwar 35,200 kilometru meta tpassi mir-​reġjun tal-​Artiku sal-​Antartika u lura. Madankollu, riċerka li saret dan l-​aħħar turi li dawn l-​għasafar fir-​realtà jtiru ħafna aktar.

Bħalma jidher fl-​istampa, meta ċ-​ċirlewwa tpassi ma tiħux l-​iqsar rotta

Strumenti ċkejknin li jissejħu geolocators ġew imwaħħlin maʼ xi għasafar minnhom. Dan l-​apparat, li jiżen madwar paper clip, wera li ċirlewwa tistaʼ ttir madwar 90,000 kilometru biex tagħmel dawra sħiħa, u b’hekk huwa l-​aktar annimal magħruf li jpassi fit-​tul. Għasfur minnhom tar madwar 96,000 kilometru! Għaliex kien hemm bżonn li l-​kalkolu jerġaʼ jiġi rivedut?

Tibda minn fejn tibda l-​vjaġġ tagħha, iċ-​ċirlewwa tal-​Artiku ma ttirx għad-​dritt. Bħalma tistaʼ tara fl-​istampa, spiss tpassi minn fuq l-​Oċean Atlantiku f’forma taʼ S. X’inhi r-​raġuni? L-​għasfur kulma jagħmel hu li jieħu vantaġġ mis-​sistemi tal-​irjiħat qawwijin.

Iċ-​ċirlewwa tgħix madwar 30 sena. Tul ħajjitha għandha mnejn tivvjaġġa ħafna iktar minn 2.4 miljun kilometru. Qisek qed tgħid tliet darbiet jew erbgħa sal-​qamar u lura! “Din hija kapaċità tal-​għaġeb għal għasfur li jiżen kemm xejn iktar minn 100 gramma,” qal riċerkatur. Iktar minn hekk, minħabba li ċ-​ċirlewwa tal-​Artiku ssib is-​sajf kemm fil-​Pol tat-​Tramuntana u kemm fil-​Pol tan-​Nofsinhar, hi tara “iktar dawl tal-​ġurnata kull sena minn kwalunkwe ħliqa oħra,” jgħid il-​ktieb Life on Earth: A Natural History.